Legislature:
Category:
Reset
Active:

Carers full-time ma’ familjari b’kundizzjonijiet ta’ saħħa mentali – kumpens monetarju

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid hux qed jingħata kumpens monetarju lil familjari li jagħżlu li jkunu carers full-time ma’ familjari li jbatu minn kundizzjonijiet ta’ saħħa mentali u liema kundizzjonijiet huma eliġibbli?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi persuna tista' tapplika għal Carer's allowance jekk tkun mingħajr xogħol u tieħu ħsieb qarib. L-allowance tal-carer's tiġi deċi¿a minn bord multi-dixxiplinarju li jivvaluta kull applikazzjoni skont il-punteġġi tal-valutazzjoni medika tal-Indiċi Barthel jew il-Mini-Mental State Examination.

Carers full-time ma’ familjari b’kundizzjonijiet ta’ saħħa mentali

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk familjari li jitilqu mix-xogħol biex jieħdu ħsieb persuni li jbatu minn saħħa mentali jingħatawx xi tip ta’ stipendju jew inċentiv biex jagħmlu dan?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi Carers li kienu impjegati qabel ma applikaw għall-Carer's Allowance huma intitolati għal krediti ta' Kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali jekk: hu/hi jkun ħallas total ta’ 156 kontribuzzjoni; u hu/hi jkun ħallas jew ġie kkreditat b’medja ta’ mill-inqas 20 kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali fis-sena minn meta għalaq it-18-il sena

Persuni li jbatu minn saħħa mentali — Day care centres

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm jeżistu day care centres tal-Gvern għal persuni li jbatu minn saħħa mentali? Jista’ jgħid kemm hemm ħaddiema li jagħtu terapija u x’tinvolvi bħala terapija? Jista’ jghid kemm-il klijent jattendi dawn id-day care centres?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi dawn jissejħu Ċentri ta Riabilitazzjoni tas-Saħħa Mentali u m’għadhomx jissejħu Day Care Centres. Hemm ħames Rehabilitation Centres. Persuni li bbenefikaw minn diversi programmi tal-occupational therapy bejn Jannar u Awissu 2022 kienu 658. Hemm 6 Occupational Therapists (FTE) u 10 careworkers (FTE). It-terapija li tingħatha hi terapija klinika u professjonali ta’ Occupational Therapy .

Saħħa mentali — Outreach nurses

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm jeżistu outreach nurses fis-settur tas-saħħa mentali, kemm għandhom pazjenti mniżżlin magħhom u liema partijiet ta’ Malta u Ghawdex huma koperti?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fis-Settur tas-saħħa mentali hemm 25 Outreach nurses u total ta’ 397 każ. Dawn ikopru Malta kollha minn tliet timijiet li jinsabu fi tliet reġjuni differenti

Transcranial Magnetic Stimulation Machine

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk is-settur tas-saħħa pubbliku għandux Transcranial Magnetic Stimulation (TMS) machine u jekk hux qed tintuża? Jista’ jgħid kif isiru l-appuntamenti u kemm-il appuntament isir ta’ kuljum?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi s-settur tas-saħħa pubblika għandu apparat ta Transcranial Magnetic Stimulation (TMS). Din il-magna tintuża biex jiġu trattati pazjenti li jbatu minn kondiżżjonijet bħal depression u “obsessive compulsive disorder”, għal dawk li jkunu reżistenti għat-trattament ta’ mediċina u terapija. Mill-1 ta’ Jannar 2022 sa l-aħħar ta’ Settembru 2022, saru b’kollox 2859 sessjoni ta’ trattament u 600 sessjoni ta’ valutazzjoni.

Qrati — Każi ta’ vjolenza domestika – Maġistrati assenjati

Question

Jista’ l-Ministru jispjega għaliex skont figuri mill-Qrati Maltin hija biss maġistrat waħda assenjata li tiddeċiedi l-każijiet ta’ vjolenza domestika? Jista’ jgħid jekk hemmx ħsieb li tittieħed azzjoni biex każi ta’ dan it-tip jinstemgħu quddiem aktar minn maġistrat wieħed u allura jitnaqqas id-dewmien sakemm jinstemgħu l-każi?

Response (ATTARD, JONATHAN)

B’referenza għall-mistoqsija, niġbed l-attenzjoni lill-Onor. Interpellant li kien biss f’dawn l-aħħar snin li ġie assenjat maġistrat apposta fuq is-suġġett tal-vjolenza domestika biex b'hekk dawn il-każijiet jingħataw l-attenzjoni u l-ispeċjalizzazjoni mistħoqqa. Tajjeb ngħidu li l-prerogattiva hija tal-Prim Imħallef dwar kif jiġu mqassma d-dmirijiet tal-maġistrati. Nagħmel referenza wkoll għad-diskors tal-Prim Imħallef fil-ftuħ tas-sena forensi, fejn semma l-ħtieġa ta' maġistrat ieħor fuq dan il-qasam. Filwaqt li nirreferu għall-komunikat tal-istampa datat 3 t'Ottubru 2022, fejn il-Gvern ikkommetta ruħu li fi żmien qasir jinħarġu sejħiet ghall-membri ġodda fi ħdan il-ġudikaturi.

Donaturi tal-organi

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm persuni rreġistrati bħala donaturi tal-organi?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi sal-lum hemm 26929 persuna rreġistrati bħala donaturi tal-organi.

Trasport pubbliku — Proġett pilota ta’ autonomous buses

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 882, jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar l-aħħar żviluppi fil-proġett pilota ta’ autonomous buses u jagħti indikazzjoni taż-żmien meta l-proġett ikun jista’ jibda?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-mistoqsija se tigi mwiegba seduta ohra.

Ippjanar ta’ żvilupp urban — Aesthetics Policy

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern għandux intenzjoni li jintroduċi aesthetics policy għall-ippjanar ta’ żvilupp urban?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Kif imwiegħed fil-Budget tal-Gvern għall-2022 u kif ikkonfermat fil-manifest elettorali għall-elezzjoni ġenerali tal-istess sena, il-Gvern huwa kommess li jintroduċi aesthetics policy għall-ippjanar ta’ żvilupp urban.

Residenti fid-djar tal-anzjani – Assessjar dwar kapaċità li jivvotaw

Question

Jista’ l-Ministru jispjega l-proċedura li biha jiġu evalwati pazjenti fid-djar tal-anzjani dwar il-kapaċità tagħhom li jivvotaw, u jagħti rendikont xahar b’xahar ta’ kemm pazjenti ġew meqjusa li ma jistgħux jivvotaw fis-snin 2021 u 2022?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta biex tireferri l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ – lista ta’ delegazzjonijiet barra mill-pajjiż

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta’ delegazzjonijiet barra mill-pajjiż li huwa jew il-predeċessur tiegħu bħala Ministru għall-Affarjiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ mexxa jew kien parti minnha xahar b'xahar mill-1 ta’ Jannar 2022 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ –delegazzjonijiet barra l-pajjiż

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta' min kien jifforma parti minn kull delegazzjoni li huwa jew il-predeċessur tiegħu bħala Ministru responsabbli mill-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ mexxa barra mill-pajjiż xahar b'xahar mill-1 ta’ Jannar 2022 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari 2494 tal-istess Seduta.

Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ — delegazzjonijiet barra l-pajjiż – spejjeż ta’ lukandi

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta' ismijiet tal-lukandi u spejjeż minfuqa f'kull lukanda waħda b’waħda sabiex ġew akkomodati l-Ministru u membri ta’ delegazzjonijiet li huwa jew il-predeċesssur tiegħu mexxa xahar b'xahar barra mill-pajjiż mill-1 ta’ Jannar 2022 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli nterpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Safar ta’ delegazzjonijiet – biljetti tal-arju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min mill-membri tad-delegazzjonijiet li jakkumpanjaw lill-Ministru fuq safar b’konnessjoni ma’ xogħol relatat mal-Ministru jkollu biljetti tal-ajru club class u min ikollu biljett economy class?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant jirreferi għall-Manwal ta’ Policies u Proċeduri fuq Trasport u Safar, liema Manwal huwa pubbliku, u li qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ – nefqa fuq pubbliċità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefqu flus f’pubbliċità mill-Ministeru u kull entità li taqa’ taħtu mill-1 ta’ Jannar 2022 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija? Jista’ jgħid kif u fejn saret u kemm kienet kull spiża f’pubbliċità waħda b’waħda?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant hekk kif ninsab infurmat li l-ammont ta’ flus f’pubbliċità mill-Ministeru u kull entità li taqa’ taħtu mill-1 ta’ Jannar 2022 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija huwa skont it-tabella ta’ hawn taħt. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, kif u fejn intefqu dawn l-ammonti. 2022 MFET € 11,577.16 Trade Malta € 3,250.08

Anzjani — Servizz ta’ fiżjoterapija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm anzjani li llum qed jagħmlu użu mis-servizz ta' fiżjoterapija? Jista' l-Ministru jgħid kemm minnhom huma residenti fid-djar tagħhom u kemm minnhom huma residenti fid-Djar Residenzjali tal-Gvern jew li jiffurmaw parti mill-iskema tal-Public Private Partnership? Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx applikazzjonijiet li għadhom pendenti u jekk iva, jista’ jgħid għaliex għadhom pendenti?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li fid-Djar Residenzjali tal-Gvern jew dawk id-Djar li jiffurmaw parti mill-iskema tal-Public Private Partnership hemm 3,100 resident. Kull resident li jiġi ammess f’dawn ir-residenzi jiġi assessjat mill-fiżjoterapisti. Jekk ir-resident ikollu bżonn it-terapija, jiġi segwit b’mod regolari. Jekk ma jkollux bżonn it-terapija jerġa jkun assessjat wara sitt xhur. Fil-komunità hemm 3,910 persuni li qed jieħdu s-servizz tal-fiżjoterapija fid-dar tagħhom. Fil-preżent hemm 53 applikazzjoni għall-fiżjoterapija li qed jistennew is-servizz. Dawn huma każijiet riċenti u qed jiġu trattati skont l-urġenza tagħhom.

Anzjani — Servizz ta’ Podjatrija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm anzjani li llum jagħmlu użu mis-servizz ta’ Podjatrija? Jista' l-Ministru jgħid kemm minnhom huma residenti fi djar tagħhom u kemm minnhom huma residenti fid-Djar Residenzjali tal-Gvern jew li jiffurmaw parti mill-iskema tal-Public Private Partnership? Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx applikazzjonijiet li għadhom pendenti u jekk iva, għaliex għadhom pendenti?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li fid-Djar Residenzjali tal-Gvern jew dawk fid-Djar li jiffurmaw parti mill-iskema tal-Public Private Partnership hemm 3,100 resident. Kull resident li jiġi ammess jiġi assessjat mill-podjatrista u jibqa’ jiġi segwit b’mod regolari skond il-bżonn li jkollu. Fil-komunità hemm 3,600 il-persuna li qed jieħdu s-servizz tal-podjatrija fid-dar tagħhom. Hemm 100 każ jistenna dan is-servizz. Dawn huma każijiet riċenti u qed jiġu trattati skont l-urġenza tagħhom.

Anzjani — Servizz “Telecare on the Move”

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm anzjani li għandhom djanjosi ta' dimensja li qed jagħmlu użu mis-servizz ta' Telecare on the Move? Jista' l-Ministru jgħid kemm minn dawn l-anzjani jibbenefikaw minn servizz u apparat b'xejn u kemm minn dawn l-anzjani jħallsu għal dan is-servizz?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta, li preżentament hemm 106 persuna li qed jibbenefikaw mis-servizz ta’ Telecare on the Move. 96 minnhom qed iħallsu il-kirja ssussidjata ta’ €4.99 fix-xahar għax mhumiex fil-pussess tal-karta r-roża, fil-waqt li 10 klijenti qed jieħdu s-servizz kollu b’xejn. Tajjeb li nsemmu li kull min huwa eliġibbli għal dan is-servizz jiġi mogħti l-apparat b’xejn.

Anzjani — Servizz ta' Psikoterapija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm anzjani li qed jagħmlu użu mis-servizz ta' Psikoterapija? Jista' l-Ministru jgħid kemm minn dawn l-anzjani jgħixu f'residenzi tal-anzjani u kemm minn dawn l-anzjani jgħixu fil-komunità? Jista' l-Ministru jgħid ukoll kemm anzjani li jgħixu fil-komunità jattendu f'kull klinika tal-psikoterapisti?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li fil-preżent hemm 173 anzjan li qed jibbenefikaw mis-servizz tal-psikoterapija, li minnhom 103 jgħixu fi djar residenzjali filwaqt li 70 jgħixu fil-komunità. Mis-70 anzjan li jgħixu fil-komunità, 56 minnhom qed jattendu fil-kliniċi rispettivi kif indikat hawn taħt: Birkirkara – 13 Paola – 19 Qormi – 9 Żurrieq – 8 Imtarfa – 7 Filwaqt 14-il anzjan jirċievu dan is-servizz fid-djar tagħhom, f’forom ta’ visti u anke sessjonijiet online. Tajjeb li nsemmu li dawn in-numri li ssemmew jistgħu ivvarjaw minn xahar għal xahar skont l-esiġenzi tal-klijent.