Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ta’ Qali – outdoor gym u ground 5-a-side – dawl

Question

Tista’ l-Ministru tgħid għaliex l-outdoor gym u l-ground tal-5-a-side li jinsabu f'Ta' Qali ħdejn l-MFCC ma jinxtegħelx dawl fihom billejl?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-elettriku jinsab temporanjament sospiż minħabba x-xogħolijiet li qed isiru fil-park ta’ Ta Qali. Infurmata wkoll li l-Enemalta se tkun qed tikkordina mal-Ministeru responsabbli minn dawn ix-xogħolijiet.

Imtarfa, Ħad-Dingli, Imdina u Mmġarr – għases tal-pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jagħti l-ħinijiet li fihom jiftħu l-għases tal-Imtarfa, Ħad-Dingli, l-Imdina u l-Imġarr? Jista’ jgħid kemm ikun hemm uffiċjali tal-pulizija preżenti f'kull għassa msemmija?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi, għajr l-Għassa tal-Imtarfa li topera bħala Uffiċċju għall-Pulizija tal-Komunità, l-għases indikati mill-Onor. Membru ġeneralment ma jkunux miftuħa. Madankollu, fil-każ tal-lokalitajiet tal-Imtarfa, Ħad-Dingli u l-Imdina, dawn iż-żoni huma koperti mill-Pulizija tad-distrett tar-Rabat, liema għassa hija miftuħa 24 siegħa kuljum, fejn dawn jilħqu l-bżonnijiet tar-residenti kif meħtieġ. Dwar l-Imġarr ir-residenti huma koperti mill-għassa tal-Mosta li hi responsabbli għal din iż-żona li wkoll hija miftuħa 24 siegħa kuljum. Ta’ min jirrimarka li l-lokalitajiet tal-Imdina, Ħad-Dingli u l-Imtarfa, huma koperti wkoll mill-Pulizija tal-Kommunità li joperaw mill-għassa tal-Imtarfa u huwa pjanat illi sa l-aħħar tas-sena, l-Imġarr ikun kopert ukoll minn din it-taqsima. Il-lokalitajiet kollha jintlaħqu malajr mir-ronda regulari li ssir mill-membri tal-RIU permezz tal-vetturi tagħhom, kif ukoll minn sezzjonijiet oħra bħal kavallerija u s-sezzjoni tal-klieb. Ma’ kull waħda minn dawn l-għases hemm stallata sistema ta’ intercom, li permezz tagħha l-pubbliku jista’ jikkomunika mal-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija erbgħa u għoxrin siegħa kuljum, għall kull assistenza kif hemm ukoll il-faċilità illi kulħadd jista’ jagħmel rapport online. Dan kollu jsir fid-dawl tal-istrateġija ġdida tal-Pulizija li ġiet introdotta fix-xhur li għaddew u li tiffoka fuq miżuri preventivi. Dan jippermetti li ikun hemm aktar rondi mill-Pulizija li fl-istess ħin ikunu aktar involuti u qrib il-pubbliku, minflok dawn ikunu fl-għases jistennew il-każijiet.

Sptar Mount Carmel – xiri ta’ sodod

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta nxtraw is-sodod li jintużaw f'kull sala li hemm fl-Isptar Mount Carmel u meta ser jinxtraw dawk ġodda?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bejn l-2009 u 2021 inxtraw 150 sodda għal-Isptar Mount Carmel u 94 sodda oħra gew moghtija b’donazzjoni minn Mater Dei.

National Health Strategy 2020-2023 – bini ta’ sptar ġdid

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid f'liema stat wasal ix-xogħol fuq il-bini u l-ippjanar ta' sptar ġdid hekk kif kien maqbul li jsir fin-National Health Strategy 2020-2023?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jidentifika għal liema sptar qed jirreferi.

Sptar Mount Carmel – trattament ta’ pazjenti

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk kienx hemm istanzi f'dawn l-aħħar ħames snin fejn pazjenti li jkunu qed jieħdu kura fil-qasam tas-saħħa mentali ġewwa l-Isptar Mount Carmel kienu qed jiġu ttrattati fl-istess sala ma’ persuni li jkunu waqgħu f'vizji bħal droga, alkoħol jew użura?

Response (FEARNE, CHRIS)

Waqt li ninforma lill-Onor. Interpellant illi fl-Isptar Monte Carmeli hemm swali imsejħa Dual Diagnosis Units għal min ikun qed ibati minn mard mentali, direttament relatat ma l-użu tad-droga, nitolbu jispeċifika jekk hux qed jissuġġerixxi illi persuni li xi darba f’ħajjithom ikunu għaddew minn xi problema tad-droga, alkoħol jew użura għandhomx ikunu segregati mill-kumplament tas-soċjetà meta jkollhom bżonn kura medika. Jekk dan hu s-sentiment tal-Onor. Interpellant allura ċar li jien ma naqbilx mieghu.

Korp tal-Pulizija – membri li rtiraw bis-servizz

Question

Fid-dawl tat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 739, jista’ l-Ministru jgħid kemm irtiraw pulizija fis-sena 2021 u fil-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar sal-ġurnata meta tkun qed tingħata t-tweġiba għal din il-mistoqsija? Jista’ jgħid ukoll kemm irtiraw pulizija għaliex għalqu s-servizz kif ukoll dawk li rtiraw qabel ma għalqu s-servizz u f’liema rank kienu?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi n-numru ta’ pulizija li rtiraw bil-pensjoni fis-sena 2021 għaliex għalqu s-snin tas-servizz jew aktar, kien ta’ mija u tmenin. Dawk li rtiraw qabel ma għalqu s-snin tas-servizz tagħhom, imma kienu eliġibbli għall-penjoni, kienu ħamsa. Ir-rankijiet kienu kif jidher fit-tabella ta’ hawn taħt: 2021 Dep. Kummissarju Assistent Kummissarju Suprentendent Spettur Maġġur Surġent Kuntistabbli Total Irtiraw bil-pensjoni qabel-il 25 sena servizz 2 3 5 Irtiraw bil-pensjoni b’ħamsa u għxorin sena servizz jew aktar 2 2 7 4 8 36 121 180 Total 2 2 7 4 8 38 124 185 Fil-perjiodu minn 1 ta’ Jannar 2022 sat-23 ta’ Gunju 2022, il-pulizija li rtiraw bil-pensjoni għaliex għalqu s-snin tas-servizz jew aktar, kien ta’ ħamsa u tletin. Dawk li rtiraw qabel ma għalqu s-snin tas-servizz tagħhom imma kienu eleġibli għall-pensjoni, kienu tnejn. Ir-rankijiet kienu kif jidher fit-tabella ta’ hawn taħt: 2022 Assistent Kummissarju Suprentendent Spettur Surgent Kuntistabbli Total Irtiraw bil-pensjoni qabel-il 25 sena servizz 2 2 Irtiraw bil-pensjoni b’ħamsa u għxorin sena servizz jew aktar 1 3 1 8 22 35 Total 1 3 1 8 2 4 3 7

Korp tal-Pulizija – membri fi ħdan il-Community Policing

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm Pulizija ddettaljati fi ħdan il-Community Policing?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi fid-data ta’ din il-mistoqsija, in-numru totali ta’ Pulizija ddettaljati fi ħdan il-Community Policing kien ta’ tlieta u tmenin (83).

Direttorat tal-Ħarsien tal-Annimali – multi amministrattivi

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1552 u jgħid kemm ħareġ multi amministrattivi d-Direttorat tal-Ħarsien tal-Annimali minn Ottubru 2021 sal-lum?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni ser tingħata f'xi seduta oħra.

Servizz 1717

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1554 u jgħid jekk is-servizz tal-1717 bediex jitħaddem f’Għawdex? Jista’ jgħid ukoll kemm persuni qed jaħdmu f'dan is-servizz kemm dan ilu jopera? Il-persuni li ntgħażlu, fuq liema kriterji ġew ingaġġati?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi s-servizz tal-1717 beda jitħaddem mis-16 ta’ Mejju 2022 u hemm erba’ persuni jaħdmu f'dan is-servizz. Il-persuni li qed jaghtu dan is-servizz ingħataw it-taħriġ meħtieġ.

Animal Welfare – ġbir ta’ qtates

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1555 u jgħid kemm inġabru qtates minn Jannar sal-aħħar ta' Mejju mill-Animal Welfare? Kemm kien hemm minn dawn il-qtates li kellhom jitraqqdu?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi minn Jannar sal-aħħar ta’ Mejju nġabru 606 qattus mid-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali u li minnhom, 149 qattus gew imraqqda. Il-maġġoranza assoluta minnhom kienu involuti f’inċidenti awtomobilistiċi u oħrajn. Id-deċiżjoni dejjem ittieħdet mill-veterinarji abbażi ta’ raġunijiet mediċi u l-kundizzjoni ta’ saħħa li jkun jinsab fiha l-qattus.

Irziezet f’Malta

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1619 u jgħid kemm irziezet waqfu jew għalqu milli jkomplu joperaw f'Malta mill-2016 sal-lum? Jista’ jagħti kemm għalqu sena b'sena, lokalità b’lokalità?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni ser tingħata f'xi seduta oħra.

Welfare Officers

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1620 u jgħid kemm kien hemm persuni li jagħmlu xogħol ta' Welfare Officers li huma jew mislufin minn dipartiment/dipartimenti oħra u/jew ma daħlux jaħdmu direttament bħala AW Officers?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni ser tingħata f'xi seduta oħra.

Remote Working Policy – ħaddiema taċ-Ċivil

Question

Jista’ l-Prim Ministru jagħti n-numru eżatt ta’ impjegati tal-Gvern, maqsuma b’Ministeru u entità taħt kull Ministeru, li bħalissa qegħdin jaħdmu b'mod remot, f’konformità mar-remote working policy?

Response (ABELA, ROBERT)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari nru 923.

Balluta – tixtrid ta’ skart tal-kostruzzjoni fil-baħar

Question

Peress li mill-bidu tal-ġimgħa li tibda t-13 ta’ Ġunju sal-lum, skart tal-kostruzzjoni niġġes il-bajja taħt l-eks Sit tal-NSTS, tul il-kosta ta’ Qui-Si-Sana, fejn għandi wkoll ritratti biex nipprova dan, għaldaqstant tista' l-Ministru tispjega għaliex ma ttieħdet l-ebda azzjoni immedjata biex dan it-tniġġis tal-baħar jitwaqqaf? Tista’ tgħid x'azzjoni qed tittieħed kontra dawk li huma responsabbli għal dan it-tniġġis tal-baħar? Fid-dawl tal-fatt li dan huwa t-tieni każ ta’ tniġġis mill-iskart tal-kostruzzjoni tul il-kosta bejn il-Bajja tal-Balluta u Qui-Si-Sana f’dawn l-aħħar sitt ġimgħat, bl-aħħar wieħed ikun fil-bajja tal-Balluta sitt ġimgħat ilu, tista’ l-Ministru tispjega dak li sar biex jiġi evitat it-tniġġis ta’ din il-kosta jerġa’ jiġri?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li lill-ERA ma waslilha l-ebda rapport riċenti dwar xogħlijiet li minnhom irriżulta skart li ħammeġ il-baħar matul ix-Xatt ta’ Qui-si-Sana. Spezzjonijiet minn uffiċċjali tal-ERA li saru wara li waslitilha l-Mistoqsija Parlamentari, ma wrew l-ebda turbidità fil-baħar matul il-kosta msemmija. Nistieden lill-Onor. Interpellant biex jghaddi evidenza li jista’ ghandu ta’ skart li qed jispiċċa jew jinxteħet il-baħar, lill-awtorità kompetenti għall iktar investigazzjoni.

Tas-Sliema — Qui Si Sana – overflow tad-drenaġġ

Question

Fid-dawl li s-Sindku ta’ Tas-Sliema ilu aktar minn ġimgħa jappella lill-awtoritajiet biex iwaqqfu l-overflow tad-drenaġġ fuq il-bajja fi Qui-Si-Sana, fejn saħansitra poġġa filmat fuq il-midja soċjali biex juri l-periklu allarmanti għas-saħħa tal-għawwiema, għaldaqstant tista' l-Ministru tispjega għaliex dan l-overflow tad-drenaġġ ma twaqqafx immedjatament u meta se tissolva din il-problema?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-każ imsemmi jidher li hu riżolt. Ninsab infurmata wkoll li nstab is-sors tal-ilma maħmuġ li jidher kienet infrastruttura ta' terzi, u barra minn network tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma. Madanakollu, il-Korporazzjoni offriet l-assistenza tagħha lill-awtoritajiet kompetenti u se ssegwi l-każ skont il-bżonn. F'każijiet simili, l-investigazzjonijiet isiru mid-Dipartiment tas-Saħħa.

Tas-Sliema — Qui Si Sana – overflow tad-drenaġġ

Question

Fid-dawl li s-Sindku ta’ Tas-Sliema ilu aktar minn ġimgħa jappella lill-awtoritajiet biex iwaqqfu l-overflow tad-drenaġġ fuq il-bajja fi Qui-Si-Sana, fejn saħansitra poġġa filmat fuq il-midja soċjali biex juri l-periklu allarmanti għas-saħħa tal-għawwiema, għaldaqstant jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jispjega għaliex dan l-overflow tad-drenaġġ ma twaqqafx immedjatament u meta se tissolva din il-problema?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi llum se joħrog avviz biex iz-żona terġa' tinfetaħ għall-għawm.

Programmi televiżi aċċessibbli għal persuni bi problemi ta' smigħ

Question

Fid-dawl li f’Settembru 2020 l-eks Ministru Abela qal li għandu jkun hemm diskussjoni biex naraw kif il-programmi televiżivi jkunu aktar aċċessibbli għal persuni bi problemi ta' smigħ, jista’ l-Ministru jgħid dakinhar kemm kien hemm programmi fuq TVM aċċessibbli għal dawn il-persuni? Minn dakinhar li l-Ministru qal li dawn il-programmi għandhom jiżdiedu, kemm fil-fatt żdiedu? U jekk żdiedu, liema huma l-programmi li issa huma aċċessibbli għal persuni bi problemi ta’ smigħ?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li sa Settembru 2020 is-servizzi u programmi kienu l-Aħbarijiet tas-18:00 u Insights bil-lingwa tas-sinjali, kif ukoll verżjoni ta' Għawdex Illum bis-sotto titoli. Mill-iskeda ta' Ottubru 2021 minbarra dawn l-imsemmija, żdied programm għat-tfal kuljum, Avaru, li minbarra li kellu l-lingwa tas-sinjali u s-sotto titoli, kien iddedikat għal tfal bi problemi ta' tagħlim u problemi sensorjali.