Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali — persuni li jaħdmu bir-remote working
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni jaħdmu permezz ta’ remote working (teleworking), mal-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?
Response (FARRUGIA, AARON)
L-Onorevoli Interpellant għandu jkun jaf li hemm differenza bejn remote working u teleworking. Minkejja dan, ninsab infurmat li sal-aħħar ta’ Mejju kien hemm 65 ħaddiema fuq telework u m’hemm l-ebda haddiema li jahdmu bir-remote working fil-Ministeru, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti taħtu.
Ministeru għal Għawdex — persuni li jaħdmu bir-remote working
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni jaħdmu permezz ta’ remote working (teleworking), mal-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?
Response (CAMILLERI, CLINT)
L-Onorevoli interpellant għandu jkun jaf li hemm differenza bejn remote working u teleworking. Minkejja dan, ninsab infurmat li sal-aħħar ta’ Mejju kien hemm 168 ħaddiem fuq telework u 60 fuq remote working fil-Ministeru għal-Għawdex. Fir-rigward tal-entitajiet li jaqgħu taħt l-istess Ministeru ma kien hemm l-ebda telework u anqas remote working.
Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza — persuni li jaħdmu bir-remote working
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni jaħdmu permezz ta’ remote working (teleworking), mal-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li hemm differenza bejn remote working u teleworking. Minkejja dan, ninsab infurmat li sal-aħħar ta’ Mejju kien hemm 47 ħaddiem fuq telework u 52 fuq remote working fil-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħtu.
Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol — persuni li jaħdmu bir-remote working
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni jaħdmu permezz ta’ remote working (teleworking), mal-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?
Response (CARUANA, CLYDE)
L-Onorevoli interpellant għandu jkun jaf li hemm differenza bejn remote working u teleworking.
Minkejja dan, ninsab infurmat li sal-aħħar ta’ Mejju kien hemm 1,067 ħaddiem fuq telework u 112 fuq remote working fil-Ministeru, inkluz l-entitajiet u d-dipartimenti taħtu.
Ministeru għat-Turiżmu — persuni li jaħdmu bir-remote working
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni jaħdmu permezz ta’ remote working (teleworking), mal-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
L-Onorevoli interpellant għandu jkun jaf li hemm differenza bejn remote working u teleworking. Minkejja dan, ninsab infurmat li sal-aħħar ta’ Mejju kien hemm 37 ħaddiem fuq telework u 35 fuq remote working fil-Ministeru, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti taħtu.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li l-Animal Welfare Fund kellha tiffirma agreement fir-rigward tal-qtates f’April li għadda u dan għadu ma ġiex iffirmat? Meta hemm il-ħsieb li l-agreement ta’ dan il-‘fund’ jiġi ffirmat?
Response (REFALO, ANTON)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jispeċifika għal liema agreement qiegħed jirreferi għalih.
NGOs – fondi għal fostering u adozzjoni ta’ qtates
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni għaliex il-fondi b’risq NGOs fir-rigward ta’ fostering u adozzjoni ta’ qtates li kellhom jingħataw għas-sena 2021 għadhom ma ngħatawx? Meta ser jingħataw dawn il-fondi lil NGOs rispettivi?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi x-xogħol biex il-fondi b’risq l-NGOs fir-rigward ta’ adozzjoni ta’ qtates fis-sena 2021 qiegħed avvanzat u l-fondi ser jingħataw fil-futur qarib.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-‘Cattery’ li għandu l-Animal Walfare fl-Għammieri għadu mhux jintuża? Meta hemm il-ħsieb li dan il-‘Cattery’ jibda jintuża?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fl-Għammieri hemm żewġ catteries, waħda li fiha l-qtates u oħra ġdida li x-xogħol fuqha għadu għaddej. Qiegħdin jittieħdu l-miżuri kollha sabiex din tal-aħħar tkun ta’ livell għoli qabel tibda tintuża bl-aktar mod effiċjenti.
Tkabbir u konservazzjoni ta’ annimali indiġeni Maltin
Question
B’referenza għall-parti mid-diskors tal-Onor. Ministru Anton Refalo fid-dibattitu tal-Estimi Ġenerali 2021, partikolarment meta għamel referenza għat-tkabbir u l-konservazzjoni ta’ annimali indiġeni Maltin, jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ din l-inizjattiva, sena b’sena mill-2018 sad-data tar-risposta ta’ din il-mistoqsija, speċi speċi, bin-numri ta’ popolazzjoni ta’ kull speċi? Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tan-nefqa involuta fuq din l-inizjattiva, sena b’sena mill-2018 sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuwa l-programm ippjanat għal din l-inizjattiva għall-ħames snin li ġejjin?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Gvern huwa kommess li jkabbar u jikkonserva l-annimali indiġeni Maltin. Enfasi qiegħda issir fuq it-tiġieġa -s-sewda Maltija, in-nagħaġa u l-mogħża Maltija, kif ukoll il-gendus Malti. Fit-Tabella A wieħed jista’ jsib l-informazzjoni dwar in-numru ta’ popoplazzjoni ta’ kull speċi. Informazzjoni dwar l-infieq tinsab fit-Tabella B.
Rigward l-inizzjattivi għall-ħames snin li ġejjin, ser jitkomplew it-titjib infrastrutturali ġewwa l-AgriHub li jinkludu l-istrutturi li fihom jitrabbew il-bhejjem indiġeni Maltin. Ser jitkomplew il-programmi ta’ konservazzjoni u ta’ tkattir tar-razez ta’ bhejjem indiġeni Maltin, fosthom tat-tiġieġ is-suwed, tal-mogħoż, tan-nagħaġ u tal-baqar Maltin. Dan jinvolvi tfassil ta’ programmi sabiex jissaħħu r-riżorsi ġenetiċi ta’ dawn l-ispeċi indiġeni permezz ta’ monitoraġġ u selezzjoni. Dan il-programm ta’ tkattir ser iservi sabiex jigi stabbilit l-imsejjah breeding stock ta’ dawn il-bhejjem indiġeni abbażi tal-karatteristici Maltin li ser iservi wkoll bħala bażi sabiex jiġi rrikonoxxut l-istandard ta’ razza ta’ dawn ir-razzez lokali.
Tabella A – Numru ta’ Bhejjem għal kull sena
Sena
Tiġieġ Suwed ta’ Malta
Mogħo
ż
indiġeni Maltin
Nagħaġ ta’ Malta
Baqar ta’ Malta
2018
60
97
21
37
2019
125
138
47
36
2020
120
155
55
38
2021
142
179
51
44
2022
150
173
50
43
Tabella B – Infieq marbut ma’ l-inizzjattiva
Sena
Ammont
2018
€ 148,910.90
2019
€ 209,562.90
2020
€ 146,975.23
2021
€ 239,181.30
2022
€ 70,015.55
Ftehim ta’ kollaborazzjoni maċ-Ċentru CIHEAM (Bari)
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim ta’ kollaborazzjoni maċ-Ċentru CIHEAM (Bari)? Jista’ l-Ministru jispjega fiex tikkonsisti din il-kollaborazzjoni? Kemm qed tiswa lill-Gvern Malti din l-inizjattiva? Min huma l-esperti Maltin involuti f’din l-inizjattiva? Jekk saru, kemm kien hemm safriet minn esperti Maltin fuq din l-inizjattiva u x’kienu l-iskopijiet għal dawn is-safriet?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interperlant illil l-MAFA laħaq ftehim mac-CIHEAM permess ta’ MoU li ġie ffirmat f’Settembru tal-2021. Permezz ta’ dan il-ftehim, il-Ministeru qiegħed jibbenefika mis-support ta’ numru ta’ esperti fl-agronomija għall-ħames snin li ġejjin. Iċ-CIHEAM qed joffru għajnuna teknika fl-oqsma meħtieġa mill-MAFA bil-għan li tħarreġ l-uffiċjala tal-MAFA bl-aħħar tekniki relatati mat-tkabbir ta’ siġar tal-frott u wċuħ tar-raba’ ekonomikament importanti għal Malta. Dan qiegħed isir sabiex id-Direttorat ikun f’ pożizzjoni li jkun jista’ joffri assistenza u taħriġ lill-bdiewa lokali bil-għan li jibqgħu kompetittivi u li jkabbru l-prodotti tagħhom bl-aħjar prattiċi possibli. Dan qiegħed isir b’nefqa ta’ mhux aktar minn €24,600 fis-sena.
Is-safar li hemm referenza għalih jaqa taħt t-tieni ftehim, u jikkonsisti f’taħriġ li qed isir minn esperti taċ-CIHEAM kemm b’visti f’Malta jew ġewwa l-Italja fejn l-uffiċjala tagħna jintbgħatu jsewgu t-taħriġ. Din is-sena saret sessjoni ta’ taħriġ f’Malta u fl-Italja fejn 4 uffiċjala segwew kors ta’ ġimgħa. Hu pjanat li matul din is-sena jsiru 2 sessjonijiet oħra ta’ taħriġ, waħda f’ Malta u l-oħra fl-Italja.
Kopja tal-MoU qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ta’ min isemmi wkoll illi bħalissa l-Ministeru li tiegħu jiena responabbli qed jaħdem maċ-CIHEAM fuq proġett Ewropew flimkien mal-MCAST. Il-Proġett AgriHub huwa ffinanzjat esklussivament minn fondi ewropej.
Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali – Protezzjoni tal-prodott tal-ġbejna
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhija l-pożizzjoni tal-Ministeru għar-rigward tal-applikazzjoni dwar il-protezzjoni tal-Ġbejna bħala prodott protett Malti? X’kien l-involviment tal-Ministeru tiegħu fuq din il-kwistjoni? Fiex waslu t-trattattivi fuq din il-kwistjoni sal-ġurnata li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li filwaqt li l-Ministeru hu favur il-protezzjoni tal-Ġbejna, ninfurmaħ li l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni tal-ġbejna jiġu milqugħa mill-MCCAA u mhux mill-Ministeru li tiegħu jiena responsabbli.
Jista' l-Ministru jgħid għalfejn il-linja nazzjonali tal-ajru Air Malta ma inkludietx it-titjiriet regolari tagħha, kemm dawk chartered kif ukoll scheduled, lejn Lourdes u lura?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 1665.
Jista' l-Ministru jgħid jekk Infrastructure Malta għandhiex il-ħsieb illi tasfalta Triq in-Nagħal il-Marsa u jekk iva, meta se jsir dan ix-xogħol?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fl-ewwel ħames xhur tal-2022, ir-raba’ sena tal-programm nazzjonali għat-titjib ta’ toroq residenzjali, Infrastructure Malta lestiet il-bini mill-ġdid ta’ madwar 90 triq residenzjali li flimkien iġibu 19-il kilometru oħra ta’ toroq b’infrastruttura ta’ kwalità ogħla. Dan ifisser medja t’erba’ toroq fil-ġimgħa kif kienet fl-2021 li matulha l-aġenzija lestiet 220 triq residenzjali.
Infrastructure Malta tejbet il-kwalità ta’ dawn it-toroq fl-istess żmien li kompliet għaddejja bi proġetti kbar f’toroq arterjali u faċilitajiet marittimi f’pajjiżna, ukoll b’ħidma ta’ titjib tat-toroq rurali u programm kontinwu ta’ tiswijiet u manuntenzjoni f’ħafna toroq oħrajn.
Fil-Marsa l-aġenzija għamlet xogħlijiet fi Triq il-Kungress Marjan, Triq Dom Mintoff, Triq Diċembru 13, Triq Aldo Moro, Triq il-Ħaddiema, triq li twassal għall-fabbriki fil-qasam industrijali, Triq il-Marsa, Triq Nicolo Isouard, Triq Moll il-Braken, Il-Moll tal-Pont, Il-Moll tal-Ħatab, Triq il-Ġerrejja, Triq is-Serkin, Belt il-Ħażna, Triq Ġuże Flores, Triq il-Pitkali, Triq il-Biċċerija, Xatt iċ-Ċangaturi u bniet pont pedonali fi Triq it-Tiġrija.
Fil-Marsa l-aġenzija wettqet ukoll l-akbar proġett infrastrutturali li qatt sar fit-toroq ta’ pajjiżna, Marsa Junction Project b’investiment ta’ €70 miljun biex tnaqqas il-ħin fl-invvjaġġar b’79% u sa 70% mit-tniġġis tal-ajra fl-iżjed żona li minnha jivvjaġġaw persuni, tul ir-rotta ewlenija lejn in-nofsinhar ta’ Malta.
Fost proġetti oħrajn li għaddejjin bħalissa, Infrastructure Malta qed twettaq il-Grand Harbour Clean Air Project (GHCAP) li huwa investiment ambjentali ta’ €49.9 miljun li jinkludi l-iżvilupp tat-tagħmir meħtieġ biex il-vapuri tal-passiġġieri u dawk li jġorru l-merkanzija jkunu jistgħu jitfu l-magni tagħhom li jaħdmu bil-gasoil jew heavy fuel oil u minflok iqabbdu mas-sistema għall-provvista tal-elettriku li se jkun hemm fuq ix-xatt, sabiex iħaddmu l-makkinarju għas-servizzi kollha li jkun hemm bżonn jipprovdu waqt li jkunu weqfin fil-port. B’dan il-proġett se jonqos b’90% t-tniġġis tal-ajra kkawżat minn dawn il-vapuri u b’hekk Infrastructure Malta qed tagħti arja aktar nadifa lil 17,000 familja li jgħixu madwar il-Port il-Kbir.
It-triq indikata, Triq in-Nagħal, diġà hija ppjanata biex isiru xogħlijiet fiha mill-aġenzija fiż-żmien li ġej.
Ħal Tarxien – Skola Primarja l-Antika — xogħlijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet qed isiru ġewwa l-Iskola Primarja l-antika ta’ Ħal Tarxien fi Triq l-Iskola?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li fl-iskola primarja l-antika ta’ Ħal Tarxien, il-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada (FTS) qiegħda twettaq proġett ta’ tisbieħ estensiv u moderniżżazzjoni tal-binja kollha minn ġewwa.
Jista’ l-Ministru jikkonferma li t-triq indikata bħala Tal-Barrani li tinsab però fuq il-parti ta’ ġewwa ta’ Ħal Tarxien, ser tiġi asfaltata mill-ġdid minħabba l-istat ħażin li tinsab fiha?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Infrastructure Malta diġà kellha ppjanat biex il-parti tat-triq indikata tiġi asfaltata mill-ġdid fiż-żmien li ġej.
Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ttieħdu tul din is-sena sabiex Ġnien Pawlu Boffa f’Raħal Ġdid jingħata iktar attenzjoni u jinżamm aħjar, b’tibdil tas-servizzi?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lil Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Paola illi jinsab għaddej b’ħidma mal-kuntratturi sabiex il-ġnien jinżamm fi stat aħjar.
Apparti minn hekk, għaddejja wkoll ħidma fuq pjanti ġodda għall-proġett ta’ riġenerazzoni ta’ dan il-ġnien.
Jista’ l-Ministru jara li jintbagħtu esperti tat-traffiku fi Triq Villabate (l-aħħar parti tal-Marsascala bypass) biex jesploraw x’jista’ jsir minħabba xi karozzi li joħorġu minn Triq San Ġużepp Ħaż-Żabbar qed jaqsmu lejn iż-Żejtun minnflok jinżlu lejn Wied il-Għajn u dan sabiex jiġu evitati inċidenti tat-traffiku?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Transport Malta qiegħda f’diskussjonijiet ma’ uffiċjali ta’ Infrastructure Malta biex esperti jesploraw il-possibililtà ta’ intervent fit toroq imsemmija.
Jista’ l-Ministru jara jekk hiex qed tiġi segwita l-proċedura stabbilita li min jaqla’ ċitazzjoni tat-traffiku din titwaħħallu effettivament mal-windscreen tiegħu u li tintbagħat l-SMS tan-notifika tal-istess, billi jidher li mhix tiġi segwita?
Jista’ l-Ministru jindika x’miżuri ser jittieħdu sabiex ikun hemm iktar qari ta’ kotba fl-iskejjel primarji u sekondarji ta’ pajjiżna? Jista’ jindika x’talbiet hemm lil-Libreriji Pubbliċi mid-Dipartiment tal-Edukazzjoni dwar il-kotba li għandhom jiġu mixtrija?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xiri tal-kotba tal-qari għas-snin tal-Primarja u għas-snin tas-Sekondarja se jibqa' jsir darba fis-sena mill-Ministeru wara eżercizzju kollaborrattiv bejn l-Uffiċċjali Edukattivi tal-lingwi kollha, il-Kapijiet tad-Dipartimenti tal-lingwi rispettivi u l- għalliema. Dan sabiex ikun assigurat il-livell mistħoqq u l-kwalita' ta' pubblikazzjoni.
Apparti dan, l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu se tissokta bil-ħidma tagħha, bħal fis-snin li għaddew, biex l-istudenti tal-iskejjel primarji, medji u sekondarji jaqraw aktar kotba bil-Malti, l-Ingliż u b’lingwi oħra. Fost oħrajn, fis-sena skolastika li jmiss, se jkunu qed jitħaddmu dawn il-programmi u inizjattivi:
1. ‘Seħer l-Istejjer/
The Magic of Stories’
, programm ta’ qari għall-gost b’xejn bil-Malti u l-Ingliż għal tfal ta’ bejn 4 u 7 snin ul-ġenituri/kustodji/nanniet tagħhom fi skejjel, libreriji, spazji pubbliċi u kunsilli lokali;
2. ‘Gost il-Qari/
The Pleasure of Stories’
, programm ta’ qari għall-gost b’xejn bil-Malti u l-Ingliż għal tfal ta’ bejn 7 snin u 11-il sena fi skejjel, libreriji, spazji pubbliċi u kunsilli lokali;
3. ‘L-Ambaxxaturi tal-Qari/
Reading Ambassadors’
, programm fejn awturi, kantanti, ġurnalisti, kittieba, sportivi u personalitajiet oħra Maltin iżuru klassijiet tat-tfal tal-primarja u s-sekondarja, u magħhom jaqraw ktieb u ssir diskussjoni dwaru;
4. ‘Aqra kemm tiflaħ/
Enriching Classroom Libraries’
, investiment qawwi fil-libreriji tal-klassijiet permezz ta’ għotja ta’ mitt ktieb lil kull klassi (50 bil-Malti u 50 bl-Ingliż), fittizji u fattwali kif ukoll riżorsi diġitali u stampati li jmorru magħhom;
5. ‘Bil-Qari u l-Kitba Niskorja/
Footballers’ Read and Write Programme’
, programm li jinqeda bin-namra għall-futbol biex iħeġġeġ il-ħajra għall-qari;
6. ‘Naqra Teatru’, proġett pilota li jlaqqa’ lit-tfal li jħobbu jirreċtaw mal-qari u l-kitba, permezz tar-reċti u d-drama;
7. ‘Aqra d-Dar/
Read at Home’
, servizz ta’ librerija mobbli, fejn it-tfal/ġenituri mill-Kinder sal-aħħar tas-sekondarja jordnaw il-kotba online biex jissellfuhom u l-kotba jitteħdulhom b’xejn f’darhom;
8. ‘ Il-Kampanja Aqra fis-Sajf/
Summer Reading Campaign’
- bejn Lulju u Settembru, mill-2014 lil hawn l-Aġenzija organizzat sessjonijiet ta’ qari għall-gost waqt Skolasajf tal-FES u l-Catch-up programme;
9. ‘Il-Ġenituri l-Ewwel Għalliema/
Parents the First Teachers’
, kors ta’ 5 sessjonijiet fuq l-iżvilupp ta’ ħiliet tal-litteriżmu fit-trabi sa 3 snin;
10. ‘Brillantini tal-Kitba u tal-Qari/
Reading and Writing Stars’
, inizjattivi li bis-saħħa tagħhom tfal li jħobbu jaqraw jew jinqalgħu għall-kitba jiġu ppremjati b’vawċers, kotba u attivitajiet speċjali fosthom Xalata ta’ Kitba;
11. ‘Librerija f’kull Dar/
Home Libraries’
, skema li permezz tagħha familji vulnerabbli jingħataw kotba u riżorsi biex jarmaw librerija f’darhom;
12. ‘Bis-Sehem tagħkom’, skema fejn l-Aġenzija tidħol bi sħab ma’ pubblikaturi lokali biex jinħolqu riżorsi meħtieġa u innovattivi bħal logħob edukattiv bil-Malti, għat-tagħlim tal-qari u l-kitba bil-Malti;
13. ‘Il-Qaritona Nazzjonali/
National Readathon’
– kampanja organizzata flimkien mal-Malta Trust Foundation bil-għan li żżid il-qari fost it-tfal u fl-istess ħin jinġabru fondi f’forma ta’ maratona tal-qari għax-xiri ta’ riżorsi għal tfal bi bżonnijiet speċjali;
14. ‘Libreriji fil-Komunità/
Open Libraries’
, tqassim ta’ kotba użati f’postijiet pubbliċi, fosthom ġonna pubbliċi u parks;
15. Organizzazzjoni ta’ kompetizzjonijiet bħall-‘Promoturi tal-Qari/
Reading Champions
’ u tal-‘Jum Dinji tal-Kotba/
World Book Day’
fejn l-istudenti ta’ abiltajiet differenti u l-iskejjel jiġu ppremjati tal-ħidma tagħhom biex jippromwovu l-qari.