Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur – Entitajiet u Awtoritajiet – Kwalifiki akkedemiċi ta’ Chairpersons ta’ bordijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid xi kwalifiki akkademiċi għandhom is-CEOs u ċ-Chairpersons tal-Bordijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha skont l-entità/awtorità?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-profili tal-kapijiet eżekuttivi u kummissarju, kif espost fuq is-siti uffiċjali tal-entitajiet rispettivi, flimkien ma’ tabella dwar chairpersons u kummissarju oħrajn, li jaqgħu wkoll taħt dan il-Ministeru.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali – Entitajiet u Awtoritajiet – Kwalifiki akkedemiċi ta’ Chairpersons ta’ bordijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi kwalifiki akkademiċi għandhom is-CEOs u ċ-Chairpersons tal-Bordijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu skont l-entità/awtorità?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali – Infiq f’reklamar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefqu flus f’reklamar fil-Ministeru u l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu separatament mill-2019 sal-lum, sena b’sena, u skont il-mezz tax-xandir innifsu?

Response (BONNICI, OWEN)

It-tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza – Infiq f’reklamar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefqu flus f’reklamar fil-Ministeru u l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu separatament mill-2019 sal-lum, sena b’sena, u skont il-mezz tax-xandir innifsu?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Skejjel primarji – żieda fil-qari

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x’passi u inizjattivi ttieħdu matul is-sena skolastika li għaddiet u li huma ppjanati li jittieħdu fis-sena li ġejja sabiex l-istudenti fl-iskejjel primarji jaqraw aktar?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni kollha mitluba inkluz id-diversi inizjattivi relatati qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Ninfurmah ukoll li apparti li l-libreriji fil-klassijiet kollha huma attrezzati b’kotba bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż, bl-għajnuna tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu bosta skejjel primarji ta’ kuljum jorganizzaw diversi attivitajiet marbuta mal-qari bil-Malti u bl-Ingliż skond is-sillabi rispettivi. Dan kollu qed ikun ikkumplimentat ukoll permezz ta’ ambjent xieraq bil-għan li dan ikompli jistimola aktar studenti sabiex jaqraw. Matul is-sena skolastika li jmiss (2022-23) huwa mistenni li l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu tkompli bl-istess programmi, skemi u inizjattivi, filwaqt li mistenni wkoll tħejji inizjattivi ġodda. Nixtieq ukoll nieħu l-opportunita’ sabiex nirringrazzja lill-għalliema kollha tagħna u lill-kapijiet fl-iskejjel kollha tax-xogħol imprezzabbli tagħhom li flimkien mal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu qegħdin ta’ kuljum iwettqu b’dedikazzjoni u mpenn.

Skejjel sekondarji – żieda fil-qari

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x’passi u inizjattivi ttieħdu matul is-sena skolastika li għaddiet u li huma ppjanati li jittieħdu fis-sena li ġejja sabiex l-istudenti fl-iskejjel sekondarji jaqraw aktar?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni kollha mitluba inkluz id-diversi inizjattivi relatati qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Ninfurmah ukoll li se nkomplu ninvestu fix-xiri ta’ aktar riżorsi u l-istudenti nfushom ser ikunu wkoll involuti fl-evalwar tal-kotba li hemm bżonn li jinxtraw sabiex dawn ikunu kotba dejjem eqreb u addattati għall-bżonnijiet u l-interessi tagħhom. Se nkomplu nżidu l-materjal fuq is-siti elettroniċi li l-istudenti u l-għalliema jistgħu jużaw flimkien kemm għal qari abbinat ma’ xogħol tal-iskola kif ukoll fejn jidħol il-qari fil-ħin liberu. Matul is-sena skolastika li jmiss (2022-23) l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu mistennija tkompli bl-istess programmi, skemi u inizjattivi. Nixtieq ukoll nieħu l-opportunita’ sabiex nirringrazzja lill-għalliema kollha tagħna u lill-kapijiet fl-iskejjel kollha tax-xogħol imprezzabbli tagħhom li flimkien mal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu qegħdin ta’ kuljum iwettqu b’dedikazzjoni u mpenn.

Raħal Ġdid: Ġnien San Alwiġi – applikazzjoni nru. TRK/00266472

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra f’liema pożizzjoni tinsab l-applikazzjoni li saret lill-Awtorità tal-Ippjanar nru TRK/00266472 sabiex jiġi rranġat Ġnien San Alwiġi, Raħal Ġdid?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-applikazzjoni msemmija qiegħda fi stadju bikri, fejn intalbet xi informazzjoni sabiex l-applikazzjoni tista’ tiġi validata u sussegwentement proċessata.

Ministru ghall-Ġustizzja – diskors fil-laqgħa tas-CEPEJ

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra d-diskors li għamel fil-Laqgħa tas-CEPEJ f’Ġunju, 2022?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-diskors li tajt waqt il-laqgħa tas-CEPEJ f’Ġunju, 2022 huwa wieħed pubbliku u saħansitra jinstab fuq il-midja soċjali. Ninfurmah ukoll li kien hemm anke stqarrija uffiċjali, PR220877, maħruġa mid-Dipartiment tal-Informazzjoni (DOI) li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Raħal Ġdid – xogħlijiet fi Ġnien il-Mediterran

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 1700, jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk kemm-il darba hemmx jew kienx hemm ukoll l-involviment tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u jekk iva, x’sar mill-istess?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid li min-naħa tal-istess Kunsill ma kienx hemm involviment rigward mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Madanakollu, infurmat mill-istess Kunsill Lokali illi f’dawn ix-xogħlijiet kien hemm l-involviment ta’ entitajiet oħrajn.

MCA – infiq u d-dħul

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba sena b’sena mill-2017 s’issa, ġew diskussi quddiem il-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet Pubbliċi tal-Kamra, l-infiq u d-dħul tal-Awtorità ta' Malta dwar il-Komunikazzjoni (MCA)?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-estmi finanzjarji u r-rapport annuali ta MCA jiġu pre¿entati kull sena fil-Parlament. MCA mhux infurmata dwar li r-raporti gew diskussi fil Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet Pubbliċi.

Membri tal-Ġudikatura – parteċipazzjoni f’konferenzi rigward liġijiet tal-UE

Question

Mill-bidu tal-2021 sakemm titwieġeb din il-mistoqsija, jista’ l-Ministru jgħid: a. għal kemm-il kors, seminar jew konferenza ppartiċipaw membri tal-ġudikatura fir-rigward tal-liġijiet tal-UE li ġew jew għad iridu jiġu implimentanti, u b. f’kull każ jelenka dwar x’kien is-suġġett?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-bidu tal-2021 sa Settembru 2022 il-membri tal-ġudikatura attendew 30 il-kors, seminar jew konferenza. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra bis-suġġetti varji ta’ dawn il-korsijiet, seminars jew konferenzi.

Bord għas-Soluzzjoni ta’ Tilwim għal Networks dwar l-Utilitajiet — membri

Question

B’referenza għat-tweġibiet għall-mistoqsijiet parlamentari 696 u 1269, jista’ l-Ministru jgħid: a. min kienu l-membri, li skont ma ntqal fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 696, offrew ir-riżenja tagħhom lill-Gvern; u b. jekk issa nħatarx bord ġdid, u fil-każ min huma l-membri u għal kemm hi l-ħatra ta’ kull wieħed minnhom, u jekk le x’inhi r-raġuni għalfejn ma saret l-ebda ħatra sad-data ta’ meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.

MCCAA — Direttur Ġenerali - investigazzjoni

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’passi qed tieħu d-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) fir-rigward tal-Ponzi Schemes, li minn informazzjoni li għandi, kienu l-kaġun li numru ta’ ċittadini Maltin tilfu mijiet ta’ euro u dan peress li tali skema tista’ tikkostitwixxi prattika kummerċjali inġusta skont l-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur, Kap. 378 – b’mod partikolari fid-dawl ta’ dak li jingħad fil-paragrafu 14 tal-Ewwel Skeda tal-istess liġi u ċjoè: "14. Fejn il-kummerċjant/a jistabbilixxi/tistabbilixxi, jopera/topera jew jippromwovi/tippromwovi skema promozzjonali piramidali fejn konsumatur iħallas għall-opportunità li jirċievi kumpens derivat primarjament mill-introduzzjoni ta’ konsumaturi oħrajn fl-iskema minflok mill-bejgħ jew konsum ta’ prodotti.".

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-iskemi hekk imsejħa ‘Ponzi schemes’ u li għalihom qed issir referenza huma relatati ma’ investimenti u servizzi finanzjarji li huma regolati minn liġijiet settorali speċifiċi amministrati mill-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta. Ninforma wkoll lill-Onor. Interpellant li l-paragrafu 14 tal-Ewwel Skeda tal-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur jitkellem fuq skemi promozzjonali piramidali li m’humiex skemi ta’ investiment finanzjarju. Bħalissa m’hemmx każijiet li jaqgħu taħt dan l-artikolu u li dwarhom dan l-Uffiċċju huwa a konoxxenza.

MCCAA – tħaddim ta’ Digital Markets Act

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’passi qed jittieħdu da parti tal-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) fir-rigward tal-eventwali tħaddim tad-Digital Markets Act tal-UE?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Uffiċċju qed jipparteċipa f’numru ta’ laqgħat li qed isiru bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri dwar li l-provvedimenti tal-Att dwar is-Swieq Diġitali u kif dawn se jkunu qed jiġu mħaddmin u ssalvagwardati. Fl-istess waqt dawn il-laqgħat qed iservu biex jiġu identifikati funzjonijiet u proċeduri ġodda skont il-ħtieġa.

REWS – proċedura

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhi l-proċedura li r-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS) hu marbut li jsegwi, meta jrid jimpjega uffiċjali ġodda miegħu tenut kont ta’ dak li jingħad fl-artikoli 16 u 17 tal-Att dwar ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma, Kap. 545? Tista’ tgħid jekk hemmx bżonn ta’ approvazzjoni mill-Gvern fir-rigward tar-rimunerazzjoni, il-pattijiet u l-kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ uffiċjali fi ħdan ir-REWS stabbiliti mill-istess REWS?

Response (DALLI, MIRIAM)

Infurmata li r-REWS jattjeni ruħu mad-direttiva 7 tas-servizz pubbliku, flimkien mad-dispożizzjonijiet fl-artikolu 16 u l-artikolu 17 tal-Att dwar ir-REWS.

Ħal Qormi: Triq il-Belt Valletta — xogħlijiet

Question

Peress li bosta residenti Qriema qed jilmentaw dwar l-istat ħażin f’parti minn Triq il-Belt Valletta, f’Ħal Qormi, jista’ l-Ministru jgħid meta hu ppjanat li jibda x-xogħol fi Triq il-Belt Valletta, f’Ħal Qormi? Jista’ jgħid ukoll jekk saritx konsultazzjoni mar-residenti jew mal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi dwar din il-materja?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta qed taħdem mal-Kunsilli Lokali kollha biex gradwalment tibni mill-ġdid it-toroq kollha li jinsabu fi stat ħażin. Fil-lokalità ta’ Ħal Qormi l-aġenzija diġà bniet mill-ġdid u għamlet titjib fi Triq l-Għargħar 1979, Triq maġenb Triq il-Mitħna, Triq Dun G Cilia, Triq Ġorġ Zammit, Triq l-Imdina (lejn in-nofsinhar), Triq il-Poeżija, il-Bypass tal-Imrieħel u n-niżla li għall-mini ta’ Santa Venera, Triq it-Tapizzara, Triq Angelo Borg, Triq in-Naħal, Triq l-Isqof Depasquale, Triq Ġorġ Borg, toroq bla isem f’Tal-Ħlas, f’Tal-Ħandaq, fil-limiti Tal-Ħammieri u ħdejn Triq il-Belt Valletta, Triq Għarrqam u Triq il-Ħarrub. Bħalissa għaddej il-bini mill-ġdid ta’ ħafna toroq oħrajn madwar il-pajjiż, fosthom Triq l-Imdina (lejn it-Tramuntana), f’Ħal Qormi. It-triq indikata, Triq il-Belt Valletta, hija fost it-toroq li se jinbnew mill-ġdid bħala parti minn din il-ħidma mifruxa fuq seba’ snin. Fl-istess waqt, sakemm tinbena mill-ġdid, peress li r-responsabiltà tat-tiswijiet u l-manutenzjoni regolari ta’ toroq lokali bħal din imsemmija hija tal-kunsilli lokali, dawn għandhom ir-riżorsi meħtieġa sabiex ikomplu jagħmlu t-tiswijiet temporanji u manutenzjoni li kull triq tkun teħtieġ minn żmien għal żmien.

Ħal Qormi: Triq San Edwardu — xogħlijiet

Question

Peress li bosta residenti Qriema qed jilmentaw dwar l-istat ħażin f’parti minn Triq San Edwardu, f’Ħal Qormi, jista’ l-Ministru jgħid meta hu ppjanat li jibda x-xogħol fi Triq San Edwardu, f’Ħal Qormi? Jista’ jgħid ukoll jekk saritx konsultazzjoni mar-residenti jew mal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi dwar din il-materja?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta qed taħdem mal-Kunsilli Lokali kollha biex gradwalment tibni mill-ġdid it-toroq kollha li jinsabu fi stat ħażin. Fil-lokalità ta’ Ħal Qormi l-aġenzija diġà bniet mill-ġdid u għamlet titjib fi Triq l-Għargħar 1979, Triq maġenb Triq il-Mitħna, Triq Dun G Cilia, Triq Ġorġ Zammit, Triq l-Imdina (lejn in-nofsinhar), Triq il-Poeżija, il-Bypass tal-Imrieħel u n-niżla li għall-mini ta’ Santa Venera, Triq it-Tapizzara, Triq Angelo Borg, Triq in-Naħal, Triq l-Isqof Depasquale, Triq Ġorġ Borg, toroq bla isem f’Tal-Ħlas, f’Tal-Ħandaq, fil-limiti Tal-Ħammieri u ħdejn Triq il-Belt Valletta, Triq Għarrqam u Triq il-Ħarrub. Bħalissa għaddej il-bini mill-ġdid ta’ ħafna toroq oħrajn madwar il-pajjiż, fosthom Triq l-Imdina (lejn it-tramuntana), f’Ħal Qormi. It-triq indikata, Triq San Edwardu, hija fost it-toroq li se jinbnew mill-ġdid bħala parti minn din il-ħidma mifruxa fuq seba’ snin. Fl-istess waqt, sakemm tinbena mill-ġdid, peress li r-responsabiltà tat-tiswijiet u l-manutenzjoni regolari ta’ toroq lokali bħal din imsemmija hija tal-kunsilli lokali, dawn għandhom ir-riżorsi meħtieġa sabiex ikomplu jagħmlu t-tiswijiet temporanji u manutenzjoni li kull triq tkun teħtieġ minn żmien għal żmien.

Ħaż-Żabbar: Triq San Leonardu — parkeġġ

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 1488 u 1946 dwar Triq San Leonardu, Żabbar billi bil-konfigurazzjoni ġdida tagħha hemm inkonvenjent kbir lir-residenti kif ukoll perikolu lil min juża t-triq, tant li li seħħew inċidenti serji?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta bniet mill-ġdid Triq San Leonardu, fix-Xgħajra, fuq disinn ġdid b’infrastruttura aktar sigura għal kull min jgħaddi minnha u anke ser issebbaħha bi strixxi ta’ siġar u arbuxelli ġodda. Wara li tlestiet it-triq, ser tinbena wkoll mill-ġdid ir-roundabout. L-aġenzija għamlet bankina fuq in-naħa tat-triq fejn qabel ma kienx hemm. Din il-bankina ġdida ġiet iddisinjata skont l-istandards applikabbli u l-linji gwida għall-aċċessibbiltà mill-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità. It-triq qabel ma kellhiex spazji għall-parkeġġ definiti u l-ispazju tat-triq li oriġinarjament kien maħsub għall-bankina l-ġdida (li ma kinitx inbniet fil-passat) kien qed jintuża għall-parkeġġ fit-toroq. Id-disinn il-ġdid tat-triq jinkludi l-bankina li kienet nieqsa u waqfiet ġodda għall-karozzi tal-linja biex b’hekk ittejjeb ukoll l-aċċess għat-trasport pubbliku. Ħoloq ukoll spazji ta’ parkeġġ definiti kif sippost waqt li l-karreġġjata nżammet sigura b’żewġ korsiji. It-triq għad fiha spazji għall-parkeġġ fuq iż-żewġ naħat. Biswit partijiet mill-bankina ġdida, Infrastructure Malta għamlet strixxi biex issebbaħ it-triq bit-tħawwil ta’ 14-il siġra taċ-Ċipress u Ta’ Ġuda, aktar minn 1,600 arbuxell u pjanti oħra. Dawn ser jikkontribwixxu għal ambjent imtejjeb tul din it-triq, filwaqt li tiżdied is-segregazzjoni bejn il-persuni li jgħaddu bil-mixi u l-karozzi. Is-siġar u l-arbuxxelli ġodda f’din it-triq se jissaqqew permezz ta’ sistema ġdida ta’ tisqija li se tkun imqabbda ma’ ġibjun ġdid għall-ħażna tal-ilma tax-xita li l-aġenzija ser tibni taħt ir-roundabout tul l-istess triq, bħala parti mill-istess proġett. Id-disinn il-ġdid tat-triq qed jistabbilixxi bilanċ bejn infrastruttura aktar sigura għal kull min jgħaddi minnha, dehra isbaħ permezz tas-siġar u l-arbuxelli kif ukoll jipprovdi spazji għall-parkeġġ siguri għar-residenti tal-inħawi. Il-bini mill-ġdid ta’ din it-triq kien jinkludi wkoll pajipijiet ġodda tal-ilma kif ukoll cables ġodda taħt l-art biex tneħħew il-wires li kienu jaqsmu min-naħa għal oħra u dwal ġodda tat-triq.

MFSA – Ħruġ ta’ direct order għall-kiri ta’ uffiċini u car garage spaces

Question

Fid-dawl li l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta (MFSA) ħarġet direct order ta’ madwar €1.1 miljun biex tikri xi uffiċini u car garage spaces, jista’ l-Ministru jispjega għalfejn ġie approvat dan id-direct order minflok ma nħarġet sejħa għall-offerti biex l-MFSA tkun f’pożizzjoni li ġġib prezzijiet aktar kompetittivi?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi f’din il-Proċedura Negozjata, intużat il-pjattaforma tal-akkwist elettroniku tal-Gvern, fejn l'Awtorità sostniet l'użu mill-Avviż Legali, 352 (2016) regolament 154 (1) (a), li jirreferi għal regolament 151 (b) (ii) li jistipula: ma jkunx hemm kompetizzjoni minħabba raġunijiet tekniċi; L’Awtorità talbet din il-Proċedura Negozjata għal dawn ir-raġunijiet: 1. L’Awtorità ilha tikri il-bini biswit, kif ukoll interkonness mal-uffiċini prinċipali tagħha, mis-sena 2017, biex tkopri l-bżonn ta’ iktar spazju maż-żieda fit-tkabbir fin-numru ta’ impjegati, u għaldaqstant l’Awtorità investiet sostanzjalment f’dawn l-istess uffiċini. 2. B’din il-Proċedura Negozjata, l’Awtorità estendiet il-kirja eżistenti għal tliet snin oħra, minn Awwissu 2023, sabiex tiżgura kontinwità fl-operat tagħha.

Kummissjoni Ewropea –Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza – Pjan ippreżentat minn Malta

Question

Wara li Malta kienet ippreżentat pjan lill-Kummissjoni Ewropea li jikkonsisti fi 17-il investiment u 30 riforma li kienu se jiġu ko-finanzjati bl-ammont ta’ €316.4 miljun f’fondi taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF), jista’ l-Ministru jipprovdi b’mod dettaljat l-aħħar żviluppi dwar il-progress li sar u l-proġetti li ġew implimentati vis-à-vis dawn l-investimenti u r-riformi msemmija u jekk Malta tinsabx on time fuq l-iskeda ta’ implimentazzjoni (timeline of completion) ta’ dawn l-investimenti u r-riformi maqbula mal-Kummissjoni Ewropea?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.