Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur — infiq ta' flus f'reklamar
Question
Tista’ l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 1897 u tgħid kemm tħallsu flus mill-Ministeru mill-2017 sal-lum lil One TV Productions u/jew lill-Partit Laburista u/jew lill-persuna, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, jew persuna oħra f'reklamar u/jew bħala ħlas għal stedin u parteċipazzjoni tal-Ministru odjern jew predeċessur tagħha jew uffiċjal tal-Ministeru fil-programmi Espresso u Kalamita fuq One TV?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru u l-entitajiet li jaqgħu taħtu ta’ spiss jagħmlu materjal informattiv fuq il-midja kemm bħala reklamar, kif ukoll bħala slots informattivi. Dan bil-għan li l-pubbliku jkun mgħarraf bl-attivitajiet / inizjattivi li jittieħdu.
B’referenza għal dak li qed jistaqsi dwaru l-Onor. Interpellant, it-tagħrif għall-perjodu, mindu twaqqaf dan il-Ministeru f’Novembru 2020, hu kif ġej:
Inflation Media Productions (Kalamita): €5,781.99
ONE Productions (Espresso): €6,230.40
Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal — infiq ta' flus f'reklamar
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1889 u jgħid kemm tħallsu flus mill-Ministeru mill-2017 sal-lum lil One TV Productions u/jew lill-Partit Laburista u/jew lill-persuna, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, jew persuna oħra f'reklamar u/jew bħala ħlas għal stedin u parteċipazzjoni tal-Ministru odjern jew predeċessur tiegħu jew uffiċjal tal-Ministeru fil-programmi Espresso u Kalamita fuq One TV?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru u l-entitajiet li jaqgħu taħtu ta’ spiss jagħmlu materjal informattiv fuq il-midja kemm bħala reklamar, kif ukoll bħala slots informattivi. Dan bil-għan li l-pubbliku jkunu mgħarraf bl-attivitajiet / inizjattivi li jittieħdu.
B’referenza għal dak li qed jistaqsi dwaru l-Onor. Interpellant, it-tagħrif għall-perjodu ta’ ħames snin kif indikat minnu hu kif ġej:
Inflation Media Productions (Kalamita): €30,621
ONE Productions (Espresso): €2,832
Ministeru għal Għawdex – Impjegati jagħmlu xogħol ta’ watchman
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm/kien hemm impjegati jagħmlu xogħol ta' watchman fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex fl-aħħar ta' kull sena mill-2012 sal-aħħar ta' April, 2022? X'kien/x'inhu l-grad tagħhom? Liema huma s-siti li qed jindokraw? Jekk hemm relievers pool, jista’ jgħid kemm hemm persuni fiha?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li infurmat li hemm hemm 76 individwu fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex maqsumin f’diversi xiftijiet li jagħmlu xogħol ta’ watchman f’24 sit differenti bħala parti mix-xogħol tagħhom.
Gozo Channel (Operations) Ltd. – Kiri ta’ post fl-Imġarr
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gozo Channel (Operations) Ltd hux qiegħda tikri post fl-Imġarr, Għawdex, li qabel kien jintuża bħala supermarket, sabiex tibda tużah bħala l-uffiċċju tagħha? Kemm ilha tikrih dan il-post, kemm hi l-kera u għalkemm u għala dan il-post għadu ma bediex jintuża għall-iskop mikri? Jista’ jikkonferma li s-sit mikri għandu problemi ta' stabilità li qed iżommu x-xogħol ta' finitura tiegħu? Kemm se jiswew dawn ix-xogħlijiet rimedjali u min hu responsabbli li jagħmilhom? Meta se jibda jintuża dan is-sit bħala uffiċċju tal-kumpanija? Jista' jqiegħed kopja tal-kuntratt tal-kera fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Nikkonferma mal-Onor. Interpellant li l-Gozo Channel (Operations) Ltd. qiegħda tikri post fl-Imġarr. Dan beda jinkera, biex jibda jintuża mill-istess entità bħala uffiċċju ċentralizzat għall-operazzjonijiet tal-kumpanija, imħażen u garaxxijiet, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2020 għal terminu ta’ għaxar snin u żieda maqbula ta’ 18-il xahar addizzjonali mingħajr ħlas.
Il-post tale quale intgħażel minn bord imwaqqaf apposta bħala l-aktar wieħed vantaġġjuż minn fost żewġ offerti ta’ interess fis-sejħa pubblika li kien hemm.
Ir-raġuni għaliex il-post għadu ma bediex jintuża għall-iskop mikri hi li l-kumpanija kienet qed tistenna l-permessi meħtieġa biex isiru xogħlijiet li kien hemm bżonn. Filfatt dawn il-permessi ħarġu fit-3 ta’ Jannar 2022 u x-xogħlijiet meħtieġa, skont il-pjanti approvati mill-Awtorità tal-Ippjanar (vide DS/00316/21; DS/00060/22 u PA/02464/21), issa bdew.
Bħala kumpens ta’ parti minn dawn l-ispejjez li qegħdin isiru fuq dawn ix-xogħolijiet, ġie maqbul mas-sidien li l-perjodu tal-kirja jiżdied bi 18-il xahar wara t-terminu tal-kirja ta’ 10 snin mingħajr ħlas addizzjonali. L-arranġamenti se jkunu qed jiffaċilitaw il-ħidma tal-kumpanija fl-operat tagħha qrib il-port tal-Imġarr.
Il-kera pagabbli hi ta’: (i) €2,600 fix-xahar bejn l-1 ta' Jannar u l-31 ta' Marzu 2020; (ii) €5,200 fix-xahar bejn l-1 ta' April 2020 u l-31 ta' Diċembru 2022; u (iii) sussegwentement il-kera tiżdied kull tliet snin bir-rata ta' 6% jew iż-żieda fir-Retail Price Index, skont liema tiġi l-ogħla.
Għawdex – Proġetti mid-dħul tat-taxxa f’lukandi u akkomodazzjonijiet oħra
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1562 u jgħid xi proġetti saru f'Għawdex mid-dħul tat-taxxa fuq kull lejl fil-hotels u akkomodazzjonijiet oħrajn? Jista' jgħid minn kemm ilha li ġiet introdotta din it-taxxa sal-lum, kemm kien id-dħul minn Għawdex? Jista' jgħid kemm minn din it-taxxa, ġiet investita f'Għawdex stess?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-taxxa fuq akkomodazzjoni li nġabret minn indirizzi reġistrati f’Għawdex, mill-2016 sal-aħħar ta’ Ġunju 2022, tammonta għal €1,005,161.47.
Rigward l-aħħar parti tal-mistoqsija, nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid x'pagamenti saru s'issa fuq il-proġett tal-Gozo Museum f'Għawdex? Jista' jgħid kemm kien kull pagament u lil min sar?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-mużew se joffri passaġġ lura fl-istorja t’Għawdex fil-qalba tal-ġrajjiet u l-patrimonju rikk li nsibu fuq din l-art. Il-kollezzjoni li se tkun esebita fih, se tinkludi oġġetti li sal-lum il-pubbliku ma setax igawdi.
Ninforma lill-Onor. Interpellant li saru total ta’ €3,767,915 f’pagamenti.
Għawdex – triq li mix-Xagħra tagħti għall-bajja tar-Ramla – safety crash barriers
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li fit-triq li mix-Xagħra tagħti għall-Bajja tar-Ramla f'Għawdex, jittieħdu l-prekawzjonijiet kollha u jsiru 'Safety Crash Barriers' biex jitneħħa l-periklu li xi ħadd jaqa' bil-karozza fil-wied u dan peress li hemm partijiet kbar miċ-ċnut li jagħtu mit-triq għal wied, neqsin?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li temporanjament l-ammont ta’ barriers mat-triq żdiedu u dan sakemm fil-ġimghat li ġejjin jerga’ jinbena ċ-ċint, kif kien oriġinarjament.
Għawdex – kumpens għall-ħsarat li ġarrbu vetturi minħabba l-istat ħażin tat-toroq
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru talbiet għal kumpens rigward ħsarat li ġarrbu vetturi minħabba l-istat ħażin tat-toroq f’Għawdex, sena b' sena, mill-2017 sal-2021? Jista' jagħti l-informazzjoni minn liema lokalità sar kull ilment? Jista’ jgħid kemm minn dawn it-talbiet kienu aċċettati u kemm ingħataw kumpens f’kull każ?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-perjodu msemmi ngħataw €4,707.98 f’kumpens fi 22 claim differenti.
Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi – Programm u l-evalwazzjoni tat-tagħlim dwar l-integrità u għarfien etiku
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il persuna kien hemm eleġibbli fil-Public Works biex tagħmel "il-programm u l-evalwazzjoni tat-tagħlim dwar l-integrità u għarfien etiku"? Kemm-il persuna minn dawk li kienu eleġibbli għamlu dan it-taħriġ?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninsab infurmat li fid-Dipartiment għax-Xogħlijiet Pubbliċi hemm 25 impjegat eliġibbli għat-taħriġ imsemmi u li s’issa madwar nofshom poġġew għal dan il-programm.
Kumpanija — remunerazzjoni, ħlasijiet u benefiċċji lid-Diretturi
Question
Jista’ l-Ministru:
(a) jispeċifika l-ammont ta' remunerazzjoni, ħlasijiet u benefiċċji li saru lid-Diretturi u Segretarju tal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?
(b) Jista’ jagħti wkoll id-dati u durazzjoni tal-laqgħat tal-Bord tad-Diretturi tal-istess kumpanija u min kien preżenti u jekk il-laqgħat sarux fiżikament jew online?
(ċ) Jista’ jgħid kemm hemm nies impjegati u/jew deployed ma’ din il-kumpanija?
(d) Jista’ jgħid kemm hemm nies li kienu jaħdmu mal-Awtorita tal-Ippjanar li huma preżentement impjegati u/jew deployed ma’ din il-kumpanija u min huma?
Response (CARUANA, CLYDE)
Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Ħaddiema mas-Settur Pubbliku u s-Servizz Pubbliku li telqu jew irriżenjaw
Question
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kien l-ammont ta' ħaddiema mis-Settur Pubbliku u s-Servizz Pubbliku li telqu jew irriżenjaw jew irtiraw bl-età fl-aħħar għaxar snin, jiġifieri fil-perjodu bejn l-2011 u l-2021?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għandha Jobsplus mill-formoli ta’ tmiem tal-impjieg, hawn taħt issib tabella li turi n-numru ta' ħaddiema mis-Settur Pubbliku u s-Servizz Pubbliku li telqu jew irriżenjaw jew irtiraw bl-età bejn 2011 u 2021 sena b’sena.
Sena
Servizz Pubbliku
Settur Pubbliku
Total
2011
1,216
1,645
2,861
2012
1,253
1,753
3,006
2013
801
711
1,512
2014
1,100
940
2,040
2015
1,123
1,197
2,320
2016
1,182
1,170
2,352
2017
1,127
1,336
2,463
2018
862
1,326
2,188
2019
1,129
1,485
2,614
2020
978
1,372
2,350
2021
1,421
1,814
3,235
26,941
Korp tal-Puliżija: Financial Crimes Investigations Department — Supretendent
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk is-Supretendent fi ħdan il-Financial Crimes Investigations Department (FCID) tal-Korp tal-Pulizija, li ismu u kunjomu qegħdin jingħataw separatament, tax avviż lill-Kummissarju tal-Pulizija li qed/se jirtira/jirriżenja mill-Korp tal-Pulizija?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi l-uffiċjal tal-Pulizija, li ismu u kunjomu ngħataw separatament, ma rtirax u lanqas irreżenja mill-Korp tal-Pulizija, però għamel talba ta’ perjodu ta’ leave speċjali.
Ħaż-Żebbuġ u s-Siġġiewi – studji minn Infrastructure Malta dwar tibdil li se jsir fil-junction
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2103 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-istudji li saru minn Infrastructure Malta sabiex waslet għall-għażla tagħha għat-tibdil li se jsir fil-junction ta’ Ħaż-Żebbuġ-Siġġiewi? Jista’ jgħid ma’ min ikkonsultat Infrastructure Malta sabiex waslet għall-għażla tal-junction Ħaż-Żebbuġ-Siġġiewi? Jista’ jippubblika l-konsultazzjonijiet li saru?
Response (FARRUGIA, AARON)
Infrastructure Malta għamlet titjib fil-junction ta’ bejn is-Siġġiewi u Ħaż-Żebbuġ, fi Triq l-Imdina, sabiex ittaffi d-diffikultajiet ta’ konġestjoni u tnaqqas ir-riskji t’aċċidenti f’din ir-rotta ewlenija ta’ pajjizna.
Ir-residenti Siġġiwin kien ilhom snin twal jappellaw lill-awtoritajiet sabiex jindirizzaw id-diffikultajiet li jiffaċċjaw kull filgħodu biex joħorġu mil-lokalità tagħhom u filgħaxija biex jidħlu lura. Matul is-snin, il-konġestjoni f’din il-junction bejn Triq l-Imdina u Triq is-Siġġiewi kompliet tiżdied, tant li kienu qed jintlaqtu ħażin ukoll żoni oħrajn matul ir-rotta ewlenija ta’ Triq l-Imdina, li twassal mill-qalba ta’ Ħal Qormi sa Ħaż-Żebbuġ u tibqa’ sejra sa taħt it-Telgħa tas-Saqqajja, ir-Rabat. Il-konġestjoni kull filgħodu u filgħaxija twassal għal żieda fit-tniġġis tal-arja fl-inħawi residenzjali u postijiet tax-xogħol f’dawn il-lokalitajiet ukoll.
Permezz ta’ dan il-proġett, Infrastructure Malta neħħiet ir-roundabout li kien hemm u minflokha ħolqot korsiji diretti li jgħaqqdu r-rotot differenti li jaqsmu kontra xulxin f’dan is-salib it-toroq. Dawn il-korsiji se jagħmluha aktar faċli li tgħaddi mill-junction biex taqsam minn triq għal oħra, fid-direzzjonijiet bejn Ħaż-Żebbuġ, is-Siġġiewi u Ħal Qormi, hekk kif il-medja tal-ħin tal-ivvjaġġar f’din iż-żona mistennija tonqos b’madwar 30 fil-mija.
Sabiex tagħmel dawn il-korsiji diretti, l-aġenzija għamlet l-aħjar użu tal-ispazju ta’ din it-triq biex fetħet għadd ta’ korsiji ġodda. Fil-fatt, parti minn Triq l-Imdina biswit l-istess junction issa għandha żewġ korsiji ġodda billi twessgħet għal tliet korsiji f’kull direzzjoni. B’hekk, filwaqt li dawk li jkunu jridu jduru mis-Siġġiewi lejn Ħal Qormi u Ħaż-Żebbuġ, jew bil-kontra, jistgħu jużaw il-korsiji diretti, dawk li jkunu qed jaqsmu minn Ħaż-Żebbuġ lejn Ħal Qormi, jew bil-kontra, għandhom zewġ korsiji tista’ tgħid iddedikati għalihom biss.
Filwaqt li qabel bir-roundabout kellek madwar ħames rotot differenti li jaqsmu kontra xulxin mar-roundabout, bid-disinn ġdid, Infrastructure Malta naqqset dawn il-qasmiet għal waħda biss, li hija l-uniku konnessjoni kkontrollata b’sistema ta’ dwal tat-traffiku (traffic lights). Din is-sistema tista’ tiġi kkontrollata minn Transport Malta b’mod li dejjem tagħti prijorità lill-konnessjoni li l-aktar li tkun qed tintuża, sabiex tkompli tnaqqas il-ħin ta’ stennija fit-traffiku. Dan ifisser li jekk filgħodu jkun hemm ħafna persuni ħerġin mis-Siġġiewi, se jingħataw prijorità fuq rotot oħrajn li dak il-ħin ma jkunux qed jintużaw daqshekk. Filgħaxija, il-ħinijiet tad-dwal tat-traffiku jinbidlu biex iħaffu l-vjaġġi bil-kontra, hekk kif ħafna persuni jkunu sejrin lura d-dar lejn Ħaż-Żebbuġ, is-Siġġiewi u lokalitajiet oħrajn fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta.
Fl-istess waqt, hekk kif il-proġett ser jaqta’ ħafna miċ-ċirkostanzi fejn karozzi jkollhom jaqsmu kontra xulxin, il-junction ġdida se tnaqqas ukoll ir-riskji t’aċċidenti.
L-iżvilupp infrastrutturali tat-toroq ewlenin f’pajjiżna huwa kullana ta’ ħoloq marbutin flimkien, li jeħtieġ jiġu mtejbin b’mod ippjanat għax kull waħda taffettwa lill-oħra. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-istudju li għamlet Infrastructure Malta permezz ta’ eżerċizzji ta’ simulazzjoni li saru tal-andament tat-traffiku bħalissa u fis-snin li ġejjin. Fl-eżerċizzju li sar, ġew ikkunsidrati 10 żoni differenti madwar din il-junction, b’46 node u 125 konnessjoni.
L-aġenzija għamlet konsultazzjoni mal-kunsilli lokali tal-inħawi, mal-awtoritajiet konċernati u ma’ dawk kollha li kellhom interess fil-proġett, kemm qabel ingħata bidu għax-xogħlijiet preparatorji tal-proġett u anke waqt li kien qed isir. Fil-laqgħat mal-kunsilli lokali kien hemm qbil li din il-junction kien jeħtieġ li b’xi mod jew ieħor titjieb fl-effiċjenza u fis-sigurezza, sabiex ittaffi d-diffikultajiet ta’ konġestjoni fl-inħawi, speċjalment għal dawk li jkunu jridu jidħlu jew joħorġu s-Siġġiewi u Ħaż-Żebbuġ. Alternattivi oħrajn kien jkollhom jinkludu esproprjazzjoni u teħid ta’ service road, u għaldaqstant kienu jxekklu l-attivitajiet kummerċjali.
L-intervent li sar minn Infrastructure Malta huwa l-aktar wieħed li jagħti benefiċċji f’termini ta’ ħin fl-ivjaġġar, sigurezza u tnaqqis ta’ tniġġis tal-arja, u li seta’ jitwettaq fi żmien qasir bl-inqas impatt fuq l-artijiet u l-attivitajiet residenzjali, industrijali u kummerċjali tal-madwar.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1915 u jgħid jekk hemmx beach concessions/kuntratti/liċenzji/permessi biex jinkrew deckchairs u umbrelel fil-bajja ta’ Pretty Bay? Jista’ l-Ministru jpoġġi kopja tal-beach concessions/kuntratti/liċenzji/permessi fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tikkonferma li fuq il-Bajja s-Sabiħa ta’ Birżebbuġa hemm concession waħda sabiex jinkrew deckchairs u umbrelel.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1914 u jgħid jekk hemmx beach concessions/kuntratti/liċenzji/permessi biex jinkrew deckchairs u umbrelel fil-bajja ta’ Pretty Bay? Jista’ l-Ministru jpoġġi kopja tal-beach concessions/kuntratti/liċenzji/permessi fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Nirreferi lill-Onor. Interpellanta biex tagħmel il-mistoqsija tagħha lill-Ministru kkonċernat.
Bajja ta’ Fra Ben – kiri ta’ deckchairs u umbrelel
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1913 u jgħid jekk hemmx beach concessions/kuntratti/liċenzji/permessi biex jinkrew deckchairs u umbrelel fil-bajja ta’ Fra Ben? Jista’ l-Ministru jpoġġi kopja tal-beach concessions/kuntratti/liċenzji/permessi fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, l-Awtorita’ tikkonferma li fuq il-Bajja ta’ Fra Ben hemm concession ta’ kjosk sabiex jinkrew deckchairs u umbrelel.
Bajja ta’ Fra Ben – kiri ta’ deckchairs u umbrelel
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1912 u jgħid jekk hemmx beach concessions/kuntratti/liċenzji/permessi biex jinkrew deckchairs u umbrelel fil-bajja ta’ Fra Ben? Jista’ l-Ministru jpoġġi kopja tal-beach concessions/kuntratti/liċenzji/permessi fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li fuq il-Bajja ta’ Fra Ben hemm liċenzja waħda sabiex jinkrew deckchairs u umbrelel.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1911 u jgħid jekk hemmx beach concessions/kuntratti/liċenzji/permessi biex jinkrew deckchairs u umbrelel fil-bajja tar-Ramla? Jista’ l-Ministru jpoġġi kopja tal-beach concessions/kuntratti/liċenzji/permessi fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li hemm encroachment mil-Lands biex il-hawkers li hemm fit-triq li tagħti għall-bajja jkunu jistgħu jikru deckchairs u umbrelel.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1910 u jgħid jekk hemmx beach concessions/kuntratti/liċenzji/permessi biex jinkrew deckchairs u umbrelel fil-bajja tar-Ramla? Jista’ l-Ministru jpoġġi kopja tal-beach concessions/kuntratti/liċenzji/permessi fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li fil-Bajja tar-Ramla apparti operaturi itineranti li għandhom Lands encroachment sabiex jikru deckchairs u umbrelel, hemm ukoll żewġ kjosks illi huma lliċenzjati mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu sabiex jikru deckchairs u umbrelel.
Jista’ l-Ministru jispjega min hu responsabbli miż-żamma tal-Ġnien u bandli ta' Howard Gardens u meta saret l-aħħar manutenzjoni fil-ġnien u l-għamara pubblika? Jista’ jispjega kull meta ssir it-tisqija tas-siġar u pjanti ta' dan il-ġnien u jekk jinżammx rekord ta' kull meta jsir dan?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-responsabbiltà taż-żamma tal-ġnien u l-bandli ta’ Howard Gardens hija tal- Kunsill Lokali tal-Imdina. Madankollu, permezz tad-Dipartiment għax-Xogħlijiet Pubbliċi, qed jingħalaq il-proġett ta’ modernizzar fiż-żona li tinkludi l-bandli, u s-siġar qed jissaqqew kif indikat mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi.