B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1214 dwar xogħlijiet fi Triq Mater Boni Consilii (fiż-żona tal-Qasam tad-Djar) fil-Fgura, peress li l-Ministru kien wiegħed lill-Parlament li x-xogħlijiet ser jitlestew f’Ġunju li għadda, jista’ jgħid jekk jafx li dan ix-xogħol għadu mhux lest? Jaf li f’Ġunju kien ingħata wiċċ proviżorju ta’ tarmak minħabba l-festa tal-lokal u ma sar xejn iktar minn Ġunju s’issa? Jista’ jgħid jekk hux ser jerġa’ jinqala’ t-tarmak sabiex isir iktar xogħol? Jikkonferma li wara li sar dan ix-xogħol qed jirriżultaw problemi taħt it-triq fosthom fis-sistema tal-culverts? Jaf li dan ix-xogħol waqaf fl-aħjar perjodu meta l-Iskola Primarja tal-Fgura kienet magħluqa u issa jekk ser terġa’ tinqala’ t-triq, ser tirriżulta f’inkonvenjent kbir għat-tfal tal-iskola u l-ġenituri? Jista’ jagħti data li tinżamm meta dan il-proġett ser jitlesta kompletament għaliex għal dawn ix-xhur kollha, ir-residenti nżammew f’għama totali?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li wara li fl-ewwel parti tat-triq indikata sar l-ewwel saff t’asfalt li ma kienx proviżorju, Infrastructure Malta ġiet infurmata minn entità oħra li rċeviet ilmenti relatati mas-sistema tad-drenaġġ, u għaldaqstant ix-xogħlijiet kellhom jieqfu sakemm isiru testijiet neċessarji biex jiġi lokalizzat u deċiż l-intervent meħtieġ biex jiġu indirizzati dawn l-ilmenti. Wara li jsir dan l-intervent ikun jista’ jingħata t-tieni saff t’asfalt u jitlesta x-xogħol f’din il-parti tat-triq.
B’referenza għax-xogħlijiet li qed isiru fi Triq Mater Boni Consilii fil-Fgura (fiż-żona tal-Qasam tad-Djar), tista’ l-Ministru tinforma lill-Kamra għalfejn ix-xogħol ilu wieqaf tliet xhur? Tikkonferma li wara li sar ix-xogħol, qed jirriżulta li hemm problema taħt it-triq fosthom fis-sistema tal-culverts? Taf li r-residenti qed jinżammu f’għama totali għaliex ħadd ma jaf x’ser jiġri filwaqt li t-tarmak għadu mhux komplut b’periklu għall-vetturi li jgħaddu minn din it-triq? Tista’ tinforma lill-Kamra kif u meta ser ikunu ffinalizzati dawn ix-xogħlijiet?
Response (DALLI, MIRIAM)
Infurmata li waqt li kienu qed isiru x-xogħolijiet mill-awtorità kompetenti fuq it-triq imsemmija, l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma nnutat ħsarat fis-sistema tad-dranaġġ, li ser ikunu qed jiġu rranġati fil-jiem li ġejjin billi tinbidel l-medda tad-dranaġġ fejn irriżultat il-ħsara.
Tista’ l-Ministru tara li bozza fuq double arm pole li jinsab quddiem residenza ġewwa l-Fgura, u li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, tissewwa peress li din ilha madwar tliet xhur maqtugħa b’inkonvenjent kbir għar-residenti, speċjalment dawk anzjani, li jgħixu f’dik iż-żona? Tista’ tispjega għaliex xogħol daqshekk sempliċi jieħu dan it-tul ta’ żmien kollu sabiex jiġi rimedjat u dan wara li kemm ir-residenti kif ukoll il-Kunsill Lokali għamlu diversi rapporti?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Enemalta ma kellhiex notifiki dwar din il-bozza. Ninsab infurmata li ser tittieħed azzjoni biex isiru t-tiswijiet meħtieġa.
Jista’ l-Ministru jagħti data meta ser jibda x-xogħol fuq il-Fgura Adventure Park li tħabbar mill-Gvern fid-29 ta’ Mejju 2017 bi spiża ta’ €350,000 ? Jista’ jippreżenta fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanti ta’ dan il-proġett? Jista’ jikkonferma meta ġew ippreżentati l-pjanti quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar meta dakinhar li tħabbar il-proġett, il-Gvern kien wiegħed li l-pjanti ser jiġu ppreżentati sa Ġunju 2017? Jista’ jikkonferma jekk il-permess ġiex approvat jew le?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
Jista’ l-Ministru, permezz tal-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid, jagħti l-aħħar tagħrif li għandu dwar il-manutenzjoni li hemm bżonn fil-pjazza prinċipali tal-lokal? Jista’ jagħti elenku tat-tiswijiet li saru s’issa? Kien hemm xi tiswijiet li saru u li dawn tħallsu mill-Kunsill Lokali? Jekk iva, liema kienu dawn it-tiswijiet u kemm swew? Skont ir-rapport li għandu l-Kunsill Lokali, kemm hija l-ispiża totali li hemm bżonn sabiex isir ix-xogħol? Jista’ jippreżenta r-rapporti li għandu l-Kunsill Lokali dwar il-ħsarat li hemm fil-pjazza?
Jista’ l-Ministru jagħti l-aħħar tagħrif li għandu dwar il-manutenzjoni li hemm bżonn fil-pjazza prinċipali ta’ Raħal Ġdid? Jista’ jagħti elenku tat-tiswijiet li saru s’issa? Kemm swew dawn it-tiswijiet s’issa? Jista’ jelenka x-xogħlijiet ta’ tiswija li għad hemm bżonn isiru u kemm hija l-ispiża totali li hemm bżonn sabiex isir ix-xogħol kollu? Jista’ jippreżenta r-rapporti li għandu dwar il-ħsarat li hemm fil-pjazza? Dan ix-xogħol kien kopert b’garanzija? Jekk iva, għaliex ma tranġax immedjatament bil-garanzija?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li b’riferenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 2748 din għandha tiġi riferuta lill-Ministeru konċernat.
B'referenza għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari 2526, tista' l-Ministru tinforma lill-Kamra meta ġiet ippubblikata l-informazzjoni dwar il-fuel mix għas-sena 2020 u meta tqiegħdet fuq il-website tal-Enemalta?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-Enemalta ippubblikat l-informazzjoni dwar il-fuel mix għas-sena 2020 minnufih malli ċ-ċifri ġew verifikati u kkonfermati mir-REWS. Din hija s-sistema li tintuża dejjem.
Uffiċċju tal-Prim Ministru — infiq f’reklamar fuq media
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm tħallsu flus mill-Ministeru, mill-2017 sal-lum, lil Media.link, NET TV, NET FM u/jew lill-Partit Nazzjonalista għal reklamar f’xandiriet tal-istess entitajiet?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab nfurmat li fil-perjodu msemmi tħallsu € 78,689.41 VAT eskluża għal reklamar lill-mezzi msemmija.
Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa — infiq f’reklamar fuq media
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm tħallsu flus mill-Ministeru, mill-2017 sal-lum, lil Media.link, NET TV, NET FM u/jew lill-Partit Nazzjonalista għal reklamar f’xandiriet tal-istess entitajiet?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi qed impoggi fuq il-medja tal-kamra rendikont ta kemm tħallsu flus mill-Ministeru għas-Saħħa mill-2017 sal-lum, lil Media.link, NET TV, NET FM u/jew lill-Partit Nazzjonalista għal reklamar f’xandiriet tal-istess entitajiet.
Attachments:PQ 2751 - Copy of MEDIALINK 2017 TO 2022 (003).pdf
Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali — infiq f’reklamar fuq media
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm tħallsu flus mill-Ministeru, mill-2017 sal-lum, lil Media.link, NET TV, NET FM u/jew lill-Partit Nazzjonalista għal reklamar f’xandiriet tal-istess entitajiet?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni ser tingħata f'xi seduta oħra.
Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża — infiq f’reklamar fuq media
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm tħallsu flus mill-Ministeru, mill-2017 sal-lum, lil Media.link, NET TV, NET FM u/jew lill-Partit Nazzjonalista għal reklamar f’xandiriet tal-istess entitajiet?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'seduta oħra.
Ministeru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet — infiq f’reklamar fuq media
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm tħallsu flus mill-Ministeru, mill-2017 sal-lum, lil Media.link, NET TV, NET FM u/jew lill-Partit Nazzjonalista għal reklamar f’xandiriet tal-istess entitajiet?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li, mill-2017 sal-lum kien hemm in-nefqa ta €35,454.41 fuq reklamar lill- Media.link,
Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni — infiq f’reklamar fuq media
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm tħallsu flus mill-Ministeru, mill-2017 sal-lum, lil Media.link, NET TV, NET FM u/jew lill-Partit Nazzjonalista għal reklamar f’xandiriet tal-istess entitajiet?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
Jista’ l-Ministru jgħid kif tqassam il-fond ta’ €500,000 f’għajnuniet lill-gazzetti minħabba l-piżijiet li ġabu fuqhom il-gwerra fl-Ukrajna u l-pandemija tal-COVID-19? Kif kien deċiż kif jitqassam dan il-fond importanti biex tiġi sostnuta din il-ħidma ġurnalistika?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l-informazzjoni mitluba tinsab fil-lista t’hawn taħt:
Allied Newspapers: €69,842
Standard Publications: €45,735
Media Link: €44,805
Union Print: €44,145
Media Today: €37,140
SVP: €9,210
Dan it-tqassim sar b’kollaborazzjoni u ftehim bejn is-sidien kollha tal-gazzetti.
Infurmat illi t-tqassim tal-flus sar fuq:
Numru ta’ impjeġati Full-time u Part-time;
Numru ta’ Pubblikazzjonijet;
Frekwenza tal-pubblikazzjonijiet u numru ta’ pagni.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm pazjenti rreġistrati li jbatu bil-Crohn’s Disease?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi il-Crohn’s Disease u l-kundizzjoni tal- Ulcerative Colitis li kienu u¿ati qabel fil-Lista Formularja tal-Gvern, issa huma elenkati taħt kundizzjoni waħda, li hija ‘Mard Infjammatorju tal-Musrana u hemm 2543 pazjenti rreġistrati li jbatu b’dawn il-kundizzjonijiet.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika liema mediċini msejħa Biologics qed jingħataw għal mard tal-Inflammatory Bowel Disease?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fil-prezent hemm zewġ medicini bijologiċi fuq il-formularju tal-gvern li jingħataw għall-mard infjammatorju tal-musrana u dawn huma Infliximab u Adalimumab.
Infermiera u Nutrionist iddedikati fuq pazjenti li jbatu mill-Inflammatory Bowel Disease
Question
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta se jkun hemm infermiera u nutrionist iddedikati għal pazjenti li jbatu mill-Inflammatory Bowel Disease?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi in- Nutritionists mhumiex il-professjonisti involuti. Huwa d-Dietician li jieħu t-tmexxija f’kundizzjonijiet bħal dawn. MDH hemm Dietician li l-ispeċjalizzazzjoni tiegħu hija l-Gastroenteroloġija, u jagħti servizz lil individwi b’kundizzjonijiet bħal dawn.
Hemm ukoll
Senior Practice Nurse
li jispeċjalizza fil-Gastroenteroloġija .
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tax-xogħlijiet infrastrutturali li saru u għad irid isiru f’Santa Luċija, Malta?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li wara li tejbet l-aċċessi ewlenin għal din il-lokalità bil-bini mill-ġdid ta’ Triq Ħal Luqa, bil-proġett taż-żewġ mini taħt ir-roundabout ta’ Santa Luċija u anke bniet mill-ġdid il-mina għall-mixi u r-roti (subway) ta’ Triq tal-Barrani, Infrastructure Malta kkollaborat mal-Kunsill Lokali ta’ Santa Luċija biex tibni mill-ġdid diversi toroq f’din il-lokalità. Ix-xogħlijiet prinċipali tal-proġett kienu jinkludu l-bini mill-ġdid ta’ tliet toroq residenzjali twal li jmissu ma’ xulxin - Dawret it-Torri, Triq il-Prinjoli u Triq Katerina Vitale - li jestendu kważi żewġ kilometri mal-ġenb tal-Wied Ta’ Garnaw.
F’dawn it-toroq, Infrastructure Malta għaddiet minn taħt l-art pajpijiet ġodda tal-provvista tal-ilma, katusi tad-drenaġġ u oħrajn għall-ilqugħ tal-ilma tax-xita, kif ukoll pajpijiet għall-cables tal-Internet u telekomunikazzjonijiet oħra. Fejn kien meħtieġ, issaħħew ukoll il-pedamenti tat-toroq u nbnew bankini ġodda, qabel ma sarilhom wiċċ ġdid b’diversi saffi t’asfalt. Saret ukoll mogħdija ġdida għall-mixi u r-roti u se jsiru xogħlijiet ta’ tisbiħ ieħor fl-istess inħawi bit-tħawwil t’aktar siġar indiġeni u arbuxelli wara li fl-2020, l-aġenzija kienet diġà ħawlet bosta siġar maturi f’partijiet differenti ta’ din iż-żona.
Permezz tal-istess proġett, Infrastructure Malta bniet mill-ġdid ukoll toroq oħrajn fil-viċin, fosthom Triq Klematis, Trejqet Garnaw, Triq Dun M. Mifsud, Triq l-Istefanotis, kif ukoll se jsiru Triq il-Ġjaċinti, Triq Stella Maris, Triq it-Tulipan, Triq iċ-Ċikwejra u Triq il-Frezja li x-xogħlijiet fihom mistennija jibdew fiz-zmien li ġej. Fl-aħħar snin, l-aġenzija bniet mill-ġdid ukoll toroq oħrajn f’din il-lokalità, bħalma huma Triq Bruka, Triq il-Ġizimin, Triq Żnuber u Triq Gardenja.
Santa Luċija – liftijiet tal-appartamenti tal-Gvern
Question
Jista’ l-Ministru jgħid meta x-xogħlijiet fuq il-liftijiet tal-appartamenti kollha tal-Gvern f’Santa Luċija se jitlestew?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor Interpellanta li l-liftijiet li jaqgħu taħt il-proġett ERDF iridu jitlestew sa Settembru 2023, filwaqt li dawk l-applikazzjonijiet li huma taħt l-iskema LFT jinsabu fi stadji differenti hekk kif muri fit-tabella t’hawn taħt.
PROĠETT / SKEMA
BLOKK
TRIQ
LOKALITÀ
STADJU ATTWALI
LFT
Blokk B, Bieb B
Triq Tursin Il-Bir
Santa Luċija
Dan huwa każ fejn lift għal tliet passiġġieri ma jidħolx fl-ispazju eżistenti. Qed issir aktar riċerka għal possibbiltajiet oħra.
LFT
Binja Tal-Faqqani, Entratura D
Trejqet Il-Ġirasol
Santa Luċija
Ittieħed il-kejl tal-partijiet komuni u ninsabu fl-istadju li ntellgħu l-pjanti meħtieġa għall-Awtorità tal-Ippjanar.
ERDF
Blokk P
Triq Helen Buħagiar
Santa Luċija
Għandu jitlesta sa Settembru 2023.
LFT
Blokk Q
Triq L-Anzalor
Santa Luċija
Trid tiġi mħejjija l-offerta għall-kostruzzjoni tax-xaft tal-lift.
LFT
Blokk U, Bieb A
Triq Iċ-Ċinerarja
Santa Luċija
Il-kostruzzjoni lesta u l-offerta biex jintgħażel l-kuntrattur li ħa jinstalla l-lift ħarġet.
LFT
Blokk V
Triq Fuxa
Santa Luċija
Ittieħed il-kejl tal-partijiet komuni u ninsabu fl-istadju li ntellgħu l-pjanti meħtieġa.