Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali – estensjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar

Question

Wara dak li ntqal mill-eNGO Flimkien għall-Ambjent Aħjar, ċjoé li s-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali qed issir estensjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar u kif ukoll li hemm impjegati mill-istess Awtorità tal-Ippjanar li qed jaħdmu fis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, jista’ l-Ministru jippreżenta fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ impjegati tal-Awtorità tal-Ippjanar li qed jaħdmu fis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, jekk hemm? Jista’: a. jagħti d-data ta’ meta kull persuna daħlet taħdem fis-Sovrintendena tal-Patrimonju Kulturali; b. jinidika l-kariga u l-grad li kull persuna kienet tokkupa fl-Awtorità tal-Ippjanar fil-mument li daħlet fis-Sovrintendenza tal-Patrimonju; c. jndika l-kariga u l-grad li tokkupa fl-Awtorità tal-Ippjanar illum minkejja li taħdem mas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali; d. jgħid x’inhi l-kariga u l-grad li daħlet fiha fis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali; u e. jgħid x’inhi l-kariga u l-grad li tokkupa llum fis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ kull ftehim jew kuntratt li jirregola l-ingaġġ ta’ dawn l-impjegati?

Response (BONNICI, OWEN)

It-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Eliġibilità għall-mediċina ‘Xeralto’ bla ħlas

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid min hu intitolat għall-medicina ‘Xeralto’ b’xejn u kemm-il pazjent qed jieħu din il-mediċina b’xejn sal-15 ta’ Settembru 2022?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta tal-mistoqsija Parlamentari numru 2698.

Dipartiment tal-Emerġenza u ċentri tas-saħħa – ambulanzi

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm-il ambulanza preżentement tagħti servizz fid-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei u ċ-ċentri tas-saħħa? Jista’ jgħid jekk hemmx ambulanzi mikrija mill-privat u x’inhi n-nefqa għall-kirja tagħhom?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi d-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei jopera 11-il ambulanza filgħodu u 9 ambulanzi matul il-lejl għas-servizz tal-emerġenza u ċ-ċentri tas-saħħa. U l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex jopera 5 ambulanzi.

Ħaż-Żebbuġ u s-Siġġiewi – Triq l-Imdina — traffic light controlled intersection

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarx studju ta’ kif ġie affettwat it-traffiku wara li saret it-traffic light controlled intersection ġdida fi Triq l-Imdina bejn Ħaż-Żebbuġ u s-Siġġiewi u jekk hemmx riżultati mqabbla ma’ kif kienet is-sitwazzjoni qabel ma sar il-proġett?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari Nru 2192.

Ir-Rabat — Telgħa tas-Saqqajja – Xogħlijiet fit-taraġ

Question

Jista’ l-Ministru jispjega għaliex it-taraġ li sar fil-ġenb ta’ taħt il-Casino Notabile fit-telgħa tas-Saqqajja, ir-Rabat, kellu jinqala’ darbtejn waqt li qed isir il-proġett ta’ rinovazzjoni? Jista’ jgħid min ħallas għal dan?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta għaddejja bi proġett ta’ madwar €500,000 biex issebbaħ il-belvedere, it-taraġ u l-bankini fiż-żona tas-Saqqajja, ir-Rabat. Dan il-proġett qed isir b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali tal-Imdina, peress li din iż-żona, għalkemm magħrufa bħala s-Saqqajja tar-Rabat, tifforma parti mill-konfini tal-Imdina. Barra minn hekk, ix-xogħlijiet qed isiru wkoll f’konsultazzjoni mas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali minħabba l-kuntest storiku tal-inħawi u l-bini tal-madwar. Qabel ma t-taraġ u l-bankini tal-madwar bdew jinksew b’ċangatura tal-qawwi li nġiebet minn Għawdex, inbidlu s-servizzi tal-ilma u katusi tad-drenaġġ, kif ukoll ġew imtejba s-sistemi għall-ilqugħ tal-ilma tax-xita fl-istess żona. Ġew mgħoddijin ukoll pajpijiet taħt l-art f’każ li 'l quddiem ikun hemm ħtieġa li jiżdied id-dawl dekorattiv u d-dawl tat-triq. L-għażla tal-materjali li qed jintużaw f’dan il-proġett ta’ tisbiħ saret skont rakkomandazzjonijiet li ngħataw mis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali biex ikun assigurat li dawn jintegraw mal-estetika tal-inħawi partikolarment il-binja storika ta’ Casino Notabile li nbniet fl-1887. F’kull proġett li tagħmel, Infrastructure Malta tesiġi li l-kuntrattur iwettaq ix-xogħol mitlub skont l-istandards stabbiliti ta’ kwalità u sigurtà. Meta x-xogħlijiet ma jilħqux il-livelli ta’ kwalità rikjesta u ma jsirux skont is-sengħa, l-aġenzija ġġiegħel lill-kuntrattur jerġa’ jagħmel ix-xogħol mill-ġdid bi spejjeż tiegħu u hekk sar f’dan il-każ.

Tisqija ta’ siġar u arbuxelli

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il darba fix-xahar issir tisqija tas-siġar u arbuxelli li tħawlu reċentament fit-toroq Maltin? Tista’ tindika hemmx differenza fl-ammont ta’ tisqija bejn ix-xhur tas-sajf u xitwa?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lil-Onor. Interpellant li ż-żoni li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża huma dawk indikati fil-ftehim viġenti bejn il-Gvern u l-Environment Landscapes Consortium (ELC). B’mod ġenerali l-frekwenza fit-tisqija hija dipendenti fuq il-kundizzjoni tat-temp u l-istaġjonalità, speċjalment fuq it-temperaturi u x-xita, iżda bħala medja din issir darbtejn fil-ġimgħa fix-xhur tas-sajf li tiżdied għal tlieta fil-ġimgħa meta t-temperaturi jogħlew aktar min-normal u minimu ta’ darba fil-ġimgħa fix-xitwa li tiżdied skont it-temp u l-ħtieġa. Fi kwalunkwe każ it-tisqija dejjem issir skont il-bżonn u hija dejjem relatata mat-temperatura u mal-ammont ta’ xita tul il-perjodu.

Libreriji pubbliċi — xiri ta’ kotba

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il ktieb ġdid jinxtara fis-sena biex jiġu użat fil-libreriji pubblici li jinsabu mxerrda fil-lokalitajiet diversi f’Malta?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi d-domanda lill-Ministru kkonċernat.

Ta’ Qali — Petting Farm

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux maħsub li jsir titjib fil-Petting Farm f'Ta’ Qali li bħalissa jinsab fi stat mill-aktar diżastruż u li fuqu qamu kwestjonijiet ta’ periklu u nuqqas ta’ sigurtà għal dawk li jiffrekwentawh?

Response (REFALO, ANTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta sabiex tirreferi din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru kkonċernat.

Trapjanti tal-organi– Lista ta’ stennija

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm-il persuna qiegħda fuq il-lista ta’ stennija għal trapjanti tal-organi?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fl-aħħar 4 snin saru 67 trapjant u fuq il-lista ta’ stennija għal trapjanti tal-organi hemm madwar 90 pazjent jistennew kilwa u 20 pazjent jistennew kornea.

Kuntratt bejn il-Gvern u l-American University of Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ġie ffirmat il-kuntratt bejn il-Gvern Malti u s-soċjetà Sadeen Education Investment Limited (“Sadeen”), fejn il-Gvern ikkonċeda lis-soċjetà Sadeen, b’titolu ta’ ċens temporanju, art parti minn SmartCity fix-Xgħajra?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kuntratt bejn il-Gvern Malti u s-soċjetà Sadeen Education Investment Limited ġie ffirmat fid-29 ta’ Awwissu 2022. ( Korrezzjoni: Ara Dokument PL 679 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'Seduta 33, nhar it-Tnejn, 17 ta' Ottubru 2022)

Kuntratt bejn il-Gvern u Smart City Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ġie ffirmat il-kuntratt bejn il-Gvern u SmartCity (Malta) (SCM), dwar terminazzjoni ta’ parti mill-enfitewsi temporanju u ċens relattiv?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kuntratt bejn il-Gvern Malti u Smart City Malta ġie ffirmat fit-28 ta’ Settembru 2022. ( Korrezzjoni: Ara Dokument PL 680 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'Seduta 33, nhar it-Tnejn, 17 ta' Ottubru 2022)

Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali – persuni li jmexxu l-entitajiet fil-vesti ta’ CEOs jew Kapijiet

Question

Jista’ l-Ministru permezz tas-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ kemm hemm persuni li qegħdin imexxu l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu fil-vesti ta’ CEOs jew Heads illi waslu għall-età tal-irtirar u jekk ittieħdux passi biex ikun hemm succession plan biex meta dawn jirtiraw, l-entità tibqa’ għaddejja taħdem mingħajr ebda skossi?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li m'hemmx persuni li qegħdin imexxu l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru fil-vesti ta’ CEOs jew Heads illi waslu għall-età tal-irtirar.

Segretarjat Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali – persuni li jmexxu l-entitajiet fil-vesti ta’ CEOs jew Kapijiet

Question

Jista’ l-Ministru permezz tas-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ kemm hemm persuni li qegħdin imexxu l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu fil-vesti ta’ CEOs jew Heads illi waslu għall-età tal-irtirar u jekk ittieħdux passi biex ikun hemm succession plan biex meta dawn jirtiraw, l-entità tibqa’ għaddejja taħdem mingħajr ebda skossi?

Response (REFALO, ANTON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li ma hemm l-ebda CEOs jew Heads illi waslu għall-età tal-irtirar li qegħdin imexxu l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru li tiegħu jiena responabbli.

Segretarjat Parlamentari għall-Fondi Ewropej – persuni li jmexxu l-entitajiet fil-vesti ta’ CEOs jew Kapijiet

Question

Jista’ l-Ministru permezz tas-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ kemm hemm persuni li qegħdin imexxu l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu fil-vesti ta’ CEOs jew Heads illi waslu għall-età tal-irtirar u jekk itteħdux passi biex ikun hemm succession plan biex meta dawn jirtiraw, l-entità tibqa’ għaddejja taħdem mingħajr ebda skossi?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’hemmx persuni li qegħdin imexxu l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu fil-vesti ta’ CEOs jew Heads illi waslu għall-età tal-irtirar u li kull entità timxi fuq HR Plan ta’ tliet snin, li jieħu konjizzjoni l'età tal-irtirar tal-ħaddiema.

Segretarjat Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza – persuni li jmexxu l-entitajiet fil-vesti ta’ CEOs jew Kapijiet

Question

Jista’ l-Ministru permezz tas-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ kemm hemm persuni li qegħdin imexxu l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu fil-vesti ta’ CEOs jew Heads illi waslu għall-età tal-irtirar u jekk ittieħdux passi biex ikun hemm succession plan biex meta dawn jirtiraw, l-entità tibqa’ għaddejja taħdem mingħajr ebda skossi?

Response (CAMILLERI, BYRON)

F'kull entità jsir l-almu kollu possibbli sabiex il-ħaddiema jirċievu tagħlim kontinwu relatat max-xogħol tagħhom li tagħmilha possibbli li l-ħaddiema kontinwament ikollom progressjoni fil-karriera tagħhom. L-irwoli li qed tirreferi għalihom huma okkupati minn persuni b’kuntratti definiti assenjati lilhom. Hi proċedura normali li, meta jkunu waslu biex jintemmu, isiru tħejjijiet minn qabel għat-tiġdid tagħhom mal-istess persuni jew oħrajn li jidħlu flokhom.

Uffiċċju tal-Prim Ministru – Advisors fuq kuntratti/direct orders

Question

Jista’ l-Prim Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista minn kull entità li taqa’ taħtu ta’ kemm ġew impjegati advisors fuq kuntratti/direct orders u kemm hu l-valur tal-kuntratt mill-2018 sal-2022?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Skejjel Primarji – mobile classrooms

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm mobile classrooms fl-iskejjel primarji?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-mobile classrooms li qed jirreferi għalihom jiġu użati temporanjament sabiex niżguraw is-saħħa u s-sigurtà tal-istudenti u tal-edukaturi f’ċirkostanzi partikolari. Dawn il-mobile classrooms huma attrezzati bl-aħjar faċilitajiet sew ta’ tgħalim u kif ukoll biex l-istudenti jkollhom kundizzjonijiet ambjentali xierqa. Ngħarrfu li li hemm 26 mobile classrooms fl-iskejjel primarji.

Skejjel Sekondarji – mobile classrooms

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm mobile classrooms fl-iskejjel sekondarji?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-mobile classrooms li qed jirreferi għalihom jiġu użati temporanjament sabiex niżguraw is-saħħa u s-sigurtà tal-istudenti u tal-edukaturi f’ċirkostanzi partikolari. Dawn il-mobile classrooms huma attrezzati bl-aħjar faċilitajiet sew ta’ tgħalim u kif ukoll biex l-istudenti jkollhom kundizzjonijiet ambjentali xierqa. Ngħarrfu li li hemm 4 mobile classrooms fl-iskejjel sekondarji.