Legislature:
Category:
Reset
Active:

Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa — konsulenzi

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 326, jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ammonti ta' dawn il-kuntratti indefiniti sena b'sena mill-2017 sal-2022?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-konsulenti li huma ingaġġati b’kuntratti indefiniti sena b'sena mill-2017 sa Awwissu 2022 huma kif jidhru fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal — konsulenzi

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 329 u jagħti rendikont tal-ammont ta’ konsulenzi li tħallsu mill-Ministeru bejn l-2017 u l-2022? Lil min ingħataw u f’liema ammonti ngħataw? Jista’ jgħid min huma l-konsulenti u b’liema proċess ġew maħtura konsulenti? Jista’ jgħid ukoll x’tip ta’ servizz taw u x’tip ta’ kuntratti kienu?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali — konsulenzi

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 327 u jagħti rendikont tal-ammont ta’ konsulenzi li tħallsu mill-Ministeru bejn l-2017 u l-2022? Lil min ingħataw u f’liema ammonti ngħataw? Jista’ jgħid min huma l-konsulenti u b’liema proċess ġew maħtura konsulenti? Jista’ jgħid ukoll x’tip ta’ servizz taw u x’tip ta’ kuntratti kienu?

Response (BONNICI, OWEN)

It-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.

Bajja tal-Mistra – traffic lights

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk hux se jiġu installati traffic lights mid-daħla u l-ħruġ sejrin u ġejjin mill-Bajja tal-Mistra?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta qiegħda tevalwa flimkien ma' Infrastructure Malta l-possibbilità ta’ ħruġ iktar sigur mil-Mistra permezz ta’ Traffic lights.

Kirkop Tunnels and Airport Intersection Project — fdalijiet arkeoloġiċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif ġew/ser ikunu affettwati l-fdalijiet arkeoloġiċi li jinsabu fl-akkwati tal-proġett tal-Kirkop Tunnels and Airport Intersection Project (KTAIP)?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta ppjanat ix-xogħlijiet ta’ Kirkop Tunnels & Airport Intersection Project(KTAIP) f’kollaborazzjoni mas-Sovrintendenza għall-Wirt Kulturali, biex tiżgura li ma jkollhomx impatti mhux mixtieqa fuq il-fdalijiet arkeoloġiċi li hemm fl-inħawi. Arkeologi mqabbdin mill-aġenzija u approvati mis-Sovrintendenza qed isegwu u jissorveljaw ix-xogħlijiet kollha ta’ skavar tal-proġett. Il-fdalijiet arkeoloġiċi li nstabu fl-akkwati tal-proġett kollha ġew irrekordjati mill-arkeologi u wara li sar studju, stħarriġ u rikordju fotografiku ta’ kull fdalijiet, ittieħdet deċiżjoni mis-Sovrintendenza. Il-kura li ttieħdet kienet tali, illi f’każijiet fejn dawn kienu ta’ importanza kbira wara istruzzjoni mis-Sovrintendenza reġa’ ġie modifikat id-disinn biex il-fdalijiet jiġu salvati. Is-sit storiku ta’ Ħal Resqun li hemm fl-istess inħawi wkoll se jibqa’ aċċessibbli għall-arkeologi bħalma kien qabel ma nbeda l-proġett.

Kirkop Tunnels and Airport Intersection Project

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser jitlesta għalkollox il-proġett tal-Kirkop Tunnels and Airport Intersection Project (KTAIP)?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Kirkop Tunnels and Airport Intersection Project (KTAIP) ser joffri konnessjonijiet eħfef u aktar siguri lejn Ħal Luqa, il-Gudja, Birżebbuġa, Ħal Kirkop, l-Imqabba, il-Qrendi, iż-Żurrieq u Ħal Safi kif ukoll inħawi oħrajn fil-viċinanzi. Il-proġett jinkludi wkoll il-bini mill-ġdid tar-roundabout tal-Gudja u flyover li se tgħaddi minn fuqha, kif ukoll faċilitajiet ġodda għal mezzi alternattivi tal-ivvjaġġar. Se jtejjeb ukoll l-aċċess lejn l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u l-Port Ħieles, żewġ destinazzjonijiet kruċjali għal diversi setturi tal-ekonomija. Ir-roundabout tal-Gudja tinsab f’salib it-toroq ma’ diversi toroq arterjali, li jinkludu Vjal l-Avjazzjoni, minn u lejn Ħal Luqa, il-Marsa u Ħal Qormi; Triq Dawret il-Gudja, lejn il-Gudja u Ħal Għaxaq; Triq Ħal Far, minn u lejn Ħal Far, il-Freeport u Birżebbuġa; u Triq l-Ewwel Titjira li tgħaqqad ir-roundabout mal-mini ta’ Ħal Kirkop. Hemm ukoll Triq il-Karwija, li twassal għall-Ajruport. Il-mina ġdida se toħloq konnessjoni diretta u aktar sigura bejn il-karreġġjati tan-nofsinhar u tat-tramuntana ta’ Vjal l-Avjazzjoni u dawk ta’ Triq Ħal Far. B’hekk, dawk li jkunu għaddejjin f’din ir-rotta, inkluż vetturi kbar, ġejjin minn jew sejrin lejn Birżebbuġa, il-Port Ħieles jew il-Qasam Industrijali ta’ Ħal Far, ma jkollhomx għalfejn iduru mar-roundabout. Fuq il-mina, Infrastructure Malta se tibni mill-ġdid ir-roundabout eżistenti u l-korsiji tal-bypass b’disinn imtejjeb biex tiffaċilita l-aċċess minn u lejn il-Gudja, Ħal Għaxaq u l-Ajruport. Fit-tielet livell imbagħad, fuq ir-roundabout se jkun hemm il-flyover li sservi ta’ pont bejn il-karreġġjata tan-nofsinhar ta’ Vjal l-Avjazzjoni u Triq l-Ewwel Titjira, fid-direzzjoni lejn il-mini ta’ Ħal Kirkop. Għaldaqstant, jekk tkun trid tiġbed lejn il-mini ta’ Ħal Kirkop biex tibqa’ sejjer Ħal Kirkop, l-Imqabba, l-Qrendi, ż-Żurrieq jew Ħal Safi mhux se jkollok bżonn aktar tgħaddi mar-roundabout. KTAIP u Luqa Junction Project, li qed jinbena biswitu u jinkludi wkoll il-bini ta’ flyover oħra, huma l-ikbar żewġ proġetti li Infrastructure Malta qed taħdem fuqhom din is-sena fit-toroq arterjali. Kif kien ippjanat l-ewwel korsiji ta’ KTAIP, b’konnessjoni aħjar minn Ħal Far lejn ir-roundabout tal-Ajruport, infetħu fl-ewwel nofs tas-sena. Ix-xogħlijiet f’dawn l-inħawi jeħtieġ li jsiru b’attenzjoni kbira għal fdalijiet arkeoloġiċi li jista’ jkun hemm mirdumin taħt l-art. Fil-fatt, kull xogħol ta’ tħaffir qed isir taħt is-superviżjoni ta’ arkeologi approvati mis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali. Fejn jinstabu fdalijiet t’importanza storika, Infrastructure Malta qed taħdem mas-Sovrintendenza ħalli tippriservahom billi tadatta l-pjanti tal-proġett. Ix-xogħlijiet kollha ta’ KTAIP mistennija jkunu lesti fl-ewwel nofs tas-sena 2023. Madankollu, il-flyovers taż-żewġ proġetti ppjanati li jibdew jintużaw qabel l-aħħar ta’ din is-sena. Il-flyover ta’ ħdejn l-ajruport se tkun twila 400 metru u ser toffri korsija diretta minn Ħal Luqa lejn il-Mini ta’ Ħal Kirkop. Miexi ġmielu wkoll il-bini tal-mina taħt ir-roundabout tal-Ajruport li partijiet minnha diġà ssaqqfu u din mistennija tinfetaħ qabel tmiem is-sena. Flimkien, il-KTAIP u Luqa Junction Project se jnaqqsu l-ħin tal-ivvjaġġar sa 74% f’kull direzzjoni tul din ir-rotta. Ser jeliminaw ukoll żewġ żoni magħrufin għall-aċċidenti, billi jneħħu l-ħtieġa li vetturi jaqsmu kontra xulxin fiż-żewġ roundabouts. Fl-istess waqt, permezz ta’ faċilitajiet aktar siguri, se jonqsu wkoll ir-riskji t’aċċidenti għal dawk li jkunu għaddejjin f’din iż-żona bil-mixi jew bir-rota. Dawn iż-żewġ proġetti se jwasslu ukoll għal titjib sinjifikanti fil-kwalità tal-arja f’Ħal Luqa, il-Gudja u nħawi oħrajn fil-viċin. Fil-fatt, huwa stmat li se jnaqqsu sa 9 tunnellati emissjonijiet tal-materja partikulata kull sena. Bl-istess mod, l-emissjonijiet tad-dijossidju tal-karbonju, li huma fost l-ikbar kontributuri tal-kri¿i fil-klima, se jonqsu bi 33,000 tunnellata kull sena.

Żurrieq – Triq Ħal Far — twessigħ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb illi titwessa’ ftit Triq Ħal Far li miż-Żurrieq tagħti għal Birżebbuġa peress li f’partijiet minnha t-triq tant hi dejqa li ma jgħaddux żewġ karozzi maġenb xulxin u dan peress illi din it-triq hija triq alternattiva għal mini ta’ Ħal Kirkop?

Response (FARRUGIA, AARON)

Nitlob lill-Onor. Interpellanet biex jindika eżatt għal liema partijiet mit-triq qed jirreferi.

Żurrieq – proġett tal-għargħar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser jibda x-xogħol biex jitnaqqas l-għarar mil-lokalità taż-Żurrieq? Liema toroq ser jiġu affettwati bix-xogħlijiet ta’ dan il-proġett? Meta hu proġettat li dan ix-xogħol jitlesta? Kemm għandu flus ivvutati dan il-proġett biex jitwettaq? Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanti kollha relatati ma’ dan il-proġett tal-għargħar?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari numru 2001.

Żurrieq – proġett tal-għargħar – ġbir tal-ilma

Question

Fil-proġett propost mill-Gvern biex isolvi l-problema tal-għargħar fiż-Żurrieq, jista’ l-Ministru jgħid fejn ser jiġi ‘discharged’ l-ilma kollu li ser jinġabar minn dan il-water culvert?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari numru 2000.

Cycle lanes fit-toroq kollha

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern għandux ippjanat li jinkludi cycle lanes fit-toroq kollha arterjali u distributorji madwar Malta u Għawdex? Jekk fl-affermattiv, f’liema toroq ser jiġu inklużi dawn is-cycle lanes u x’tip ta' cycle lanes se jkunu inklużi f’dawn it-toroq? Dawn is-'cycle lanes' ser ikunu segragati mill-kumplament tat-traffiku, sia mit-traffiku tal-vetturi u dak pedonali? X’tip ta' standards Ewropej ser jiġu applikati biex jinbnew dawn is-'cycle lanes'?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħidma li qed twettaq Infrastructure Malta madwar il-pajjiż, biex issir qabża kbira fil-kwalità, l-effiċjenza, is-sigurtà u s-sostenibilità tat-toroq tagħna, tinkludi wkoll titjib kbir fl-infrastruttura għal min juża mezzi alternattivi biex jivvjaġġa partikolarment dawk li jħobbu jimxu jew inkella jsuqu r-rota. Din l-infrastruttura tkun iddisinjata wara li jiġu kkunsidrati linji gwida internazzjonali. Prova ta’ dan huma d-diversi proġetti li diġà saru kemm ilha mwaqqfa l-aġenzija, kif ukoll dawk li għaddej ix-xogħol fuqhom bħalissa jew inkella diġà tħabbru l-pjanijiet tagħhom biex jinbdew fiż-żmien li ġej. F’kull proġett li tfassal, Infrastructure Malta qed tagħmel l-almu kollu tagħha biex tagħmel il-ħajja aktar faċli għal dawk li jivvjaġġaw bil-mixi jew bir-rota u biex tħajjar oħrajn jagħmlu bħalhom. Dan qed tagħmlu billi qabelxejn ittejjeb l-infrastruttura diġà eżistenti u kull fejn huwa possibbli tintroduċi faċilitajiet oħrajn ġodda għall-mixi u r-roti f’ambjent li ma jkunx ta’ periklu. Din l-infrastruttura tvarja minn titjib f’passaġġi anke qalb il-kampanja u bini mill-ġdid ta’ bankini u oħrajn ġodda kemm fit-toroq residenzjali kif ukoll dawk arterjali, f’korsiji ġodda għar-roti u li fejn l-ispazju jippermetti jkunu mifrudin minn dawk għall-karozzi, u bini ta’ pontijiet pedonali aċċessibbli għal kulħadd inkluż ir-roti li jiffaċilitaw l-ivvjaġġar u biex taqsam minn naħa għal oħra f’żoni traffikużi. Il-proġetti li fihom saret infrastruttura għaċ-ċikliżmu kienu jinkludu Vjal ix-Xarolla (Żurrieq), Vjal l-Avjazzjoni (Ħal Luqa), Triq Aldo Moro (Marsa), Triq l-Aħħar Ħbit mit-Torok (bejn Ħaż-Żabbar u ż-Żejtun), Triq Buqana (bejn l-Imtarfa u l-Mosta), Triq Tal-Balal (bejn San Ġwann u n-Naxxar), Triq il-Kuċċard (Ħal Safi), Triq Ħal Qormi u Triq San Tumas (bejn Ħal Qormi u Ħal Luqa), Triq Ħal Luqa (Santa Luċija), Marsa Junction Project, il-proġett tal-mina ta’ Santa Luċija, Central Link Project, waqt li bħalissa qegħdin isiru Kirkop Tunnels and Airport Intersection Project (KTAIP) u Luqa Junction Project li wkoll se joħlqu rotot ġodda u siguri għaċ-ċiklisti li se jkomplu jikkumplimentaw oħrajn li saru riċentement. Infrastructure Malta bniet ukoll erba’ pontijiet ġodda fi Blata l-Bajda (Triq San Ġorġ Preca), Ħal Luqa (Vjal L-Avjazzjoni), Raħal Ġdid (Triq Dom Mintoff) u l-Marsa (Triq It-Tiġrija), żewġ pontijiet oħra u mina taħt l-art bħala parti mill-Marsa Junction Project, kif ukoll subway ġdida taħt Triq Tal-Barrani, li toħloq rabta aktar sigura bejn Santa Luċija u Ħal Tarxien. Permezz tal-proġetti li lestiet jew qed twettaq bħalissa, l-aġenzija se tkun qed iżżid 16-il kilometru ta’ korsiji għar-roti fit-toroq ewlenin ta’ Malta. Infrastructure Malta hija imepnjata li kull fejn l-ispazju jkun jippermetti, tkompli tintroduċi infrastruttura ġdida u aktar sigura għal dawk li jixtiequ jużaw mezzi tal-ivvjaġġar alternattivi u aktar sostenibbli.

Cryptocurrencies

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-pożizzjoni tal-Gvern speċifikament dwar Cryptocurrencies?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi s-settur tal-‘kriptovaluti’, bħas-setturi finanzjarji l-oħra f’Malta, huwa regolat sabiex tiġi assigurata l-protezzjoni tal-investitur, l-integrità tas-suq u l-istabbiltà finanzjarja. Kien proprju għal dawn l-għanijiet li l-Att dwar l-Attiv Finanzjarju Virtwali ġie ddekretat mill-Parlament Malti fl-2018. F’dan ir-rigward, ġew preskritti taħt dan l-Att numru ta’ Regoli u Regolamenti mill-Ministru responsabbli għar-regolamentazzjoni tas-servizzi finanzjarji u mill-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta. Apparti minn hekk, ġew imfassla Proċeduri ta’ Implimentazzjoni speċifika għas-settur mill-Korp għall-Analisi ta’ Informazzjoni Finanzjarja. Il-provdituri kollha ta’ xi servizz reletat huma soġġetti għal supervizjoni prudenzjali u superviżjoni dwar il-kondotta min-naħa tal-MFSA, kif ukoll monitoraġġ relatat mal-AMLCFT min-naħa tal-FIAU. Fuq livell Ewropew, Ir-Regolament propost dwar is-Swieq fil-Kriptoassi (‘MiCA’) attwalment qiegħed f’fażi ta’ diskussjoni bejn il-Kunsill Ewropew u l-Parlament Ewropew, bl-għan li jiġu stabbiliti rekwiziti armonizzati f’qafas regolamentatorju, b’konverġenza supervizorja u suq intern effettiv, f’dan is-suq ta’ negozji finanzjarji.

Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol – nefqa f’reklamar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefqu flus f’reklamar mlil-Ministeru u l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu separatament mill-2019 sal-lum, sena b’sena, u skont il-mezz tax-xandir?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Importazzjoni, manifattura u bejgħ ta’ Qamħ – skemi ta’ għajnuna

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’mekkaniżmu se jintuża biex titħaddem l-iskema ta’ €30 miljun li biha għandhom jibbenefikaw kumpaniji involuti fl-importazzjoni, il-manifattura u l-bejgħ bl-ingrossa ta’ qmuħ?

Response (REFALO, ANTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru kkonċernat.

Importazzjoni, manifattura u bejgħ ta’ Qamħ – miżuri ta’ għajnuna long-term

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi pjan għandu l-Gvern għal miżuri long-term li minnhom jibbenefikaw kumpaniji involuti fl-importazzjoni, il-manifattura u l-bejgħ bl-ingrossa ta’ qmuħ, minħabba l-inflazzjoni u ż-żieda fl-ispejjeż?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Gvern għadu kif nieda Skema ta’ Sussidju Temporanja għal Stabilizzazzjoni tal-Prezzijiet (Miżura ta’ Emerġenza) sabiex jiggarantixxi s-sigurtà tal-ikel lokali u jimmitiga ż-żieda fil-prezzijiet tal-prodotti tal-ikel li laqtet is-swieq dinjija tal-materja prima. Din l-Iskema tapplika għal importazzjoni ta’ ċereali u dqiq għall-konsum uman, u għal għalf għall-annimali għas-settur tat-trobbija tal-bhejjem intiżi għas-suq lokali. Għaldaqstant, b’dan ser nassiguraw illi prodotti maħduma miċ-ċereali msemmija jibqgħu bi prezz stabbli fix-xhur li ġejjin u li Malta jkollha provvista suffiċċjenti. Il-Ministeru qed janalizza s-sitwazzjoni b’mod kontinwu sabiex ikun f’pożizzjoni li jwettaq il-miżuri neċessarji.

Importazzjoni, manifattura u bejgħ ta’ Qamħ – skemi ta’ għajnuna

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’mekkaniżmu se jintuża biex titħaddem l-iskema ta’ €30 miljun li biha għandhom jibbenefikaw kumpaniji involuti fl-importazzjoni, il-manifattura u l-bejgħ bl-ingrossa ta’ qmuħ?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Iterpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza – segretarjat privat – kwalifiki akkademiċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi kwalifiki akkademiċi għandhom il-persuni li jiffurmaw is-segretarjat privat tiegħu, mill-Head of Secretariat ’l isfel, skont l-official designation li għandhom?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuni li jiffurmaw is-Segretarjat privat tiegħi u tas-Segretarju Parlamentari huma ingaġġati skont il-Manwal, li kopja tiegħu tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għat-Turiżmu – segretarjat privat – kwalifiki akkademiċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi kwalifiki akkademiċi għandhom il-persuni li jiffurmaw is-segretarjat privat tiegħu, mill-Head of Secretariat ’l isfel, skont l-official designation li għandhom?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuni li jiffurmaw is-Segretarjat privat tiegħi huma ingaġġati skont il-Manwal, li kopja tiegħu tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża – segretarjat privat – kwalifiki akkademiċi

Question

Tista’ l-Ministru tgħid xi kwalifiki akkademiċi għandhom il-persuni li jiffurmaw is-segretarjat privat tagħha, mill-Head of Secretariat ’l isfel, skont l-official designation li għandhom?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuni li jiffurmaw is-Segretarjat privat tiegħi huma ingaġġati skont il-Manwal, li kopja tiegħu tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol – segretarjat privat – kwalifiki akkademiċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi kwalifiki akkademiċi għandhom il-persuni li jiffurmaw is-segretarjat privat tiegħu, mill-Head of Secretariat ’l isfel, skont l-official designation li għandhom?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuni li jiffurmaw is-Segretarjat privat tiegħi huma ingaġġati skont il-Manwal, li kopja tiegħu tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.