Legislature:
Category:
Reset
Active:

Skema Carer at Home

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm għandna anzjani llum fil-komunità li qed jingħataw appoġġ finanzjarju għaliex jimpjegaw carer tal-għażla tagħhom biex jaqdihom fil-ħtiġijiet tagħhom ta’ kuljum? Jista’ jgħid kemm anzjani bbenefikaw minn din l-għajnuna, minn meta bdiet l-iskema Carer at Home fis-sena 2016, maqsuma sena b’sena?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta illi n-numru ta’ anzjani li fil-preżent qed jirċievu l-benefiċċju taħt l-iskema tal-Carer at Home huwa ta’ 652. In-numru totali ta’ persuni li bbenefikaw minn meta bdiet l-iskema huwa kif ġej: 2016: 63 2017: 207 2018: 372 2019: 514 2020: 640 2021: 790 2022 (sal-lum): B’kollox ġew megħjuna 786, imma n-numru attwali li huma mgħejuna hu ta’ 652.

Skema Carer at Home — kwalifiki

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi kwalifiki għandhom bżonn ikollhom il-carers li jintgħażlu mill-anzjani taħt l-iskema Carer at Home?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta illi l-Carers impjegati mill-anzjani taħt l-iskema tal-Carer at Home irid ikollhom kwalifika rikonoxxuta ta’ Carer. Għaldaqstant fir-rigward ta’ kwalifika ottenuta minn barra minn Malta hija meħtieġa l-ekwivalenza mingħand il-Malta Qualifications Recognition Information Centre (MQRIC). Din tista’ tkun meħtieġa wkoll meta l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità jara l-bżonn tagħha.

Statistika ta’ ħlas ta’ kontijiet ta’ dawl u ilma

Question

Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra statistika ta' kemm jitħallas fis-sena għad-dawl u l-ilma kontijiet separati, maqsumin fi brackets speċifiċi (eż. inqas minn €500, bejn €500 u €1,500, bejn €1,500 u €2,500 eċċ.), u f'tabelli separati skont it-tip ta' kont (residenzjali, domestiċi u industrijali)?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tlabt biex l-informazzjoni tinġabar.

Enemalta – Pubblikazzjoni ta’ taħlita ta’ fuel jew sorsi ta’ enerġija differenti

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex l-Enemalta ma ppubblikatx it-taħlita ta’ fuels jew sorsi ta' enerġija differenti (fuel mix) li użat biex tipprovdi l-elettriku lill-klijenti tagħha u s-CO2 emission factor li jikkorrispondi ma' din it-taħlita ta' fuel, skont ir-regolamenti 8(6)(a) u (b) tar-Regolamenti tas-Suq tal-Elettriku (S.L. 545.13), għas-snin 2020 u 2021?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-verità l-informazzjoni għas-sena 2020 diġà hija ppubblikata u fil-fatt tidher fuq il-websajt tal-Enemalta. Sabiex ngħin aħjar lill-Onor. Interpellant qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella b’tali informazzjoni. Sadanittant l-informazzjoni għas-sena 2021 għadha mhix konkluża peress li tiddependi minn sorsi terzi barranin dwar l-emmissjonijiet marbutin mal-enerġija mixtrija minn fuq l-interconnector. Normalment din it-tip ta’ informazzjoni toħroġ fl-aħħar kwart tas-sena ta' wara u allura f'dal-każ fl-aħħar kwart tas-sena 2022.

Konċessjoni għat-tiftix u t-tħaffir taż-żejt

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il konċessjoni għat-tiftix u t-tħaffir taż-żejt ingħatat mis-sena 2000 sal-lum, x'tip ta' konċessjoni ngħatat, lil min, u fejn ingħataw?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Konċessjoni għat-tiftix u t-tħaffir għaż-żejt

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm-il konċessjoni għat-tiftix u t-tħaffir għaż-żejt hemm fis-seħħ u attivi bħalissa? Jista’ jgħid ukoll kemm kien hemm konċessjonijiet attivi għal kull sena mis-sena 2000 ’l hawn?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Imġarr (Malta) – Triq Sir Harry Luke – problema tad-drenaġġ

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hix infurmata bil-problema tad-drenaġġ li hemm fi Triq Sir Harry Luke fl-Imġarr, minħabba li dan mhux qiegħed ilaħħaq mad-domanda bil-konsegwenza li qiegħed ifur fit-triq? (Wieħed jinnota wkoll li din it-triq għandha bżonn ukoll ta' xogħol infrastrutturali minħabba li tinsab fi stat ħażin u li minnha qiegħed jgħaddi ħafna mit-traffiku li ħiereġ mill-Imġarr minħabba t-tibdil li sar fl-immaniġġar tat-traffiku).

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 2208 li kien għamel huwa stess.

Ambaxxata fl-Indja għal Malta – ħruġ ta’ visas

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inħarġu Visas mill-Ambaxxata fl-Indja għal Malta matul dawn l-aħħar 12-il xahar, xahar b'xahar?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-aħħar 12-il xahar, jiġifieri mid-29 ta’ Settembru 2021 sad-29 ta’ Settembru 2022, il-Kummissjoni Għolja Maltija fi New Delhi, l-Indja, ħarġet total ta’ 13,140 viża. Hawn taħt għandek issib tabella bin-numru ta’ viżi li ħarġu xahar b’xahar matul il-perjodu msemmi hawn fuq: Xahar Numru ta’ viżi maħruġa Settembru 2021 164 Ottubru 2021 496 Novembru 2021 1,029 Diċembru 2021 683 Jannar 2022 736 Frar 2022 1,015 Marzu 2022 887 April 2022 614 Mejju 2022 637 Ġunju 2022 2,023 Lulju 2022 2,940 Awwissu 2022 1,759 Settembru 2022 157 TOTAL 13,140

Bagħal taż-żunżan (Hornet) — Ħidma u miżuri

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'ħidma qiegħda ssir u x'miżuri qegħdin jittieħdu dwar il-bagħal taż-żunżan (hornet) biex ma jkomplix jagħmel aktar ħsara u jkun ta' detriment għal saħħitna?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni ser tingħata f'xi seduta oħra.

Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura – ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jagħti l-persentaġġ tal-ħaddiema fid-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura li ilhom jaħdmu f’dawn l-aħħar ħames snin f'dan id-Dipartiment? X'qed isir biex l-għarfien u l-esperjenza li tinkiseb mill-istess ħaddiema tibqa' miżmuma fid-Dipartiment, bil-għan li nibżgħu għar-riżorsi marittimi (ħut) li Malta mdawra bih?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni ser tingħata f'xi seduta oħra.

Skola tal-Qawra — parkeġġ taħt l-art

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta l-parkeġġ taħt l-art fl-iskola fil-Qawra se jkun aċċessibbli għar-residenti tal-Qawra? Jista' jindika għaliex dan il-proġett ilu biex jimmaterjalizza?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-parkeġġ huwa maħsub li jinfetaħ għall-pubbliku f’qasir żmien u dan wara li jitlestew il-preparazzjonijiet neċessarji.

Il-Mellieħa — Skola primarja - estensjoni permess

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk inħariġx permess għaż-żvilupp għall-estensjoni tal-Iskola Primarja tal-Mellieħa?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-permess għall-Iżvilupp għall-estensjoni tal-Iskola Primarja tal-Mellieħa ingħata mill-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar fl-24 ta’ Ġunju 2022. Dan huwa investiment ieħor fl-infrastruttura edukattiva u għalhekk dirett fit-tfal tagħna u l-edukaturi tagħhom ta’ €17.7 miljun. Irid jingħad li din il-binja ilha mibnija 74 sena, mill-1948 u huwa ovvju li maż-żmien ma baqgħetx taqdi l-bżonnijiet tal-lokal li dejjem qed jikber. Il-proġett huwa intenzjonat kemm biex titkabbar l-iskola f’din il-lokalità kif ukoll biex l-iskola tiġi moderniżżata bi spazji edukattivi moderni, aċċessibbli u komdi għall-istudenti u l-edukaturi. Filfatt dan l-iżvilupp se jakkomoda numru akbar ta’ studenti mill-iskola eżistenti u jara wkoll li l-binja tissodisfa r-rekwiżiti għall-iskejjel f’dak li huwa sigurtà u spazji miftuħa fost oħrajn. Il-proġett huwa wieħed minn numru ta’ proġetti infrastrutturali li huma mxerrda madwar il-pajjiż, għaliex hija waħda mill-prijoritajiet tal-gvern li l-edukazzjoni titjieb, mhux biss f’dak li huwa tagħlim fil-klassi, imma wkoll fl-ambjent li jingħata dan it-tagħlim. L-applikazzjoni approvata tipproponi tibdil fit-tqassim u/jew l-użu tal-kmamar eżistenti u tipproponi estensjoni ġdida fin-Nofsinhar tal-kumpless. Din l-estensjoni se tinkludi żewġ livelli taħt l-art għall-parkeġġ tal-karozzi li ma tinkludix mina taħt l-art. Il-parkeġġ propost fl-estensjoni tal-iskola Primarja tal-Mellieħa se jkun ta’ mitt parkeġġ, ħamsa minnhom għal karozzi bil-‘blue badge’ u li ser ikun aċċessibbli wkoll għar-residenti wara l-ħinijiet tal-iskola. Dwar għażliet ta’ ċċarġjar għall-karozzi, il-proġett għadu fi stadju ta’ disinjar tal-M&E (Mechanical and Electrical) kif ukoll ffinixjar. L-estensjoni ta’ tliet sulari fuq l-art jinkludi binja rtirata. Il-livell tal-ewwel sular se jkollu estensjoni akbar peress li se jiġi żviluppat ukoll lejn il-Lbiċ tas-sit eżistenti Fil-binja l-ġdida se jinbnew tmien klassijiet ġodda tal-kindergarten u 26 klassi ġdida għal-livell primarju. Din il-binja se jkollha wkoll faċilitajet għall-edukaturi u għall-ħaddiema li jagħtu servizzi anċillari, kamra għall-Ewwel Għajnuna, guidance room, librerija, gym, u sala. Il-gym u s-sala se jkunu jistgħu jintużaw mill-komunità lokali wara l-ħinijiet tal-iskola u għalhekk se jkollhom entraturi separati. Dan huwa fil-linja tal-Ministeru għall-Edukazzjoni li permezz tal-proġetti li għaddejjin titqarreb l-edukazzjoni mal-komunità, imma wkoll li fil-ħin li ma jkunux qed jintużaw waqt it-tagħlim l-ispazji jkunu offruti lill-komunità. Il-proġett jirrifletti wkoll il-politika tal-gvern li tmexxi 'l quddiem id-diversità, l-inklużjoni u l-opportunitajiet indaqs permezz tal-istrateġija edukattiva li biha l-awtoritajiet edukattivi qegħdin jieħdu inizjattivi biex jindirizzaw il-ħtiġijiet, l-interessi u l-abbiltajiet differenti tat-tfal. Dawn l-inizjattivi huma riflessi f’dan il-proġett bil-ħolqien ta’ klassijiet addizzjonali għat-tagħlim ta’ suġġetti vokazzjonali, ix-xjenza, l-arti u l-mużika, kif ukoll l-iżvilupp personali u soċjali. F’din l-iskola se tinfetaħ ukoll klassi multi-sensory għat-terapija tat-tfal li jkunu jeħtiġuha. L-Iskola Primarja tal-Mellieħa se tkun imfassla mill-ġdid bil-għan li l-edukaturi jkunu jistgħu jipprovdu spazji għat-tagħlim adattat għas-suġġetti msemmija. Fil-binja l-ġdida se jinħoloq ukoll spazju għal ċentru għall-ħarsien tat-tfal li se jkun jista’ jieħu madwar 40 tifel u tifla. Kif isir fi proġetti bħal dawn, saru konsultazzjonijiet tul il-proċess tal-applikazzjoni mal-konsulenti esterni statutorji, l-aktar mal-Planning Control Unit, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, l-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi, id-Direttorat għall-Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni, is-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali, il-Kumitat Konsultattiv tad-Disinn, il-Konsulent tal-Ippjanar tat-Trasport, Transport Malta, l-Uffiċċju tal-Inġinerija Sanitarja, u l-Enemalta. Hemm ukoll komunikazzjoni mall-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità biex ikun żgurat li l-proġett jilħaq l-istandards nazzjonali. Kien importanti ferm is-sehem tas-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali, għaliex minbarra l-konsultazzjonijiet matul il-proċess ta’ applikazzjoni, tnaddfu żoni speċifiċi tas-sit mill-ħamrija eżistenti, fil-preżenza ta’ arkeoloġiku maħtur mis-Sovrintendenza. Dan sar biex isir studju arkeoloġiku minħabba li s-sit fih xelters taħt l-art u karatteristiċi marbuta ma’ attivitajiet militari li ġew rintraċċati fil-qtugħ tal-blat. Il-perit li huwa nkarigat mill-proġett żgura li x-xogħlijiet proposti ma jkollhomx impatt dirett fuq il-karatteristiċi eżistenti u li jkun żgurat li dawn jinżammu kollha. Is-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali studjat u ħadet nota ta’ dawn il-karatteristiċi maqtugħa fil-blat u aċċettat il-proposta tal-iżvilupp li se jkollha monitoring minħabba l-protezzjoni ta’ dawn is-sejbiet. Meta jitlesta dan l-iżvilupp, l-Iskola Primarja tal-Mellieħa se tkun waħda li jkollha ambjent modern u xieraq għall-edukazzjoni ta’ uliedna u wkoll għall-edukaturi, amministrazzjoni u l-ħaddiema kollha li jagħtu s-servizz tagħhom fiha.

Il-Mellieħa — estensjoni tal-iskola - parkeġġ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm se jkun hemm sulari ta’ parkeġġ taħt l-art disponibbli fl-estensjoni tal-Iskola Primarja tal-Mellieħa?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex ġentilment jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari nru 433

Il-Mellieħa — skola primarja - parkeġġ propost fl-estensjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-parkeġġ tal-UG propost fl-estensjoni tal-Iskola Primarja tal-Mellieħa hux se jkun aċċessibbli għar-residenti? Kemm se jkun hemm parkeġġi? Jista’ jgħid jekk hux se jkun hemm ukoll għażliet ta' ċċarġġjar għall-karozzi elettriċi, u jekk iva, kemm?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex ġentilment jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari nru 433

Il-Mellieħa — parkeġġ

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li se jkun hemm mina li se tgħaqqad il-parkeġġ taħt l-art propost fl-estensjoni tal-Iskola Primarja tal-Mellieħa ma’ Triq il-Kbira, ma’ Triq Ġorġ Borg Olivier fil-Mellieħa? Jekk iva min ser jiffinanzja dan il-proġett?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex ġentilment jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari nru 433.

Statwa tal-Madonna tal-Aħrax

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Istatwa tal-Madonna fl-Aħrax li għandha 150 sena u li tinsab fil-ponta tal-Aħrax għandhiex tiċċaqlaq minħabba x-xquq tal-blat li joħolqu periklu li taqa’ u tinqered?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab informat li d-Direttorat tar-Restawr bagħat esperti fuq il-post biex jikkonstataw xl-aħjar isir.

Uffiċċju tal-Prim Ministru — Segretarjat Parlamentari għad-Djalogu Soċjali - persuni li jaħdmu bir-remote working

Question

Jista' l-Prim Ministru permezz tas-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali jgħid kemm hemm persuni jaħdmu permezz ta’ remote working (teleworking) mas-Segretarjat Parlamentari kkonċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?

Response (ABELA, ROBERT)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari nru 923.

Ministeru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet — Segretarjat Parlamentari għall-Fondi Ewropej - persuni li jaħdmu bir-remote working

Question

Jista' l-Ministru permezz tas-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej jgħid kemm hemm persuni jaħdmu permezz ta’ remote working (teleworking) mas-Segretarjat Parlamentari kkonċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant li l- persuni jaħdmu permezz ta’ remote working (teleworking) mas-Segretarjat Parlamentari kkonċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu huma inklużi mal-figuri tal-Mistoqsija Parlamentari 930.

Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni — Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni - persuni li jaħdmu bir-remote working

Question

Jista' l-Ministru permezz tas-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni jgħid kemm hemm persuni jaħdmu permezz ta’ remote working (teleworking) mas-Segretarjat Parlamentari konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nistieden lill-Onor. Interpellant biex ġentilment jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 936.

Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali — Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali - persuni li jaħdmu bir-remote working

Question

Jista' l-Ministru permezz tas-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali jgħid kemm hemm persuni jaħdmu permezz ta’ remote working (teleworking), mas-Segretarjat Parlamentari konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta tal-Mistoqsija Parlamentari numru 925.