Legislature:
Category:
Reset
Active:

Teatru Manoel — impjegati

Question

Jista’ l-Ministru: a. Jgħid kemm hemm nies impjegati jaħdmu fi ħdan it-Teatru Manoel; b. Jgħid x’inhu t-titlu tax-xogħol ta’ kull wieħed minn dawn l-impjegati; c. Jgħid x’inhuma l-kompetenzi u l-kwalifiki li għandhom abbinati ma’ xogħolhom; u d. Jagħti rendikont tas-salarji ta’ kull impjegat?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li preżentament, it-Teatru Manoel jimpjega 32 ħaddiem, li jinkludu l-Uffiċjal Kap Eżekuttiv u l-Uffiċjal Kap tal-Operazzjonijiet. Id-dettalji mitluba jinsabu fid-dokument li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Teatru Manoel – bord tat-tmexxija

Question

Peress li bħalissa t-Teatru Manoel ma għandux direttur artistiku, jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-politika (policy) tal-bord tat-tmexxija fil-preżent? Meta ġie appuntat dan il-bord tat-tmexxija? X’kienu l-kriterji prinċipali tas-selezzjonijiet tal-programm ta’ din is-sena? Min iddeċieda u għażel l-avvenimenti/programm ta’ din is-sena?

Response (BONNICI, OWEN)

Il-Bord ġie appuntat din is-sena u huwa magħmul minn 11-il membru. Il-maġġor parti tal-produzzjonijiet teatrali li kienu u li qed jiġu mtella’ fit-Teatru minn meta nfetaħ, wara li kien ingħalaq minħabba r-regolamenti tas-saħħa pubblika dwar il-Covid-19, kienu approvati mill-Board Maniġerjali ta’ qabel u mid-Direttur Artistiku li kellu t-Teatru dak iż-żmien. Dawn il-produzzjonijiet teatrali kellhom jiġu posposti minħabba ċ-ċirkostanzi tal-pandemija, madankollu t-Teatru żamm l-impenn li kien ħa sabiex itellagħhom wara li jitneħħew ir-restrizzjonijiet. Sakemm jiġi ingaġġat Direttur Artistiku ġdid, is-Senior Management tat-Teatru qed jipproponi produzzjonijiet artistiċi, flimkien mal-ispejjeż li jinvolvu, għad-diskussjoni u l-approvazzjoni tal-Board Maniġerjali. Is-Senior Management huwa kompost mill-Uffiċjal Kap Eżekuttiv, mis-Senior Manager tal-avvenimenti u l-produzzjonijiet, mill-Koordinatur tat-ToiToi (pjattaforma performattiva intiża għaż-żgħażagħ) u mill-Assistent Direttur għall-Marketing. Irrid ngħid ukoll li s-sejħa għal Direttur Artistiku se toħroġ fil-jiem li ġejjin.

Teatru Manoel – Inizjattivi privati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid: a. X’kien id-dħul totali li daħħal minn inizjattivi privati fis-sena 2021 u s’issa għal din is-sena 2022 għat-Teatru Manoel? b. X’persentaġġ tal-budget għat-Teatru Manoel mar għas-salarji tal-ħaddiema għas-sena 2021 u anke għal din is-sena? c. Kemm hija l-figura totali mill-budget li tmur għas-salarji tal-ħaddiema? d. X’inhu l-persentaġġ tal-infiq fuq programmi artistiċi u kemm hi l-figura totali tas-sena 2021 u dik ta’ din is-sena s’issa? e. X'inhu d-dħul totali derivat minn inizjattivi privati?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat illi l-kiri tat-teatru għal wirjiet ta’ partijiet terzi għall-perjodu mill-1 ta’ Settembru 2020 sal-31 ta’ Awwissu 2021 ammontaw għal €1,500 (awditjati) u għall-perjodu mill-1 ta’ Settembru 2021 sal-31 ta’ Awwissu 2022 ammontaw għal €90,998 (mhux awditjati). Ta’ min jinnota li matul il-perjodu mill-1 ta’ Settembru 2020 sal-31 ta’ Awwissu 2021, it-Teatru Manoel kellu jagħlaq il-bibien tiegħu jew jopera b’udjenza mnaqqsa kif ordnat mis-Sovrintendenza tas-Saħħa Pubblika. Infurmat illi l-ispejjeż tal-ħaddiema għall-perjodu mill-1 ta’ Settembru 2020 sal-31 ta’ Awwissu 2021 ammontaw għal €746,620 (awditjati) u għall-perjodu mill-1 ta’ Settembru 2021 sal-31 ta’ Awwissu 2022 ammontaw għal €795,113 (mhux awditjati). Dawn ammontaw għal 42% (ibbażat fuq baġit ta’ €1.78m) u 53% (ibbażat fuq baġit ta’ €1.50m) tal-baġit allokat rispettivament. L-ispejjeż diretti għall-perjodu mill-1 ta’ Settembru 2020 sal-31 ta’ Awwissu 2021 ammontaw għal €318,664 (awditjati) u għall-perjodu mill-1 ta’ Settembru 2021 sal-31 ta’ Awwissu 2022 ammontaw għal €447,220 (mhux awditjati).

Teatru Manoel – miżati tal-kiri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif jiġu kkalkulati l-miżati tal-kiri lill-kumpaniji kreattivi privati u kumpaniji kummerċjali ġewwa t-Teatru Manoel? X’inhuma? Jista’ jgħid jekk hemmx miżati fissi, u jekk le, kif u min jiddeċiedi?

Response (BONNICI, OWEN)

It-Teatru Manoel jitlob rati ta’ kiri għal kull jum ta’ produzzjoni u għal kull jum ta’ prestazzjoni. Dawn ir-rati ta’ kiri jinkludu servizzi oħra minbarra l-kiri tal-palk prinċipali, l-awditorju u l-kmamar ta’ fejn ibiddlu. Ir-rata ta’ kiri għal jum ta’ produzzjoni tinkludi wkoll (i) assistenza minn ħaddiema tat-Teatru biex wieħed jidħol, itella’ l-palk, jippjana l-provi u jwettaq sound checks, (ii) is-servizzi ta’ tekniku tad-dwal, (iii) il-preżenza ta’ mill-inqas membru wieħed ta’ stage crew, (iv) tindif, u (v) il-konsum tal-elettriku u l-użu tad-dwal tal-palk. Dawn jiswew €700 flimkien mal-VAT kull jum ta’ produzzjoni. Ir-rata ta’ kiri għal jum ta’ prestazzjoni tinkludi s-servizzi kollha pprovduti matul il-ġranet tal-produzzjoni kif ukoll is-servizzi ta’ (i) ħaddiema front-of-house, inkluż persuna li tieħu ħsieb il-box offices, (ii) ħaddiema tal-box office, (iii) duty manager, u (iv) ħaddiema tas-sigurtà. Dawn jiswew €1,950 flimkien mal-VAT għal kull prestazzjoni. Barra minn hekk, minkejja li huwa bini ta’ 300 sena li jeħtieġ spejjeż għoljin ta’ manutenzjoni biex jibqa’ għaddej, it-Teatru jonfoq l-akbar parti tal-ispejjeż tiegħu biex iwettaq l-attivitajiet, flimkien ma’ żidiet fl-operat sa fejn hu possibbli. It-Teatru Manoel jaħdem bis-sħiħ biex iżomm l-ispejjeż tiegħu u jopera fil-baġit allokat. It-Teatru qed jesplora wkoll kontinwament opportunitajiet għal sorsi oħra ta’ dħul, jiġifieri permezz ta’ sponsorships korporattivi u ftehimiet ta’ kollaborazzjoni. B'kollox, dawn l-isforzi jikkontribwixxu biex jinżammu rati ta' kiri li huma raġonevoli.

Valletta Cultural Agency – direttur artistiku tal-kunċett Strada Stretta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif intgħażel id-direttur artistiku tal-kunċett Strada Stretta mal-Valletta Cultural Agency? Jista’ jgħid jekk kienx hemm call for applications? Jekk intgħażel minn xi bord, min kienu n-nies fuq il-bord? X’budgets u riżorsi se jingħata? X’inhuma l-kompetenzi tiegħu f’din il-kariga? Se jkun qiegħed ibbażat Malta biex jagħmel dan ix-xogħol?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li d-Direttur Artistiku ta’ Strada Stretta intagħżel mill-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta abbażi tal-kompetenzi tiegħu fil-qasam kulturali fuq karriera ta’ madwar erbgħin sena. Iktar dettall dwar dawn il-kompetenzi jinab fid-dokument li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Minħabba li l-Programm ta’ Strada Stretta jagħmel parti mill-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, ser jingħata r-riżorsi tal-Aġenzija. Għall-istess raġuni, l-budget ser ivarja skont l-allokazzjoni li tingħata l-istess Aġenzija ta’ kull sena.

Kunsill Nazzjonali għall-Patrimonju Kulturali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jiġi appuntat il-Kunsill Nazzjonali għall-Patrimonju Kulturali, kif mitlub mill-artikolu 12 tal-Att dwar il-Patrimonju Kulturali (Kap. 445)?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kunsill Nazzjonali għall-Patrimonju Kulturali jinsab fil-proċess li jiġi maħtur, liema proċess se jkun finalizzat fil-jiem li ġejjin u dan in osservanza tal-kriterji tal-ħatra indikati fl-artikolu 12 tal-Att dwar il-Patrimonju Kulturali (Kap. 445).

Il-Mosta – Triq Buqana – parkeġġ għal bdiewa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern jistax jieħu l-passi meħtieġa biex fi Triq Buqana, limiti tal-Mosta, fit-triq lejn l-Imġarr fejn fuq in-naħa tal-lemin tat-triq hemm bankina u cycling lane quddiem entraturi tal-għelieqi tal-bdiewa, jingħata permess ta' temporary parking fis-cycling lane jew isir xogħol biex jinstab spazju għall-parkeġġ ta' vetturi tal-bdiewa li jkunu meħtieġa biex iġorru inġenji jew tgħabija għall-użu tal-istess bdiewa sidien ta' raba’ u dan għaliex illum il-bdiewa ma għandhom l-ebda opportunità li jużaw il-vetturi tagħhom biex ikun possibbli li jaħdmu r-raba’ tagħhom?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tat-Trasport se tkun qed tiddiskuti internament is-sitwazzjoni li qegħdin jiltaqgħu magħha il-bdiewa fi Triq Buqana sabiex, filwaqt li tibqa' tħares is-sigurtà fit-toroq, tara wkoll li tinstab soluzzjoni sodisfaċenti għal kulħadd.

Educational psychologist assessment

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hi twila l-waiting list biex isir educational psychologist assessment li jwassal, f’każ ta’ bżonn, li student ikollu LSE?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lil-Onor. Interpellant illi minn naħa tal-Ministeru għas- Saħħa ma hemm l-ebda waiting list għal assessment psikologoku sabiex tiġi stabbilita l-ħtiega ta’ LSE.

Psikologi fis-settur tas-saħħa pubblika

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm-il psikologu hemm jaħdmu fis-settur tas-saħħa pubblika u fejn jaħdmu bħala dipartimenti?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fis-settur tas-saħħa pubblika hemm 74 psikologu jaħdmu. It-tabella mehmuża tindika fejn huma stazzjonati Managing Psychologist Principal Psychologist Senior Psychologist Psychologist Psychology Practitioner Psychology Assistant Total Per Section Mount Carmel Hospital 2 3 4 10 9 15 43 Mater Dei Hospital 1 1 2 2 5 9 20 Central Procurement Supplies 1 1 Gozo General Hospital 2 1 3 Office of the Chief Medical Officer 1 1 Sir Anthony Mamo Oncology Centrew 1 1 1 3 Rehab Hospital Karen Grech 1 1 1 3

Taħriġ f’psycho education

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il uffiċjal edukattiv fis-settur pubbliku ngħata taħriġ f’psycho education u liema professjonijiet ingħataw dan il-kors? Meta ser jerġa’ jsir dan it-taħriġ u għal min ser ikun immirat?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kien hemm 1126 edukatur f’livelli differenti mis-servizz pubbliku li ngħataw taħriġ minn National School Support Services (NSSS). Dan it-taħriġ huwa proċess kontinwu u jkun offrut b’mod regolari.

Ftuħ taċ-ċentri tas-saħħa 24/7

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hemmx pjan li fil-futur qarib jibdew jinfetħu aktar ċentri tas-saħħa 24/7 u li jkun hemm preżenti tobba 24/7? Liema huma u minn meta?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fl-ewwel 6 xhur tas-sena 2023 se jinfetaħ Ċentru Vincent Moran ġewwa Raħal Ġdid u dan se jagħti servizz 24/7.

National Mental Health Strategy 2020-2030 — proġett ta’ sptar ġdid

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid f’liema stadju wasal il-proġett ta’ sptar ġdid ta’ 120 sodda qrib l-Isptar Mater Dei għat-terapija akuta fil-qasam tas-saħħa mentali li kien imwiegħed fil-punt 4.4.4 tan-National Mental Health Strategy 2020-2030 mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi f’Awissu ta’ din is-sena ġie awarded il-kuntratt għat-tfassil tat-tender tal-isptar akut tal-psikjatrija. L-art fejn se jinbena dan l-isptar diġa għaddiet mill-Lands Department għad- Dipartiment tas-Saħħa.

Formolarju tal-mediċini – żieda ta’ mediċini li jintużaw fil-qasam tal-psikjatrija

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm-il mediċina li tintuża fil-qasam tal-psikjatrija ġiet miżjuda fil-formolarju tal-Gvern wara l-wegħda li saret fid-19 ta’ Ottubru 2020 mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa? Jista’ jagħti lista ta’ dawn il-medicini?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi zewg mediċini ġodda għall-uzu fil-qasam tal-psikjatrija bħalissa qegħdin fil-proċess biex joħrog it-tender.

Ċimiterju tal-Annimali – żviluppi

Question

Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar il-progress u l-aħħar żviluppi fil-bini taċ-Ċimiterju tal-Annimali, u jgħid jekk għadux mistenni li jitlesta sal-aħħar ta’ din is-sena?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ċ-ċimiterju għall-annimali se jkun qed jitwettaq matul din il-leġiżlatura, hekk kif imfisser ukoll fil-manifest elettorali approvat mill-maġġoranza assoluta tal-poplu nhar is-26 ta’ Marzu li għadda.

L-Imġarr Malta – direzzjoni lejn il-Mosta

Question

Jista’ l-Ministru jispjega għalfejn bħalissa fl-Imġarr biex tmur minn Triq l-Imġarr għal Triq Sir Temi Zammit, direzzjoni lejn il-Mosta, wieħed irid ikollu jieħu dawra u jdur mar-roundabout ’il fuq mit-tempji ta’ Skorba u l-knisja taż-Żebbiegħ, meta qabel kien iktar faċli li jsir dan u hemm metodi effiċjenti biex jiġi ffrankat dan id-dewmien żejjed?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta għamlet proġett b’investiment ta’ madwar €6 miljun għal aktar sigurezza fi Triq l-Imġarr, ir-rotta prinċipali bejn il-Mosta u l-Imġarr. Din it-triq twila 3 kilometri, li hija wkoll waħda mir-rotot ewlenin lejn in-naħa ta’ fuq (tramuntana) ta’ Malta u li ħafna jirreferu għaliha bħala l-Bypass tal-Imġarr, qabel kienet magħmulha minn karreġġjata waħda b’korsija lejn kull direzzjoni, u bankina wiesgħa fuq naħa li kienet tintuża wkoll bħala korsija għar-roti minkejja li kienet pavimentata. Qabel it-triq ma kien fiha xejn biex jiġu evitati ħabtiet frontali bejn vetturi li jkunu ġejjin kontra xulxin. F’diversi partijiet minnha spiss kienu jseħħu aċċidenti u tul is-snin ġraw diversi ħabtiet fiha li kelllhom konsegwenzi serji, l-iżjed minħabba nuqqas ta’ miżuri li jiskoraġġixxu s-sewqan eċċessiv u li vettura taqla’ lil oħra. Wara diversi appelli li sarulha kemm minn membri tal-pubbliku li spiss jużaw din it-triq, mill-Kunsill Lokali tal-Imġarr u saħansitra minn paramediċi, Infrastructure Malta fasslet proġett biex ittejjeb is-sigurezza ta’ din it-triq u tnaqqas ir-riskji t’aċċidenti f’din ir-rotta bejn l-Imġarr u l-Mosta. Minbarra li bniet it-triq mill-ġdid kif ukoll il-bankina t-tul kollu tagħha biex tejbet l-aċċess għal min jgħaddi minnha bil-mixi, l-aġenzija ħolqot żewġ karreġġjati separati billi poġġiet bollards u barrikati ġodda li jifirdu l-korsiji li baqgħu waħda f’kull direzzjoni. Dawn il-barrikati jnaqqsu r-riskji li vetturi jinqalbu jew jaħbtu ma' vetturi ġejjin mid-direzzjoni opposta, u b'hekk inaqqsu r-riskji ta' ġrieħi serji. Barra minn hekk, it-triq issa għandha wkoll korsija speċfikament għar-roti fuq kull naħa. Biex jittejjeb l-aċċess f’din it-triq saru wkoll punti ta’ qsim għal min jgħaddi minnha bil-mixi, kif ukoll inbniet roundabout ġdida fil-junction mat-triq li twassal għall-inħawi ta’ L-Imselliet biex tipprovdi konnessjonijiet aktar siguri lejn iż-żewġ skejjel li hemm f’din iż-żona billi servi wkoll bħala miżura oħra għat-trażżin fis-sewqan. L-istess proġett kien jinkludi wkoll titjib simili għal aktar sigurezza anke fi Triq Sir Temi Zammit fejn saret roundabout oħra fil-junction ma’ Triq il-Ħżejjen, kif ukoll infetħet triq li kienet skemata li tgħaqqad din it-triq ma’ Triq iż-Żebbiegħ. L-iskema implimentata tal-ġestjoni tat-traffiku, kif approvata minn Transport Malta, hija maħsuba biex tipprijoritizza l-influss prinċipali tat-traffiku u tnaqqas il-konġestjoni fil-ħruġ mill-Imġarr għal Triq Sir Temi Zammit. B’hekk, dawk li jkunu qed jivjaġġaw lejn it-tramuntana tul Triq Sir Temi Zammit jistgħu jipproċedu għall-Bypass tal-Imġarr jew jibqgħu għaddejjin fl-istess triq, mingħajr ebda ostaklu minn traffiku li jaqsam biex imur fid-direzzjoni tan-nofsinhar. Kull min ikun ħiereġ mill-Imġarr lejn in-nofsinhar jista’ jingħaqad mat-traffiku lejn it-tramuntana, imbagħad jibdel id-direzzjoni fir-roundabout ġdida li saret aktar ‘il fuq. Bħala miżura oħra ta’ sigurtà f’din iż-żona wkoll tpoġġew bollards biex jiggwidaw it-traffiku u hekk jkun evitat li jsir qsim. Għalkemm hija ftit itwal, din ir-rotta hija ferm aktar sigura u effiċjenti waqt li naqqset ir-riskji t’aċċidenti li kien hemm qabel biex wieħed joħroġ mil-Imġarr għal Triq Sir Temi Zammit.

Proġetti infrastrutturali – Siġar

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ kemm-il siġra ġiet maqlugħa biex isiru proġetti infrastrutturali s’issa fis-sena 2022? Kemm tħawlu siġar ġodda minflok dawk li nqalgħu f’dawn il-proġetti? Mis-siġar li nqalgħu biex jerġgħu jitħawlu f’postijiet oħrajn, kemm ġew salvati?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kull meta jkun hemm ħtieġa li jitneħħew siġar minħabba infrastruttura pubblika ġdida, Infrastructure Malta tikkollabora mal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) sabiex tikseb il-permessi meħtieġa u tiżgura li l-impatt ambjentali jkun l-inqas possibbli. L-aġenzija tagħmel l-almu tagħha biex siġar li jkollhom jitneħħew, sakemm ma jkunux speċi aljeni u invażivi, terġa’ tħawwilhom fl-istess inħawi u fejn dan ma jkunx possibbli jerġgħu jitħawlu f’postijiet oħra. Apparti siġar li ma kienux speċi indiġeni u protetti, din is-sena kellhom jinqalgħu 58 siġra li mbagħad reġgħu tħawlu mill-ġdid ħafna minnhom f’postijiet oħra fl-istess inħawi u l-aġenzija għadha tieħu ħsiebhom biex tiżgura li jibqgħu jikbru. L-ERA tobbliga wkoll lill-aġenzija sabiex bħala kumpens, tħawwel għadd ta’ siġar għal kull waħda li titneħħa, kif stipulat fil-liġijiet ambjentali. Madankollu, Infrastructure Malta tagħmel aktar minn hekk, għaliex tħawwel ferm aktar siġar minn kemm tkun obbligata li tagħmel. Fil-fatt, fl-aħħar tliet snin, l-aġenzija ħawlet mal-44,000 siġra u 40,000 arbuxell u pjanti oħrajn f’postijiet urbani u rurali differenti madwar il-pajjiż. Din il-ħidma ambjentali saħansitra kienet tinkludi l-ħolqien ta’ tliet imsaġar ġodda, wieħed f’Bengħajsa, Birżebbuġa ħdejn il-Malta Freeport, ieħor fejn qabel kien hemm niżla wiesgħa li kienet tgħaqqad Triq Reġjonali ma’ Triq il-Wied tal-Imsida u masħar madwar id-dar tal-Komunità Terapewtika Residenzjali San Blas, f’Ħaż-Żebbuġ, li titmexxa minn Caritas Malta. L-aġenzija qed tiżgura wkoll is-servizzi meħtieġa sabiex dawn l-eluf ta’ siġar jibqgħu jissaqqew u jiġu kkurati għal numru ta’ snin, sakemm jaqbdu sew fl-ambjent ġdid tagħhom.

Database tal-entitajiet governattivi

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk l-entitajiet tal-Gvern għandhomx database bl-informazzjoni synced flimkien, jew inkella l-informazzjoni trid tgħaddi għand kull entità b’mod separat? Jekk persuna tibdel l-indirizz tad-dar mal-Identity Malta, din l-informazzjoni tgħaddi għand dipartimenti oħrajn, bħad-Dipartiment tat-Taxxa, b’mod awtomatiku, jew trid tinforma lid-dipartimenti kollha b’mod separat?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab nfurmat li l-informazzjoni li jagħti l-klijent lil xi entità governattiva ma titqassamx awtomatikament ma’ kull dipartiment jew entità oħra minħabba kunsiderazzjonijiet varji fosthom dawk legali. Madankollu kull dipartiment/entità li jkollha bżonn tali informazzjoni għandu aċċess għal common database li fihom isib din informazzjoni aġġornata li jkun għadda l-klijent.

Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol – persuni li jmexxu l-entitajiet fil-vesti ta’ CEOs jew Kapijiet

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ kemm hemm persuni li qegħdin imexxu l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu fil-vesti ta’ CEOs jew Heads illi waslu għall-età tal-irtirar u jekk itteħdux passi biex ikun hemm succession plan biex meta dawn jirtiraw, l-entità tibqa’ għaddejja taħdem mingħajr ebda skossi?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi hemm persuna waħda li waslet għall-età tal-irtirar u qed jittieħdu l-miżuri li hemm bżonn sabiex il-ħidma tal-entità tibqa’ għaddejja.