Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm inċidenti tat-traffiku mill-1 ta’ Jannar 2022 sal-aħħar ta’ Awwissu 2022 fejn f’dawn l-inċidenti tat-traffiku kien hemm min sofra xi ġrieħi? Kemm minn dawn l-inċidenti kienu fatali?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi n-numru ta’ inċidenti tat-traffiku li ġew irreġistrati mal-Pulizija, li kienu jinvolvu ġrieħi jew kienu fatali, mill-1 ta’ Jannar 2022 sal-aħħar ta’ Awwissu 2022, kif jidher fit-tabella hawn taħt. F’żewġ każijiet, mill-inkjesta għad irid ikun determinat jekk il-kawża tal-mewt kinitx riżultat tal-inċident.
Tip ta' Inċident
2022
sa’ Awwissu
Fatali
16
Bil-ġrieħi
235
Inkjesta pendenti biex jiġi determinat il- kawża tal-mewt wara l-inċident.
2
Grand Total
253
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm inċidenti fuq il-postijiet tax-xogħol fis-snin 2020 u 2021 fejn kien hemm persuni li weġġgħu u sofrew xi ġrieħi? Kemm minn dawn l-inċidenti kienu fatali?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi dettalji fuq din il-materja jkun aħjar li jintalbu u jinġabru mill-Ministeru kkonċernat mill-Awtorità responsabbli biex jinvestiga inċidenti li jsiru fuq postijiet tax-xogħol (OHSA), f’każijiet fejn persuni jweġġgħu u jsofru ġrieħi ta’ kull tip, inkluż dawk fatali.
Aġenzija Sedqa – servizz ta’ riabilitazzjoni mid-droga
Question
Jista' l-Ministru jikkonferma li fil-ħin li qed issir din il-mistoqsija fid-29 ta' Settembru 2022, hemm waiting list għas-servizz tar-riabilitazzjoni mid-droga offrut mill-Aġenzija Sedqa?
Response (FALZON, MICHAEL)
Nibda billi ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li l-punt tal-ewwel kuntatt mas-servizzi ta’ kura tal-Aġenzija Sedqa fi ħdan il-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali (FSWS) huwa s-servizz tal-Addictions Community Team (ACT).
Dan huwa l-punt tat-tluq għal kull klijent li jrid eventwalment jirċievi servizz ta’ rijabilitazzjoni residenzjali.
Is-servizz tal-ACT jara persuni li jersqu għall-għajnuna fil-komunita’ immedjatament kif jagħmlu kuntatt mal-Aġenzija Sedqa. Persuni li jkollhom bżonn rijabilitazzjoni medika, jiġu referuti għall-Multi-disciplinary Team (MDT), fejn ikollhom laqgħa ta’ assessjar fil-preżenza ta’ social worker, tabib u psikologu, li jħejju pjan ta’ kura għall-klijent.
Sad-29 ta’ Settembru 2022, l-istennija għal dan il-proċess kienet ta’ tliet ġimgħat.
Minn dan il-punt, il-klijent jibda’ jkun segwit mill-professjonisti nvoluti fil-pjan ta’ kura tiegħu, u jkun jista’ jaċċedi għas-servizzi l-oħra li toffri l-Aġenzija Sedqa, fosthom dawk ta’ ditossifikazzjoni jew rijabilitazzjoni residenzjali, fejn għal tali servizzi ma hemmx lista ta’ stennija.
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista sħiħa tal-uffiċjali kollha minn manager ’il fuq (sas-CEO) tal-Fondazzjoni għal Servizzi ta' Ħarsien Soċjali (FSWS) u l-Aġenziji li jaqgħu taħt l-FSWS, bid-dettalji tar-responsabiltajiet tagħhom u l-pakkett sħiħ ta’ kull uffiċjal?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tagħrif għadu qed jinġabar.
Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali – eks ħaddiema tal-Air Malta
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li kienu jaħdmu mal-Air Malta u li ġew trasferiti f’entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Ministeru għat-Trasport? Fejn ġew impjegati, x’inhi l-kariga li ngħataw, x’inhi l-skala u kemm hu s-salarju tagħhom u kemm fadlilhom snin servizz sakemm jiġu għall-età tal-irtirar?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari Nru 2383.
Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali – entitajiet li kellhom encroachment agreement ma’ Malta Industrial Parks
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li kellhom encroachment agreement mal-Malta Industrial Parks, li saret INDIS Malta, u li kienu qegħdin iħallsu pagamenti kull xahar, però wara ċertu żmien dan l-encroachment agreement temmewh mingħajr qatt ma ntużaw il-binjiet li għalihom kienet qiegħda titħallas il-kera, mill-2018 'il quddiem? Jista’ jgħid ukoll jekk itteħditx azzjoni, fejn sar infiq bla bżonn u ħela?
Response (FARRUGIA, AARON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Uffiċċju tal-Prim Ministru – persuni li jmexxu l-entitajiet fil-vesti ta’ CEOs jew Kapijiet
Question
Jista’ l-Prim Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ kemm hemm persuni li qegħdin imexxu l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu fil-vesti ta’ CEOs jew Heads illi waslu għall-età tal-irtirar u jekk itteħdux passi biex ikun hemm succession plan biex meta dawn jirtiraw, l-entità tibqa’ għaddejja taħdem mingħajr ebda skossi?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.
Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa – persuni li jmexxu l-entitajiet fil-vesti ta’ CEOs jew Kapijiet
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ kemm hemm persuni li qegħdin imexxu l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu fil-vesti ta’ CEOs jew Heads illi waslu għall-età tal-irtirar u jekk itteħdux passi biex ikun hemm succession plan biex meta dawn jirtiraw, l-entità tibqa’ għaddejja taħdem mingħajr ebda skossi?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’hemmx persuni li jaqgħu taħt il-Ministeru għas-Saħħa li huma fil-vesti ta’ CEOs jew Heads illi waslu għall-età tal-irtirar.
Ħal Qormi — Triq San Edwardu u Triq Bellic Belliċ – qtugħ ta’ dawl
Question
Peress li kien hemm numru ta’ lmenti minn residenti fi Triq San Edwardu u Triq Bellic, f’Ħal Qormi u żoni fil-madwar dwar qtugħ ta’ dawl b’mod frekwenti ħafna matul il-perjodu tas-sajf u li dan qed joħloq inkonvenjenrt kbir għar-residenti Qriema, tista’ l-Ministru tgħid x’qed isir b’mod konkret biex din il-problema tiġi indirizzata?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Enemalta għaddejja b’programm vast ta’ xogħlijiet biex issaħħaħ is-sistema tad-distribuzzjoni inkluż f’Ħal Qormi. Fl-ewwel ġimgħa ta’ Lulju saru xogħlijiet ta’ bbilanċjar fuq il-low voltage fi Triq Belliċ. Sa nofs Ottubru huwa ppjanat li jitlesta x-xogħol ta’ rinfurzar inkluż tqieħed ta’ LV feederġdid. Dan għandu isaħħaħ id-distribuzzjoni tal-elettriku fi Triq San Edwardu.
Jista’ l-Ministru jindaga jekk fil-Lotterija Rċevuti Fiskali hux qed jiġi osservat livell aċċettabbli ta’ trasparenza, in vista tan-numru ta’ drabi ta’ rebħ mill-persuna li qed tiġi indikata separatament? Jistax jgħid jekk infetħitx diġà investigazzjoni?
Response (CARUANA, CLYDE)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rapport annwali tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika dwar il-kontijiet pubbliċi 2017 li ġie ppubblikat fl-2018 kien għamel numru ta’ rakkomandazzjonijiet dwar il-Lotterija tal-Irċevuti Fiskali. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet ġew implimentati kif irrappurtat fil-ħarġa “Governance Action on the annual report by NAO on public accounts 2017 and other NAO reports 2018” maħruġa mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni, Uffiċċju tal-Prim Ministru f’Lulju tas-sena 2019. Nistaʾ nikkonferma li x-xogħol fuq dawk ir-rakkomandazzjonijiet li kien ġie rrappurtat u li kien għadu għaddej fosthom urna ġdida u post ġdid minn fejn tittellaʾ l-lotterija tlesta kollu.
Fuq okkorenzi simili li kienu seħħu fil-passat id-Direttorat għall-Awditjar Intern u l-Investigazzjonijiet kien għamel investigazzjoni finanzjarja li ġiet konkluza f’Diċembru 2021 u ma nstabet ebda irregolarità.
Minkejja dan kollu, id-Direttorat għall-Awditjar Intern u l-Investigazzjonijiet xorta reġa’ ntalab biex jinvestiga. Din l-investigazzjoni ġiet konkluża fit-18 ta’ Lulju 2022 u għal darb’oħra l-proċess instab li kien trasparenti u ma ġew innutati ebda anomaliji.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm se jdum in-nuqqas ta' urine dipsticks fiċ-Ċentri tas-Saħħa, liema nuqqas qed iżomm lit-tobba milli jagħmlu dijanjosi bażika ta' mard li jista' jiġi identifikat minn dan it-test fuq l-awrina, speċjalment fuq tfal u nisa tqal?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ċ-Ċentri tas-Saħħa kollha huma mgħammra b’urine dipsticks tat-tip ‘5-marker’. Dawn jintużaw regolarment u ma hemmx nuqqas tagħhom.
Ċentri tas-Saħħa tal-Furjana u Raħal Ġdid – servizz tal-X-ray
Question
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jikkonsidra li s-servizz tal-X-Ray offrut miċ-Ċentri tas-Saħħa tal-Floriana u Raħal Ġdid jiġi estiż għall-ħinijiet kollha 24/7 kif ukoll fil-Ħdud u l-festi pubbliċi, sabiex il-pazjenti li jżuru ċ-ċentri bi ksur u wġigħ wara s-7 p.m. ma jkollhomx għalfejn jintbagħtu fiċ-Ċentru tal-Mosta sabiex isirilhom l-X-ray u jerġgħu jiġu invistati u jitwalilhom il-ħin ta' stennija?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi għaddej il-proċess sabiex jiżdidu s-sigħat fis-servizz tar-radjografija f’numru ta’ Ċentri tas-Saħħa.
Ħal Qormi – Skola Primarja ta’ San Ġorġ – xogħlijiet
Question
Fid-dawl li l-Iskola Primarja ta’ San Ġorġ f’Ħal Qormi tinsab f’stat ħażin kemm għall-istudenti kif ukoll għall-edukaturi, u peress li ilu jingħad li se jibda x-xogħol dwar din l-iskola imma s’issa jidher li għadu ma sar xejn fil-konkret u peress li ftit tal-ġimgħat oħra terġa’ tibda s-sena skolastika l-ġdida, jista’ l-Ministru jispjega għalfejn ix-xogħol fuq l-Iskola Primarja ta’ San Ġorġ f’Ħal Qormi għadu ma bediex? Jista’ jagħti d-dettalji tat-timeframes dwar ix-xogħlijiet u meta effettivament għandu jispiċċa x-xogħol fuq din l-iskola?
Response
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi dawn ix-xogħlijiet jinsabu fi stadju kruċjali fejn qegħdin isiru diskussjonijiet dwar l-arranġamenti loġistiċi.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-pjanijiet biex il-futbol klabb li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament jingħata l-art u l-fondi li kienu twiegħdu lill-klabb biex jibnu grawnd tal-futbol u club house?
Response
Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara li nkisbu l-permessi mill-Awtorità tal-Ippjanar u wara li l-proċess tat-tender tax-xogħlijiet għadda mill-istadju ta’ appell, fil-ġranet li ġejjin ser jinbeda x-xogħol fuq proġett sportiv fil-Higher Secondary. Dan il-proġett għandu l-għan li filwaqt li filgħodu jintuża mill-istudenti, wara l-ħin tal-iskola jintuża mill-klabb u mill-istess nursery.
Tista' l-Ministru tgħid l-inħawi u t-toroq li fihom se jiġi istallat New water? Tista' tinforma kemm se jiswa dan? Kemm se jdum biex jiġi finalizzat?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol relatat fuq id-distribuzzjoni ta’ l-ilma tan-New Water huwa maqsum fi tliet żoni, dak fin-Nofsinhar, fit-Tramuntana u dak f’Għawdex. It-toroq fejn sar jew qed isir ix-xogħol huma dettaljati fil-lista li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Il-proġett tan-New Water qed isir b’investiment ta’ 25 miljun ewro. Dan il-proġett innovattiv qed iwassal biex iżjed bdiewa jkollhom aċċess għal ilma riċiklat, b’beneffiċċji ambjentali diretti. Mhux se nieqfu hawn, beħsiebna nkomplu ninvestu biex insaħħu dak li bdejna.
Tista' l-Ministru tgħid jekk l-impjant tat-Trattament tad-Drenaġġ fiċ-Ċumnija Mellieħa hux qed jaħdem bil-kapaċità sħiħa, u jekk kienx operat lil hinn mill-kapaċità sħiħa? Jekk iva x'sar bid-drenaġġ żejjed li ma ġiex ittrattat? Jekk b'kapaċità sħiħa ta' 80%, x'inhuma l-pjanijiet biex l-impjant jiġi aġġornat, meta se jiġri dan u x'se jkun?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-impjant taċ-ċumnija fil-Mellieħa qed jitħaddem fil-kapaċità massima tiegħu għal ħinijiet twal. Meta jkun hemm ċirkostanzi li minħabba skeda ta’ manutenzjoni ppjanata, problemi tekniċi mhux previsti, jew żieda ta’ xi nfluss fid-dranaġġ assoċjati ma’ attività mhux normali (bħal ammont kbir ta’ xita) dan joħloq sfida.
Hu għalhekk li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma poġġiet 'il quddiem pjan ta’ azzjoni biex dan l-impjant jiġi upgraded biex ilaħħaq mad-domanda li qed tiżdied f’dawn iż-żoni. Dan il-pjan hu maħsub li jitlesta bejn l-2025-2026.
Jista' l-Ministru jgħid meta se tinbeda Triq Tabib Joseph Grech Attard Mellieħa? Jista' jgħid jekk it-tender inħariġx u jekk iva din ġietx mogħtija lill-kuntrattur? Inħarġu l-permessi minn Infrastructure Malta?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari Nru 21894 tal-leġiżlatura li għaddiet.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jibdew ix-xogħlijiet fit-Triq id-Denċi l-Għadira, jekk iż-żona se ssir sigura għar-residenti, u meta se jiġri dan?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-triq li qed issir referenza għaliha hija triq ġdida b’għadd ta’ bini li għad irid jiġi żviluppat. L-iżviluppaturi ta’ dan il-bini residenzjali għadhom ma ffurmawx it-triq hekk kif stabbilit mill-liġi. Infrastructure Malta tkun tista’ tgħaddi s-servizzi u tlesti l-wiċċ ta’ din it-triq bl-asfalt hekk kif l-izviluppaturi konċernati jkun ffurmawha b’mod sħiħ, bħal ma jiġri f’kull triq ġdida oħra.
Jista' l-Ministru jispjega għaliex l-appelli li qed jinstemgħu quddiem il-Bord Nazzjonali tal-Impjiegi, jintbagħtu lit-Tribunal Industrijali meta jkunu jistgħu jiġu evalwati faċilment mill-Bord? Jista' l-Ministru jispjega jekk din qattx kienet il-prattika komuni u jekk iva għaliex waqfet?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi primarjament irid jingħad illi l-Appelli li tittratta l-Awtorita Nazzjonali tax-Xogħol (NEA) huma dwar deċiżjoni li tkun ħadet Jobsplus fil-konfront tal-Appellant.
Fid-drabi fejn l-Appellant ikun qed jikkontesta l-fatt li ma jkunx tħalla jirreġistra fuq Part 1 u r-raġuni tkun għaliex l-Appellant ikun qiegħed jikkontendi li jkun tkeċċa b’mod inġust, u fejn allura jkun qed jikkontesta t-tkeċċija, l-Appellant jinġieb konxju li tali kontestazzjoni tista issir
biss
quddiem it-Tribunal Industrijali. U dan kif stipulat fl-Att dwar l-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrjali (Kap. 452 tal-Liġijiet ta’ Malta) u proprju l-artikolu 75 ta’ dan l-Att jgħid li:
“75 (1) Minkejja kull ma jinsab f’kull liġi oħra, it-Tribunal Industrjali jkollu l-ġurisdizzjoni esklussiva li jikkunsidra u jiddeċiedi – ‘
il-ka
ż
ijiet kollha fejn jiġi allegat li saret tkeċċija inġusta”.
Jekk it-Tribunal Industrjali jiddeciedi li t-tkeċċija tkun saret b’mod inġust, l-Appellant jinforma lill-NEA u awtomatikament l-Appell li jkun għamel magħha jkun milqugħ u Jobsplus tkun notifikata u l-Appellant jitħalla jirregistra fuq Part 1.
Jekk it-Tribunal Industrjali jkun iddeċieda li t-terminazzjoni tkun saret b’mod ġust, l-Appell quddiem l-NEA ikun dikjarat mhux milqugħ.
Fejn l-Appellant minkejja li jkun qed jallega quddiem l-NEA li jkun tkeċċa b’mod inġust, jiddeċiedi li ma jressaqx il-każ tiegħu quddiem it-Tribunal Industrjali, l-Appell ikun dikjarat bħala wieħed mhux milqugħ.
Il-Bord tal-NEA ma’ jibgħatx każijiet quddiem it-Tribunal Industrjali, iżda jkun l-Appellant li jiddeciedi jekk jintavolax il-każ tiegħu quddiem tali Tribunal.