Residenza San Vinċenz de Paule – Ħaddiema li jħossuhom ma jifilħux
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-impjegati li jaħdmu f'San Vinċenz de Paule u li jħossuhom ma jifilħux waqt il-ħin tax-xogħol jistgħux jirrikorru għand wieħed mit-tobba li jkunu on duty fir-Residenza?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li meta xi impjegat iħossu ma jiflaħx waqt il-ħin tax-xogħol, sakemm ma jkunx każ urġenti u li jirrikjedi intervent immedjat, tali persuna jiġi riferut għaċ-ċentru tas-saħħa sabiex ukoll jinħareġ ċertifikat mediku lill-impjegat. Ix-xogħol tat-tobba impjegati f’San Vinċenz hu l-kura u l-ħarsien li jirrikjedu r-residenti.
Ħal Far Model Flying Association – użu ta’ art fl-inħawi ta’ Wied Żnuber
Question
Peress li l-mistoqsijiet parlamentari 511 u 865 ma ġewx imwieġba kompletament, u in vista tal-wegħda ta' qabel l-elezzjoni li l-ebda żvilupp mhu se jsir fiż-żona ta' Wied Żnuber f’Ħal Far, jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li l-ftehim mal-Ħal Far Model Flying Association dwar l-użu ta' art fl-istess inħawi jiġi kkanċellat jew modifikat biex jirrifletti din il-wegħda? Liema huma s-siti alternattivi li qed jiġu kkonsidrati għall-użu ta' Ħal Far Model Flying Association? Liema huma l-partijiet konċernati li qed jiġu kkonsultati?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Tista' l-Ministru tgħid kemm-il telefonata rċeviet l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi fuq kull wieħed minn dawn in-numri: 22923500 u 99637508 (Malta-wara l-ħin tal-uffiċċju) u numri oħrajn, ERIS u mezzi oħra mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Mejju, 2022 u li kienu jirrikjedu spezzjoni immedjata? Kemm minn dawn ir-rapporti kien hemm każijiet fuq kull numru fejn ma setgħetx issir spezzjoni u x'kienet ir-raġuni f'kull każ?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru 22923500 jintuża mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi sabiex fuqha jidħlu rapporti dwar spezzjonjiet li jkunu meħtieġa b’mod immedjat wara l-ħin tax-xogħol.
Mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Mejju 2022 fuq din il-linja daħlu 126 telefonata li 77 minnhom skattaw investigazzjoni immedjata. Fil-kumplament tal-każijiet ma kenitx meħtieġa investigazzjoni immedjata. Ir-raġunijiet għal dan kienu diversi; fosthom għax l-Awtorità kienet diġà qed taħdem fuq il-każ jew għax ir-rappurtaġġ kien ripetut jew għax it-telefonata kienet biss talba għall-informazzjoni jew għax is-suġġett tar-rapport ma kienx jikkonċerna l-mandat tal-Awtorità.
Fir-rigward tat-tieni linja, ngħarraf lill-Onor. Interpellant li din ma tappartjenix lill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi.
B'referenza għat-tweġiba ta’ mistoqsija parlamentari 1980 u minħabba li l-iskema msemmija fl-istess risposta ħafna drabi tkun tkopri spiża ħafna anqas minn dik li hija stmata għar-restawr tal-Kappella tas-Sagra Familja f'Birżebbuġa, jista' l-Ministru jindika jekk hemmx ħsieb ta' skemi oħrajn li jkopru tali proġetti li huma stmati li jiġu jiswew aktar minn €30,000?
Response (BONNICI, OWEN)
Id-Direttorat tar-Restawr jagħmel restawr fuq proġetti oħra ‘l hinn mill-iskemi li jsiru mal-Kunsilli Lokali. Mhux esklu¿ li din il-Kappella tiġi kkunsidrata għal tali restawr.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1999, jista' l-Ministru jikkonferma li l-kumpanija, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, akkwistat mingħand il-Gvern, plots fil-Qrendi sabiex isiru proġetti ta' djar affordabbli? Jista' jippreżenta tabella li turi f'liema stadju dawn qegħdin, kemm se jkun hemm units, garaxxijiet u tipi oħra ta' binjiet fuq kull plot u jekk hemmx problemi legali u jekk hemm, tingħata deskrizzjoni bażika tal-problemi?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-proġett imsemmi minnu hu parti minn pjan akbar li dan il-Gvern qed iwettaq biex ikompli jgħin lil dawk li l-aktar jeħtieġu billi se jingħataw 1,700 post ġdid ta’ akkomodazzjoni soċjali.
Il-kwistjoni legali li qamet hi marbuta ma’ talba minn sid tal-proprjetà maġenb il-proprjetà li qed tiġi żviluppata minn Malita rigward il-ħajt diviżorju u t-titolu tal-proprjetà. Malita għamlet ukoll l-argumenti legali tagħha u bħalissa għaddej proċess ta’ analisi legali u tal-kuntratti, kif wieħed li jistenna li jsir f’ċirkostanzi hekk.
B'referenza għat-tweġiba ta’ mistoqsija parlamentari 2000, jista' l-Ministru jgħid kemm hi l-kapaċità taż-żewġ ġibjuni taħt Vjal ix-Xarolla, iż-Żurrieq u xi jsir mill-ilma maħżun u jekk il-barriera li se tintuża għall-overflow hijiex tal-privat jew le u jekk iva, jekk hemmx xi obbligi lejn is-sid jew sidien tal-barriera?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninsab infurmat li l-ġibjuni li jinsabu taħt Vjal ix-Xarolla u li qed issir referenza għalihom għandhom volum totali ta’ madwar 1732m kubi, li flimkien mal-barriera li qed tintuża għall-overflow ta’ dawn il-ġibjuni huma parti minn sistema ta’ culverts eżistenti.
Bengħajsa – permess għall-barriera tal-qawwi bl-applikazzjoni nru PA 2673/22
Question
B'referenza għall-applikazzjoni PA2673/22 għall-permess ta' barriera tal-qawwi f'Bengħajsa, jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-istima f'metri kubi ta' blat tal-qawwi u jekk tali applikazzjoni tmurx kontra l-proviżjonijiet tal-Minerals Subject Plan 2002?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
L-Onor. Interpellant qed jagħmel referenza għall-applikazzjoni PA2673/22 (Outline application for quarrying in lower corraline limestone for hard rock), liema applikazzjoni għadha qed tiġi proċessata fuq bażi ta’ prinċipju f’dak li huwa ppjanar. Ninsab infurmat illi skont is-sottomissjonijiet li saru fl-istess applikazzjoni, qiegħed jiġi kkalkulat li din il-proposta għall-barriera għandha potenzjal li tipproduċi volum ta’ madwar 225,000 metru kubu f’materjal tal-qawwi.
L-Onor. Interpellant qiegħed jiġi infurmat illi l-“Minerals Subject Plan 2002” ġie abolit bil-ħruġ tal-i"Strategic Plan for Environment and Development, 2015” liema pjan jikkunsidra żvilupp għall-barrieri diment li dan ma jikkawżax impatt negattiv inaċċettabli f’dak li huwa ambjent.
L-applikazzjoni bħalissa tinsab fl-istadju fejn qed issir analisi tal-impatti tal-iżvilupp fuq il-madwar speċjalment f’dak li huwa ambjent u wirt kulturali.
San Pawl il-Baħar: Triq Damasku u Triq Raddet ir-Roti – rapporti ta’ ħsarat relatati mad-drenaġġ jew ilma
Question
Tista’ l-Ministru tagħti tagħrif dwar jekk il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma rċevietx rapporti ta’ ħsarat relatati mad-drenaġġ jew ilma ħiereġ fi Triq Damasku u Triq Raddet ir-Roti, San Pawl il-Baħar, fl-aħħar sitt xhur? Jekk iva, meta rċeviet dawn ir-rapporti, dwar xiex kienu r-rapporti u x’passi ttieħdu biex dan id-drenaġġ u/jew ilma ma jibqax jiġri fit-toroq imsemmija?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma rċeviet 12-il każ relatati ma' ħruġ ta’ ilma jew drenaġġ. Minn dawn, ħamsa kienu rigward ħruġ ta’ ilma potabbli filwaqt li sebgħa kienu rigward ħruġ ta’ drenaġġ.
Fil-maġġor parti tal-każijiet instab li l-ħsara kienet ġejja minn infrastruttura ta’ terzi. F’dawn il-każijiet, min għamel ir-rapport ingħata l-informazzjoni meħtieġa u, fejn kien hemm bżonn, anke ġew infurmati l-awtoritajiet kompetenti.
F’dawk il-każijiet fejn il-problema oriġinat mill-infrastruttura tal-Korporazzjoni, saru l-interventi meħtieġa.
B’referenza għal numru ta’ mistoqsijiet parlamentari li għamilt dwar il-parkeġġ tal-Iskola Primarja tal-Qawra, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar fiex waslu d-diskussjonijiet ma’ dawk kollha involuti biex dan il-parkeġġ ikun jista’ jinfetaħ għall-użu tar-residenti fl-inħawi? X’qed iżomm milli fil-fatt jintlaħaq ftehim biex dan il-parkeġġ jinfetaħ għall-użu tal-pubbliku u b’hekk jonqsu l-inkonvenjenzi lir-residenti tal-inħawi? Jista’ jikkonferma jew jiċħad li hemm diffikultajiet dwar aċċessibbiltà u ingress ta’ ilma li qed itellfu milli jinfetaħ dan il-parkeġġ? Jista’ jgħid kif se jkun qed jopera dan il-parkeġġ? Meta hi d-data meta dan il-parkeġġ se jinfetaħ għall-użu tal-pubbliku? Kemm-il laqgħa saret dwar din il-materja mal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar jew ma’ rappreżentant/i tiegħu, min kien mistieden, min attenda u meta saru dawn l-istess laqgħat?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet mogħtija għal mistoqsijiet parlamentari 318 u 432, ninformaha wkoll li wara laqgħat ma' diversi rappreżentanti tal-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar kif ukoll fuq il-post, il-preparazzjonijiet issa jinsabu fil-fażi finali.
Salina – irwejjaħ ħerġin mill-kanal madwar is-salini tal-melħ
Question
Jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex l-irwejjaħ kbar li ħerġin mis-sukkorzju tas-Salina (il-kanal madwar is-salini tal-melħ fis-Salina), liema proġett kien sar mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, jiġu mnaqqsin kemm jista’ jkun jew jiġu eliminati, għax qed ikunu ta’ inkonvenjent kbir għar-residenti tal-inħawi, b’mod partikolari r-residenti tas-Salina u tal-Qawra? Billi dawn l-irwejjaħ probabbilment qed jirriżultaw minħabba l-fatt li partijiet mill-kanal huma imblukkati bl-alka u materjal ieħor, jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex dan il-kanal jitnaddaf u jekk dan it-tindif ma jaqax taħt ir-responsabbiltà tiegħu, jikkordina mal-Ministeru kkonċernat?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment għax-Xogħlijiet Pubbliċi għaddej b’diskussjoni mal-entitajiet konċernati sabiex jingħata permess għat-tindif tal-post li qed issir referenza għalih.
Applikazzjonijiet u appelli pendenti għall-Blue Sticker
Question
Tista’ l-Ministru tagħti tagħrif dwar kemm hemm applikazzjonijiet pendenti għall-Blue Sticker u kemm hemm appelli pendenti għall-każijiet fejn il-Blue Sticker ma ġietx approvata? Kemm hi l-medja ta’ żmien ta’ stennija sabiex jinħareġ permess għall-Blue Sticker minn mindu ssir l-applikazzjoni? Kemm hi l-medja ta’ żmien ta’ stennija sabiex tingħata d-deċiżjoni għall-appelli minn mindu wieħed jinforma li qed jappella d-deċiżjoni?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li sal-ewwel ġimgħa ta' Ġunju 2022 kien hemm 197 talba għall-Blue Badge. Fl-istess perjodu kien hemm 81 applikazzjoni quddiem il-Bord tal-Appell.
Il-medja taż-żmien ta’ stennija minn meta wieħed japplika għall-blue badge sakemm jirċievi deċiżjoni hi ta' madwar 8 ġimgħat. Il-bord tal-appell hu differenti mill-bord li jawtorizza l-ħruġ tal-blue badges.
Mellieħa u San Pawl il-Baħar – railings u slielem ħdejn il-baħar
Question
Jista’ l-Ministru jaċċerta li x-xogħol kollu relatat mar-railings tal-baħar fil-lokalitajiet tal-Mellieħa u San Pawl il-Baħar (inkluż Xemxija, Qawra u Buġibba) hu lest u li kollha tpoġġew ħdejn il-baħar/fil-baħar? Jista’ jaċċerta li r-railings u slielem qegħdin kollha fi stat tajjeb u li jsir ix-xogħol meħtieġ fl-iqsar żmien b’mod partikolari fuq ir-railings u s-slielem fil-bajjiet ta’ Triq San Ġeraldu u Triq San Franġisk, San Pawl il-Baħar, hekk kif jidher li hemm minnhom li għandhom xi ħsarat jew inkella tpoġġew f’sit differenti mis-soltu u b’hekk qed ikun diffiċli, speċjalment għall-anzjani, biex jagħmlu użu minnhom?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol kollu relatat ma’ railings tal-baħar fil-lokalitajiet tal-Mellieħa u San Pawl il-Baħar tlesta kollu. Infurmat illi saħansitra xi wħud minnhom saru ġodda sabiex jintużaw għal matul dan is-sajf.
Saret spezzjoni f’dawn il-ġranet u ġie aċċertat li dawn kollha jinsabu fi stat tajjeb sabiex jintużaw mill-pubbliku. Ovvjament l-appell huwa li ma jsirx vandaliżmu fuq dawn ir-railings sabiex ikunu jistgħu jitgawdew fit-tul kemm jista’ jkun.
B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 1419, jista' l-Ministru jassigura li d-dawl kollu ta’ fuq il-moll imsemmi fil-fatt ikun qed jixgħel fil-ħinijiet meħtieġa, speċjalment billejl, għaliex s’issa almenu tlieta mid-dwal imsemmjia għadhom ma xegħlux, jew jekk inxtegħlu fil-fatt reġgħu nqatgħu ftit wara?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar illi il-mollijiet u l-manutenzjoni marbuta magħhom ma jaqgħux taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill Lokali, però l-Kunsill xorta waħda qed jagħmel l-almu tiegħu biex id-dawl ta’ fuq il-moll jinxtgħel kollu.
Environmental Health Practitioners — ftehim kollettiv
Question
B’referenza għall-aħħar ftehim kollettiv li ġie ffirmat reċentement, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x'inhi r-raġuni u fuq liema bażi legali li parti mill-Environmental Health Practitioners li jaħdmu fi ħdan id-Direttorat tas-Saħħa Ambjentali ġew promossi għal Skala 6, waqt li parti oħra mill-Environmental Health Practitioners baqgħu fl-istess skala li kienu fiha qabel l-2013, jiġifieri Skala 7 u dan meta fl-2013 dawn kollha kienu fl-istess grad, bl-istess titlu, kif ukoll kienu jagħmlu l-istess tip ta’ xogħol?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-ftehim qed jiġi implimentat kif miftiehem mal-union li tirrappreżenta din il-kategorija ta’ impjegati u wara li ġie stabbilit li kellhom livell differenti ta’ responsibbiltajiet.
Jista' l-Ministru jgħid l-working complement għall-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) u ċjoè x'inhu l-ammont ta' ħaddiema li jagħmlu spezzjonijiet bejn l-2013 u sad-data li titwieġeb din il-mistoqsija parlamentari?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi lill-Ministeru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet mill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) u kemm spezzjonijiet irriżultaw fi proċeduri li rriżultaw li r-regolamenti ma ġewx osservati bejn l-2017 u l-2021?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi lill-Ministeru kkonċernat.
Penali fuq ksur ta' regolamenti ta' saħħa u sigurtà
Question
Jista' l-Ministru jagħti l-lista tal-penali u r-regolamenti miksura għal dawk li ma osservawx ir-regolamenti tas-saħħa u s-sigurtà fil-perjodu bejn l-2017 sal-2021?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi lill-Ministeru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jagħti l-lista tal-imwiet fuq il-post tax-xogħol u s-settur fejn dawn ġew ikkawżati,kif ukoll il-korrimenti fuq il-post tax-xogħol u s-settur fejn dawn ġew ikkawżati fil-perjodu bejn l-2017 u d-data li fiha titwieġeb din il-mistoqsija parlamentari?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi lill-Ministeru kkonċernat.
Pjazza tal-Mellieħa — proġett ta' tisbiħ - aċċessibilità għall-persuni b'diżabilità
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-proġett ta' tisbiħ tal-Pjazza tal-Mellieħa hux se jkollu aċċessibiltà għall-persuni b'diżabilità, partikolarment dawk f'siġġu tar-roti għall-partijiet kollha tal-Pjazza?
Jista' l-Ministru jgħidilna jekk hux ser tiġi istallata pjattaforma tas-siġġu tar-roti?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-periti qed jieħdu ħsieb li l-partijiet kollha tal-pjazza jkunu aċċessibbli għal użu tas-siġġu tar-roti.
Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni — persuni li jaħdmu bir-remote working
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni jaħdmu permezz ta’ remote working (teleworking), mal-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm differenza bejn remote working u teleworking. Minkejja dan, ninsab infurmat li, sal-aħħar ta’ Mejju kien hemm erba’ mija tlieta u tletin (433) ħaddiem fuq telework u tletin (30) ħaddiem fuq remote working fil-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti taħtu.