Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 14 PQ #1808 Sitting 22 2022-06-27 Oral · Final From: JULIE ZAHRA (Partit Nazzjonalista)

Childcare Centres

Question

Jista’ l-Ministru jgħid: a. Kemm hawn childcare centres f’Malta; b. Kemm hawn nies li jaħdmu f’childcare centres; ċ. Kemm hemm nuqqas ta’ child carers fi ħdan dawn ic-childcare centres; u d. Jekk hemmx xi pjanijiet jew miżuri biex iħajjar aktar nies japplikaw u jsegwu l-korsijiet ta’ child carers fi ħdan childcare centres?

Response

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħalissa hawn reġistrati mija sitta u sittin (166) ċentru għall-ħarsien tat-tfal u hemm impjegati elf, mitejn u disgħa u sebgħin persuna (1279). Il-maġġoranza assoluta taċ-ċentri huma kollha negozji privati. Kull min jixtieq jilħaq childcare educator (MQF livell 4) kif ukoll childcare manager (MQF livell 5) jista’ jagħmel dan billi isegwi korsijiet minn providers differenti li jkollhom parti kbira mill-prattiku li jsir fuq il-post tax-xogħol stess (fiċ-ċentri għal-ħarsien tat-tfal).

Fondi għal kumpaniji Maltin u Producers fil-qasam tal-Awdjoviżiv

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm fondi allokati għal kumpaniji Maltin u producers li jaħdmu fil-qasam tal-awdjoviżiv?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-produzzjonijiet awdjoviżivi Maltin għandhom aċċess għal diversi skemi u fondi, amministrati kemm mill-Kummissjoni Ċinematografika ta’ Malta kif ukoll minn entitajiet oħra. Infakkarha wkoll li l-produzzjonijiet lokali jistgħu jibbenefikaw minn inċentiv finanzjarju ta’ 40% cash rebate.

Fondi għal kumpaniji Maltin u Producers fil-qasam tal-Awdjo viżiv

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm fondi allokati għal kumpaniji Maltin u producers li jaħdmu fil-qasam tal-awdjoviżiv?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-iskema Kultura TV hija miftuħa esklussivament għall-kumpaniji Awdjoviżivi rreġistrati mal-Malta Business Registry u għall-istazzjonijiet free-to-air u privati awtorizzati mill-Malta Broadcasting Authority. L-iskema għandha allokazzjoni ta €240,000.

Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati – unlocking ta’ mobile phones involuti f'inkjesti maġisterjali

Question

Jista' l-Ministru jispjega għaliex riċentement l-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati bdiet tindaħal fil-proċedura adottata minn esperti inkarigati mill-Qorti f'inkjesti maġisterjali li jkollhom bżonn jieħdu mobile phones barra minn Malta sabiex jiġu unlocked? Jaf il-Ministru li fil-preżent hemm numru ta' inkjesti maġisterjali li jinvolvu persuni esposti politikament (PEPs) f'każijiet ta' korruzzjoni u ta' ħasil ta' flus li jinsabu weqfin minħabba dan l-iżvilupp mill-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati? Jaf il-Ministru li d-ditti u kumpaniji barranin li huma sidien tas-software użat biex mobile phone jiġi unlocked qegħdin jirrifjutaw li jikkoperaw mal-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati għaliex mhumiex jafdawha f'dan ir-rigward?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Kontra l-impressjoni li tipprova tingħata fid-domanda tal-Onor. Interpellant, l-inkjesti jitmexxew b'mod għalkollox indipendenti mill-Maġistrati. L-aġenzija għas-servizzi tal-Qrati (CSA) ma jkollha ebda viżibiltà għall-provi jew xhieda li jkunu qed jinġabru bħala parti mill-inkjesti. Meta l-aġenzija tintalab tipproċessa talbiet marbuta ma’ ħlas jew ingaġġ tagħmel dan bl-iktar mod effiċjenti.

Konsulent Legali tal-Ministeru għall-Ġustizzja – individwu

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, liema individwu kien u/jew għadu konsulent legali tal-Ministeru għall-Ġustizzja u l-Ugwaljanza u l-Governanza u/jew tal-Ministeru għall-Ġustizzja?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokument mitlub.

Korp tal-Pulizija – każijiet ta’ vjolenza Domestika

Question

Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena, mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il rapport irċieva l-Korp tal-Pulizija dwar vjolenza domestika? Jista' l-Ministru jgħid dwar kemm minn dawn ir-rapporti nbdew proċeduri fil-konfront ta' xi persuna u x'kien l-eżitu ta' dawn il-proċeduri?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi n-numru ta’ rapporti li ġew reġistrati fis-sistema tal-Pulizija mis-sena 2013 sal-aħħar ta’ Mejju 2022, huwa kif jidher fit-tabella ta’ hawn taħt. Kif ġie spjegat fi tweġibiet għall-mistoqsijiet simili, fil-każijiet fejn irriżulta ksur tal-liġi wara li saru dawn ir-rapporti, il-persuni responsabbli dejjem ġew investigati u tressqu l-Qorti. Peress illi mis-sistema elettronika ma jistgħux jiġu estratti d-dettalji dwar l-eżitu tal-proċeduri li ttieħdu, l-informazzjoni kif mitluba fil-mistoqsija ma tistax tingħata. 2013 2014 2015 2016 2017 2018 2019 2020 2021 2022 sa Mejju Każi ta’ Vjolenza Domestika 1024 1048 1205 1272 1257 1341 1325 1645 1741 690

Qrati – seduti skedati rigward każijiet dwar vjolenza domestika

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il seduta hija skedata li ssir fil-Qrati ta' pajjiżna u li matulhom ser jinstemgħu u jiġu deċiżi każijiet dwar vjolenza domestika? Jista' l-Ministru jagħti d-data ta' kull waħda minn dawn is-seduti u jindika wkoll l-isem tal-Maġistrat jew Imħallef li ser jippresiedi dawn is-seduti?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li preżentement hemm 52 seduta appuntata li huma ddedikati għall-kawżi ta’ vjolenza domestika. Dawn huma kollha ppreseduti mill-Maġistrat Dr Lara Lanfranco. Dawn huma seduti li jinkorporaw reati ta’ kompetenza oriġinali tal-Qorti tal-Maġistrati u li jiġu ppreżentati l-Qorti mid-DV unit tal-Korp tal-Pulizija. Dawn qed jiġu mniżżla f'tabella A u B li qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra. Apparti minn dawn is-seduti, kawżi li jeżorbitaw il-kompetenza oriġinali tal-Qorti tal-Maġistrati jiġu mqassma mal-maġistrati li jiġu assenjati l-kumpilazzjonijiet. Għaldaqstant, hemm numru ta’ kawżi f’seduti quddiem Maġistrati differenti li mhumiex inklużi f’din l-istatistika ta’ hawn fuq. Individwalment hemm 153 kawża li jeżorbitaw il-kompetenza oriġinali tal-Qorti tal-Maġistrati li huma mqassma ma 12 il-Maġistrat differenti kif indikati f’ tabella C li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali – persuni li rriżenjaw

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, sena b’sena, kemm-il persuna rriżenjat mill-impjieg tagħha minn mal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali mis-sena 2010 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' l-Ministru jagħti l-kariga ta' kull persuna li rriżenjat u d-data u r-raġuni tar-riżenja tagħha?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’Diċembru tal-2020 ġie ffirmat l-ewwel ftehim kollettiv fejn żdiedu l-pagi u tjiebu l-kundizzjonijiet tal-gradi amministrativi fi ħdan l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Qegħdin ukoll fil-fażijiet finali biex jiġi ffirmat l-ewwel ftehim kollettiv għal-gradi legali fi ħdan dan l-ufficcju, fejn juri l-impenn tal gvern biex dawn il-ħaddiema jkollhom il-kundizzjonijiet mistħoqqa. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bin-numri ta’riżenji mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali sena b'sena mill-2010 sat-22 ta’ Ġunju 2022. Minn dawn kien hemm 14 fi gradi amministrattivi, 2 messaġġiera, 2 prokuraturi legali, u 50 oħra kienu diversi gradi ta’ avukati.

Skola tal-Ħandaq – units tal-ACs

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-units tal-ACs li se jitwaħħlu fl-Iskola tal-Ħandaq inxtrawx diġà jew le? Jekk inxtraw, jista' jgħid kif inxtraw, jekk hux b'tender jew b’direct order? Jekk ma nxtrawx, jista’ jgħid kif se jinxtraw jekk hux b'tender jew b’direct order? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokument tat-tender jew tad-direct order jekk dawn inxtraw diġà?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-AC units li se jkunu installati fil-Middle School u fis-Senior School tal-Kulleġġ San Injazju f’Ħal Qormi (żona Tal-Ħandaq) se jinxtraw b’sejħa għall-offerti (tender). Id-dokument tat-tender għadu qed ikun preparat u għandu jkun ippubblikat fil-ġimgħat li ġejjin.

Kumitat dwar Kemmuna – Ħatra ta’ membri

Question

F'kummenti li ta lill-media indipendenti fit-13 ta' Ġunju, il-Ministru għamel referenza għall-Kumitat dwar Kemmuna li se jkun qed jagħmel "pjan ħolistiku". Jista' jgħid: (i) għal liema Kumitat kien qed jirreferi; (ii) jekk dan il-Kumitat huwiex imwaqqaf diġà u jekk le, meta se jitwaqqaf; (iii) min għażel jew min se jagħżel il-membri tiegħu; (iv) ir-rekwiżiti mitluba mill-membri ta' fuq dan il-Kumitat; u (v) it-termini ta' referenza ta' dan il-Kumitat?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20932 tal-Leġiżlatura XIII.

Kemmuna Management Plan – studji dwar il-carrying capacity tal-gżira

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Management Plan ta' Kemmuna tal-2016 isemmix li kellhom isiru studji dwar il-"carrying capacity" tal-gżira? F'liema stadju waslu dawn l-istudji u min hu responsabbli għalihom?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Management Plan ta’ Kemmuna tal-2016 jinkludi miżura li tgħid li għandu jsir “a tourism carrying capacity assessment of the Blue Lagoon”. Il-Kumitat, li kien imwaqqaf apposta biex jikkordina bejn l-entitajiiet li huma involuti f’aspetti varji f’Kemmuna, ħa ħsieb li jsiru terms of reference biex ikun kummissjonat studju ta’ riċerka dwar il-carrying capacity ta diversi lokalitajiet f’Kemmuna. Dawn l-istudji ġew kummissjonati u bħalissa qed jintużaw sabiex jiġi ffinalizzat il-proċess biex tiġi stabbilita l-carrying capacity ta’ Kemmuna. Il-proċess biex tiġi stabbilita il-carrying capacity jibqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Kumitat ta’ Kemmuna li għandu jerġa' jiġi kostitwit.

Ambjent Malta – Rangers fuq Kemmuna

Question

Tista' l-Ministru tgħid preżentement hemmx Rangers ta' Ambjent Malta fuq Kemmuna u jekk iva, x'poteri ta' infurzar għandhom?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li filwaqt li rangers ta' Ambjent Malta għandhom rwol eduktattiv, minn dan is-sajf l-Awtorita għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), se jibda jkollha enforcement officers preżenti kuljum. L-għan prinċipali huwa dak li jedukaw lin-nies dwar ir-regolamenti fuq il-gżira, inkluż dwar littering u r-regoli tal-campsite. L-uffiċjali għandhom il-fakulta li jinfurzaw ir-regoli u joħorgu penali għal min jikser il-liġijiet ambjentali.

Mellieħa: Triq il-Marfa – xogħol biswit l-Għajn tal-Mellieħa

Question

Tista’ l-Ministru tindika jekk sarux spezzjonijiet (u x’passi ttieħdu) minn uffiċjali tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) fuq xogħol li għaddej bħalissa biswit l-Għajn tal-Mellieħa fi Triq il-Marfa, fil-Mellieħa, liema xogħol jindika li mhux isir skont kif mitlub għal dik iż-żona partikolari? (Ritratti jinsabu annessi ma’ din il-mistoqsija).

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi x-xogħol li għaddej fi Triq il-Marfa hu kopert b’road works permit biex jissewwa ħajt mat-triq li kien fil-periklu li jaqa'. L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (l-ERA) ikkordinat mal-Awtorità tal-Ippjanar u ngħataw istruzzjonjiet biex jitnaddaf kull materjal li seta' waqa' fil-wied. L-ERA spezzjonat s-sit darbtejn fl-20 u l-21 t’ Ġunju fejn ġie nnotat illi l-materjal li deher jaqa fil-wied biswit it-triq fuq filmat li ċċirkola fuq l-media soċjali fl-20 ta’ Ġunju, ġie mneħħi.

Mellieħa: Triq il-Marfa – xogħol biswit l-Għajn tal-Mellieħa

Question

Jista’ l-Ministru jindika jekk sarux spezzjonijiet (u x’passi ttieħdu) minn uffiċjali tal-Awtorità tal-Ippjanar fuq xogħol li għaddej bħalissa biswit l-Għajn tal-Mellieħa fi Triq il-Marfa, fil-Mellieħa, liema xogħol jindika li mhux isir skont kif mitlub għal dik iż-żona partikolari? (Ritratti jinsabu annessi ma’ din il-mistoqsija)

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet inkwistjoni relatati mat-triq, huma koperti bil-permess għat-toroq RWP1-1178/22. Għaldaqstant, min-naħa tal-Awtorità tal-Ippjanar, dawn huma meqjusa li jikklassifikaw taħt żvilupp permessibbli skont Klassi 3 ta’ Notifikazzjoni dwar Żvilupp, A.L.211 tal-2016. Ninsab infurmat li l-Awtorità tal-Ippjanar ikkonsultat mal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi dwar il-passi li jeħtieġ jittieħdu.

Talbiet għal kumpens rigward ħsarat fuq vetturi minħabba stat ta’ toroq ħażin

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1017 u jgħid kemm saru talbiet għal kumpens rigward ħsarat li ġarrbu vetturi minħabba l-istat ħażin tat-toroq fis-sena 2021? Jista' jagħti l-informazzjoni minn liema lokalità sar kull ilment? Jista’ jgħid kemm minn dawn it-talbiet kienu aċċettati u kemm ingħataw kumpens f’kull każ?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Infrastructure Malta tikkunsidra talbiet ġustifikati għal kumpens biex jagħmel tajjeb għal ħsarat f’vetturi li jinstab li kienu kkawżati minn nuqqasijiet f’toroq arterjali li jaqgħu taħt ir-responsabiltà tal-istess aġenzija, jew f’toroq fejn ikunu għaddejjin xogħlijiet tal-istess aġenzija. Talbiet għal kumpens għal ħsarat f’vetturi kkawżati minn nuqqasijiet f’toroq residenzjali jew sekondarji jiġu mgħoddija lill-kunsilli lokali rispettivi għall-kunsiderazzjoni tagħhom, peress li r-responsabità tal-manutenzjoni ta’ dawn it-toroq taqa’ f’idejhom. Talbiet għal kumpens għal ħsarat ikkawżati minn kuntratturi li jkunu qed jagħmlu xogħol fit-toroq jiġu mgħoddija lill-kuntratturi konċernati. Fl-2021, Infrastructure Malta rċeviet 126 talba għal kumpens ta’ danni fuq vetturi kkawżati minn nuqqasijiet fit-toroq Maltin, kemm dawk arterjali u lokali. Dawn it-talbiet ġew investigati u 43 minnhom instab li seħħew f’toroq arterjali jew waqt xogħlijiet tal-aġenzija u kienu ġustifikati u ntlaqgħu. Il-każijiet l-oħrajn ġew mgħoddija lill-kunsilli lokali għaliex kienu jinvolvu ħsarat li seħħew fit-toroq tagħhom jew lill-kuntratturi responsabbli mix-xogħlijiet li allegatament ikkawżaw l-istess ħsarat. Ikun hemm ukoll każijiet li jinstab li ma jkunux ġustifikati. L-43 każ ġustifikati li għalihom ingħata kumpens huma kif ġej: Lokalità Total ta’ kumpens (€) Każijiet Birkirkara 392.00 3 Bormla 1,665.54 3 Burmarrad 731.80 6 Il-Fgura 168.00 1 Ħal Lija 659.96 9 Ħal Luqa 3,094.31 11 Il-Marsa 106.20 2 L-Imqabba 163.00 1 In-Naxxar 658.00 2 San Pawl il-Bahar 136.00 1 Is-Siggiewi 160.00 1 Santa Venera 3,313.60 2 Is-Swieqi 181.00 1

Tfal taħt Care Orders

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 876 u jgħid kemm hawn tfal taħt care order illum u x’inhi r-raġuni għalfejn inħarġu dawn il-care orders?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li mir-records tad-Direttorat għall-Ħarsien tat-Tfal (Protezzjoni tal-Minuri) u d-Direttorat għall-Kura Alternattiva (Tfal u Żagħżagħ) fi ħdan il-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) preżentement hawn 441 minuri protetti skont l-Ordnijiet varji li jippermetti l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Minuri (Kura Alternattiva), Kap 602 tal-Liġijiet ta’ Malta. Dawn l-Ordnijiet varji huma elenkati u dettaljati fit-Tabella Nru 1, hawn taħt. Tabella Nru 1: Ordnijiet għall-Protezzjoni tal-Minuri Skont Kap 602 (Mejju, 2022) 290 Ordnijiet ta’ Ħarsien attivi fuq minuri taħt it-18 -il sena 6 Ordinijiet ta’ Emerġenza ikkonvalidati mill-Qorti tal-Minorenni fuq minuri taħt it-18-il sena 15 Ordni Proviżorju pendente lite quddiem il-Qorti tal-Minorenni li qed tisma’ l-provi sabiex tkun ikkonfermata Ordni ta’ Ħarsien 75 Ordni ta’ Ħarsien attivi taħt l-art 21 tal-Kap. 602 tal-liġijiet ta’ Malta, ossia ordnijiet ta’ unaccompanied minors 51 Ordnijiet Proviżorji ta’ Ħarsien taħt l-art 21 tal-Kap. 602 tal-liġijiet ta’ Malta, ossia ordnijiet ta’ unaccompanied minors 4 Ordnijiet ta’ Superviżjoni L-ordnijiet hawn imsemmija jkunu inħarġu minħabba raġunijiet varji, illi essenzjalment u inġenerali jistgħu jkunu miġbura fil-kategoriji sussegwenti: 1. Illi l-minuri inkwistjoni instab illi hu f’riskju li jsofri, jew li qed isofri abbuż fuq il-persuna tiegħu jew fuq il-psike (psyche) tiegħu 2. Illi l-minuri inkwistjoni safa waħdu minħabba li l-ġenituri telqu, jew inkella mietu u allura l-minuri spiċċa orfni mingħajr il-possibilà illi jkun miġbur mal-familja 3. Illi l-minuri inkwistjoni hu minuri illi wasal Malta u għamel talba għal refuġju, u li meta wasal Malta kien mingħajr akkumpanjament ta’ kuratur adult.

Awtorità Maltija tat-Turiżmu — Arretrati ta' liċenzji ta' operaturi turistiċi

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 574 u jgħid l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu kemm għandha arretrati x’tiġbor f’liċenzji minn operaturi turistiċi mill-2013 sal-lum, maqsuma sena b’sena?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 574.

Fostering ta’ Tfal

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb it-tieni parti tal-mistoqsija parlamentari 879 u jgħid kemm ġew fostered tfal minn pajjiżi barranin matul is-sena l-oħra?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li ma kienx hemm każijiet ta’ tfal li nġibu Malta esklussivament biex ikunu fostered. Però tfal li mhumiex Maltin, iżda li ġew fostered is-sena l-oħra, hemm total ta’ 13-i1 tifel u tifla ta’ nazzjonalità barranija li ġew fostered. Dawn il-minuri kienu diġà jirrisjedu Malta fiż-żmien ta’ meta daħlu fis-sistema ta’ kura alternattiva. NATIONALITY Total Philippino 1 Libian 1 Nepalese 1 Moldovian 1 Italo-Greek 1 Romanian 1 Austrian 2 Nigerian 2 Italian 3

Imġarr Malta – lista ta’ toroq — xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti l-lista ta' toroq li hu mistenni li jagħmel mill-ġdid, jew jagħmel manutenzjoni fuqhom fl-Imġarr, Malta? Jista' jipprovdi l-programm u jispjega kif qed jagħmel, jew se jagħmel, dan ix-xogħol?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fl-ewwel ħames xhur tal-2022, ir-raba’ sena tal-programm nazzjonali għat-titjib ta’ toroq residenzjali, Infrastructure Malta lestiet il-bini mill-ġdid ta’ madwar 90 triq residenzjali li flimkien iġibu 19-il kilometru oħra ta’ toroq b’infrastruttura ta’ kwalità ogħla. Dan ifisser medja t’erba’ toroq fil-ġimgħa kif kienet fl-2021 li matulha l-aġenzija lestiet 220 triq residenzjali. Infrastructure Malta tejbet il-kwalità ta’ dawn it-toroq fl-istess żmien li kompliet għaddejja bi proġetti kbar f’toroq arterjali u faċilitajiet marittimi f’pajjiżna, ukoll b’ħidma ta’ titjib tat-toroq rurali u programm kontinwu ta’ tiswijiet u manuntenzjoni f’ħafna toroq oħrajn. Fl-Imġarr l-aġenzija diġà bniet mill-ġdid u għamlet titjib fi Triq Ġnien id-Dwieli, triq ġdida fi Triq San Pietru, Triq Ras il-Ġebel,Triq Madre Tereża, Triq Xagħra tal-Knisja, Triq Dun Ġużepp Micallef, Triq San Filippu, Triq Barbara, Misraħ is-Sebbieħ, Triq Fisher, Triq il-Kbira, Triq l-Għansar, Triq il-Fuħħar l-Aħmar, Triq Profs David H Trump, triq ġdida fi Triq l-Alwiża, Triq l-Imġarr, Triq Sir Temi Zammit li fiha bniet ukoll roundabout ġdida, Triq Sentinarju, triq bla isem fil-limiti tal-Lippija, Triq Fomm ir-Riħ, Triq tat-Taqsisa, Triq tal-Ħaddedin, Trejqa tal-Qala, Triq Lazzru Pisani, Ta’ Ħalqun fl-inħawi Ta’ Santi, Trejqet it-Tafal ta’ San Ġwann, Triq Għajn Tuffieħa u Triq Binġemma. Bħalissa qed isiru xogħlijiet fi Triq iż-Żebbiegħ, Saqa in-Naħal u triq rurali ħdejn Ras il-Wied, waqt li diġà hemm ippjanati biex fiż-żmien li ġej jinbdew xogħlijiet fi Triq l-Iskorvit, Sqaq Sant’Isidorju, Triq il-Konkors Teatrali, triq bla isem fi Triq Fomm ir-Riħ, it-triq li minn Għajn Tuffieħa twassal għax-Xemxija, sqaq fi Triq il-Wilga (Manikata), Triq is-Santi u s-sqaq ġo fiha, triq bla isem ħdejn Triq il-Palma u Trejqet Fidloqqom.