Legislature:
Category:
Reset
Active:

Proġetti ta’ Djar Affordabbli

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi lokalità b’lokalità plots li l-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament akwistat mingħand il-Gvern sabiex isiru proġetti ta' djar affordabbli u li għadhom ma saru l-ebda xogħlijiet fihom? Tista’ din it-tabella turi kemm ser ikun hemm units, garaxxijiet u tipi oħra ta' binjiet fuq kull plot, x'inhu l-istatus ta' kull wieħed mill-proġetti, jekk hemmx problemi legali u jekk hemm problemi tingħata deskrizzjoni bażika tal-problemi?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-kumpanija m’għandha l-ebda plot li għadu ma sar l-ebda xogħol fih. Il-plots li kienu ngħataw lill-kumpanija kollha qed jiġu żviluppati jew ġew żviluppati.

Iż-Żurrieq – lista ta’ flow ta’ ilma kull parti tal-proġett tal-għargħar

Question

Jista' l-Ministru jgħid għal kemm flow (metri kubu kull siegħa) ta' ilma kull parti tal-proġett tal-għargħar fiż-Żurrieq hija ddisinjata u fejn ser jispiċċa l-ilma minn kull parti tal-proġett?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninsab infurmat li l-culverts tal-ilma tax-xita tal-proġett għat-taffija tal-għargħar fiż-Żurrieq huma ddisinjati biex jifilħu flow ta’ 3.5 metri kubi kull sekonda. Dawn il-culverts ser jaqbdu mas-sistema eżistenti li hemm fi Vjal ix-Xarolla li tinkludi zewġ ġibjuni taħt it-triq. L-overflow taghhom jibqa’ sejjer ġo barriera mhux użata fi Triq il-Belt Valletta, Ħal Kirkop.

Iż-Żurrieq – lista ta’ xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanti relatati mal-proġett tal-għargħar fiż-Żurrieq, lista ta' xogħlijiet li se jsiru triq triq, meta ngħata l-aħħar it-tarmak fit-toroq li ser ikollhom jinqalgħu, il-fażijiet tal-proġett, it-traffic management għal kull fażi tal-proġett u t-tibdil fir-rotot tat-trasport pubbliku, inkluż f'Ħal Safi, f'kull fażi tal-proġett?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninsab infurmat li x-xogħlijiet jikkonsistu fi skavar fit-toroq imsemmija għall-ippustjar tal katusi għall-ilqugħ tal-ilma tax xita u diversi kaxxi minn fejn jinġabar l-ilma. Dawn huma kollha murija fil pjanti li qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra. L-ewwel fażi hija l-konnessjoni minn Triq Bronja għal Vjal ix-Xarolla. It-tieni fażi tibda min tarf triq Bronja sa nofs it-tul tat-triq u Triq Vincenz Schembri. It-tielet fażi hija l-kumplament tax-xogħlijiet li jridu jsiru fi triq Bronja. It-traffic management se jkun qed jinbidel skont il-fażi tal-proġett b’dan illi se jittieħdu miżuri biex it-trasport pubbliku jkollu l-inqas impatt.

Ilma tax-Xita li mar fil-baħar

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm ilma tax-xita huwa stmat li mar il-baħar kull sena matul l-aħħar 10 snin abbażi tax-xita li niżlet f'kull sena?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab ifurmata li madwar 10% tal-volum totali ta’ xita li tinżel fuq il-gżejjer Maltin huwa stmat li jmur fil-baħar. Dan il-persentaġġ ivarja marġinalment minn sena għall-oħra skond l-intensità u d-distribuzzjon tax-xita matul is-sena.

Siti ta’ Kostruzzjoni – dati ta’ meta ma jistax issir twaqqiegħ u skavar

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma id-dati minn meta u sa meta ma jistax isir twaqqigħ u skavar f'siti ta' kostruzzjoni matul is-sajf 2022 u f'liema lokalitajiet qed tiġi infurzata? Liema huma dawk is-siti (PA No.) u f'liema lokalità ngħataw estensjoni sabiex ikunu jistgħu jkomplu jaħdmu bejn dawn id-dati u ta' kemm ġranet kienet l-estensjoni? Kemm saru spezzjonijiet mid-data tal-bidu tal-perjodu għal din is-sena sal-jum meta qed titwieġeb din il-mistoqsija u x'kienu l-azzjonijiet li ttieħdu fejn kien hemm bżonn?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn il-15 ta’ Ġunju u t-30 ta’ Settembru mhux permissibbli li jsir twaqqigħ u skavar f'siti ta' kostruzzjoni fil-lokalitajiet indikati aktar 'il quddiem. Il-ligi tiġi infurzata fil-lokalitajiet indikati kollha. Lokalitajiet fejn mhux permissibli twaqqigħ u skavar: Malta Attard, Birżebbuġa, Isla, Bormla, Birgu, Gzira, M’Xlokk, Mellieha, Rabat/Mdina, Sliema, San Giljan, Swieqi, San Pawl il-Bahar, Qrendi/Wied iz-Zurrieq, Valletta, u Floriana. Għawdex Marsalforn, Ghammar, Kemmuna, Gharb, Ghasri, Mgarr/Ghajnsielem, Xaghra, Qala, Xlendi, Ramla l-Hamra, San Lawrenz u Victoria. L-estensjonijiet huma maħruġa mill-Awtorità għat-Turiżmu ta’ Malta (MTA). Tabella li turi l-informazzjoni mitluba rigward estensjonijiet: Applikazzjoni Lokalità Ġranet t'estensjoni DS 107/22 Valletta Għadhom mhux maħruġa mill-Awtorità konċernata PA 6179/21 San Pawl il-Baħar 15-il ġurnata PA 1418/17 Sliema 56-il ġurnata PA 7695/20 Bormla 7 t'ijiem PA 829/20 Mellieha 24 ġurnata PA 4784/19 Valletta 15-il ġurnata PA 5442/21 San Pawl il-Bahar 15-il ġurnata PA 5729/09, PA 2386/20 Sliema 15-il ġurnata PA 472/15, PA 28/18 Valletta Għadhom mhux maħruġa mill-Awtorità konċernata PA 9133/19 Marsascala 15-il ġurnata DS 102/22 Marsascala 3 t’ijiem PA 9096/19 San Giljan 7 t'ijiem PA 620/21 Bormla 7 t'ijiem Sal-lum, f’dawn il-lokalitajiet saru 97 spezzjoni u kull fejn instabu x’irregolaritajiet, ix-xogħlijiet twaqqfu.

Binġemma, Għermieri — rotta 109

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx l-ħsieb li r-Rotta 109, li tgħaddi (minn u għal) tas-Salib, Għermieri u Binġemma hiex se terġa' ssir, bħalma kienet sentejn ilu (2020), b'servizz kull siegħa mhux kull sagħtejn?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sitwazzjoni fuq din ir-rotta qed tiġi studjata sabiex tinstab soluzzjoni li tkun ta' benefiċċju għar-residenti tal-lokalità.

Ministeru għall-Ġustizzja — CEOs

Question

Jista' l-Ministru jagħti n-numru ta' CEOs li huma impjegati mill-Gvern li jaqgħu taħt id-dekasteru rispettivi tal-Ministeru tiegħu u fejn huma impjegati? Jista' jagħti s-salarju li kull CEO rispettiv jitħallas u l-lista ta' benefiċċji allokati lil kull wieħed?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.

Ministeru għall-Anzjanità Attiva — CEOs

Question

Jista' l-Ministru jagħti n-numru ta' CEOs li huma impjegati mill-Gvern li jaqgħu taħt id-dekasteru rispettivi tal-Ministeru tiegħu u fejn huma impjegati? Jista' jagħti s-salarju li kull CEO rispettiv jitħallas u l-lista ta' benefiċċji allokati lil kull wieħed?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Pulizija — ingaġġ ta' kadetti ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew ingaġġati kadetti ġodda mal-Korp tal-Pulizija bejn l-2017 u d-data li fiha titwieġeb din il-mistoqsija parlamentari?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi fil-perjodu ta’ bejn is-sena 2017 u t-18 ta’ Mejju 2022, l-ammont ta’ kadetti ġodda, kemm dawk li kienu jservu fil-Korp u dawk li applikaw minn barra l-Korp u li eventwalment ġew ingaġġati fir-rank ta’ Spettur, kien ta’ tmienja u disgħin, kif jidher fit-tabella hawn taħt: Sena Applikanti mill-Korp li ġew promessi spetturi Applikanti minn barra l-korp li ġew ingaġġati spetturi Total 2017 33 5 38 2018 - - - 2019 - - - 2020 28 3 31 2021 25 4 29 Total 86 12 98

Korp tal-Pulizija — pulizija li telqu - qabel taw il-25 sena servizz

Question

Jista’ l-Ministru jgħid l-ammont ta’ Pulizija li telqu mill-korp bejn l-2017 u d-data li fiha titwieġeb din il-mistoqsija parlamentari qabel taw is-servizz ta’ 25 sena tagħhom?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi mis-sena 2017 sad-19 ta’ Mejju 2022 in-numru ta’ membri tal-Korp li telqu jew spiċċaw qabel ma taw is-servizz ta’ 25 sena tagħhom, kien ta’ mija u sbatax (117). Din il-figura tinkludi dawk li spiċċaw minħabba mewt, raġunijiet mediċi, trasferiment għal dipartimenti oħra jew tkeċċija.

Għassa tal-Qawra — staff ingaġġat full-time

Question

Jista' l-Ministru jagħti l-ammont tal-istaff full-time ingaġġat fl-għassa tal-Qawra mill-2017 sad-data li fiha titwieġeb din il-mistoqsija parlamentari?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi bejn is-sena 2017 u l-24 ta’ Mejju 2022 in-numru ta’ uffiċjali li kienu jservu jew qed iservu fl-għassa tal-Qawra kien kif jidher fit-tabella hawn taħt. Dawn il-figuri jinkludu l-uffiċjali tal-Community Police Teams li joperaw fid-Distrett kollu: Sena Numru ta’ Pulizija 2017 61 2018 59 2019 64 2020 65 2021 68 2022 (sa 24.05.2022) 71

Ingaġġ ta' infermiera ġodda

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm ġew ingaġġati infermiera ġodda mas-settur tas-saħħa bejn l-2017 u d-data li fiha titwieġeb din il-mistoqsija parlamentari?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta' infermiera ġodda reklutati mill-2017 sal-lum huwa medja ta 167.4 fis-sena b’total ta’ 837 infermiera ġodda.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża – direct orders

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm direct orders ingħataw u l-ammont totali tal-valur tagħhom, matul din is-sena (sal-ġurnata li qed tingħata din it-tweġiba), xahar b'xahar, mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Contracting Authority tippubblika din l-informazzjoni fuq il-Gazzetta tal-Gvern għal kull procurement li jsir għal kull perjodu ta’ sitt xhur, skont ir-Regolament 111(2) tal-Public Procurement Regulations.

Ċentri tas-Saħħa – psikoloġisti

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm psikoloġisti jaħdmu, fuq bażi full-time u part-time, fiċ-Ċentri tas-Saħħa f’pajjiżna? Jista’ jagħti lista dettaljata ta’ kemm hemm psikoloġisti jaħdmu f’kull Ċentru tas-Saħħa rispettiv?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi hemm 138 psikoloġisti li jagħtu kura għas-saħħa mentali fil-komunitá ma' Malta kollha u dawn ma jaħdmux miċ-ċentri tas-Saħħa.

Ċentri tas-Saħħa – podjatristi

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm podjatristi jaħdmu, fuq bażi full-time u part-time, fiċ-Ċentri tas-Saħħa f’pajjiżna? Jista’ jagħti lista dettaljata ta’ kemm hemm podjatristi jaħdmu f’kull Ċentru tas-Saħħa rispettiv?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Primary HealthCare timpjega total ta’ 43 Podjatra. 30 minnhom jaħdmu fuq bażi Full-Time, 7 fuq bażi Full-Time - Reduced Hours, 3 fuq bażi Part Time, u 3 li bħalissa jinsabu fuq unpaid leave. Il-podjatri kollha huma mqassma biex jipprovdu s-servizz tagħhom fiċ-Ċentri tas-Saħħa kif ukoll fil-Kliniċi tal-Komunita.

Ċentri tas-Saħħa – fiżjoterapisti

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm fiżjoterapisti jaħdmu, fuq bażi full-time u part-time, fiċ-Ċentri tas-Saħħa f’pajjiżna? Jista’ jagħti lista dettaljata ta’ kemm hemm fiżjoterapisti jaħdmu f’kull Ċentru tas-Saħħa rispettiv?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-kura Primarja timpjega total ta’ 23 Fiżjoterapista. 21 minnhom fuq bażi Full-Time u 2 fuq bażi Full-Time - Reduced Hours. Tlett (3) fiżjoterapisti jagħmlu kemm xogħol kliniku u amministrattiv. Il-fiżjoterapisti kollha huma mqassma biex jipprovdu s-servizz tagħhom fiċ-Ċentri tas-Saħħa kif ukoll fil-Kliniċi tal-Komunita.

Ċentri tas-Saħħa – Occupational Therapists

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm Occupational Therapists jaħdmu, fuq bażi full-time u part-time, fiċ-Ċentri tas-Saħħa f’pajjiżna? Jista’ jagħti lista dettaljata ta’ kemm hemm Occupational Therapists jaħdmu f’kull Ċentru tas-Saħħa rispettiv?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi hemm 121 full time Occupational Therapists li jagħtu servizz fil-komunita ma Malta kollha u dawn ma jaħdmux miċ-ċentri tas-Saħħa.

Uffiċċju tal-Prim Ministru – persuni li jaħdmu bir-remote working

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm persuni jaħdmu permezz ta’ remote working (teleworking), mal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab infurmat li fid-dekasteru kollu tal- Uffiċċju tal-Prim Ministru hemm 123 persuna li jaħdmu bit-teleworking u 107 jaħdmu fuq bażi ta’ remote working.