Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għat-Turiżmu – Entitajiet u Awtoritajiet – Kwalifiki akkedemiċi ta’ Chairpersons ta’ bordijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi kwalifiki akkademiċi għandhom is-CEOs u ċ-Chairpersons tal-Bordijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu skont l-entità/awtorità?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li filwaqt li s-CEOs u Chairpersons tal-Bordijiet fi ħdan il-Ministeru għandhom kwalifiċi li jibdew minn Degree u jibqgħu telgħin sa Dottorat, kollha għandhom esperjenza fl-ispettru wiesa’ tal-qasam turistiku, fejn uħud minnhom ilhom jokkupaw din il-pożizzjoni/kariga għal snin sħaħ.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża – Entitajiet u Awtoritajiet – Kwalifiki akkedemiċi ta’ Chairpersons ta’ bordijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid xi kwalifiki akkademiċi għandhom is-CEOs u ċ-Chairpersons tal-Bordijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha skont l-entità/awtorità?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol – Entitajiet u Awtoritajiet – Kwalifiki akkedemiċi ta’ Chairpersons ta’ bordijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi kwalifiki akkademiċi għandhom is-CEOs u ċ-Chairpersons tal-Bordijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu skont l-entità/awtorità?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni – Entitajiet u Awtoritajiet – Kwalifiki akkedemiċi ta’ Chairpersons ta’ bordijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi kwalifiki akkademiċi għandhom is-CEOs u ċ-Chairpersons tal-Bordijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu skont l-entità/awtorità?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma – Membri tal-bord

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 1135 u t-tweġiba li ngħatat, tista’ l-Ministru, a tenut tal-artikolu 3(6) tal-Att dwar ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma, Kap. 545, telenka l-kriterji ppubblikati li abbażi tagħhom skont l-istess artikolu, għandhom jinħatru l-membri tal-Bord tar-REWS?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kriterji li jirreferi għalihom l-artikolu 3(6) tal-Att dwar ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (Kap. 545) jiġu ppubblikati bħala parti mill-proċess ta’ ħatriet ġodda. Madankollu, b’mod ġenerali, wieħed ikun irid jassigura li l-bord tar-Regolatur ikun kompost minn membri li jkun ġejjin minn oqsma professjonali differenti bħal ngħidu aħna il-kamp legali, l-inġinerija, ix-xjenza u l-ekonomija jew l-accountancy. Minbarra l-kwalifiċi akkademiċi wieħed ikun mistenni japplika wkoll kriterji oħra bbażati fuq il-ħiliet, l-għarfien u l-esperjenza. Dan kollu minbarra verifiki oħra li jikkonċernaw ir-reputazzjoni tal-individwu u li jassiguraw li ma jkunx hemm kunflitt ta’ interess.

Xgħajra – ilqugħ tal-ħadid li hemm fix-Xatt

Question

Jista’ l-Ministru jara jekk huwiex possibbli li jinbdew ix-xogħlijiet neċessarji sabiex l-ilqugħ tal-ħadid li hemm fix-Xatt tax-Xgħajra jiġi msewwi u mibdul, għax diġà hu mimli sadid?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tax-Xgħajra li x-xogħol tar-railing tax-Xatt diġà nbeda.

Isla – ilqugħ fl-aħħar parti tax-Xatt Juan B Azzopardo

Question

Jista’ l-Ministru jara li fl-aħħar parti tax-Xatt Juan B Azzopardo fil-belt Sengleana jsirilha l-ilqugħ li kien inbeda snin ilu u li s’issa għadu mhux magħmul u perikoluż?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Isla li r-railing tan-naħa tal-ponta huwa lest iżda jonqos in-naħa tal-bidu tal-Isla quddiem it-Terrace Houses.

Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa 176 – European Landscape Convention

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 11908 li kienet ġiet imwieġba fl-aħħar leġiżlatura, tista’ l-Ministru tinforma lill-Kamra jekk il-proċess ta’ ratifikazzjoni tal-European Landscape Convention (Kunsill tal-Ewropa) huwiex issa finalizzat?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċess għadu għaddej.

Pulizija – persuni refuġjati u persuni li ħaqqhom protezzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm ġew rilokati refuġjati u persuni li ħaqqhom protezzjoni tul is-sena li għaddiet 2021 u tul l-ewwel sitt xhur tas-sena kurrenti?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li tul is-sena li għaddiet 2021 u tul l-ewwel sitt xhur tas-sena kurrenti, in-numru ta’ immigranti li ġew rilokati fi Stati Membri tal-Unjoni Ewropea permezz ta’ skemi ad hoc ta’ rilokazzjoni hu ta’ 247. Dawn in-numri huma mistennija li jkomplu jiżdiedu wara li beda jitħaddem il-mekkaniżmu ta’ solidarjetà li ntleħaq ftehim fuqu fil-Kunsill tal-Ġustizzja u l-Intern f’Ġunju li għadda u permezz ta’ diskussjonijiet bilaterali li jinsabu għaddejin bejn Malta u Stati Membri oħra.

Università — Kors tal-Medjazzjoni u għall-Grad ta’ Masters

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk tul is-sena akkademika li ġejja huwiex se jinfetaħ il-Kors tal-Medjazzjoni u għall-Grad ta’ Masters fl-istess linja, kif ukoll jindika kemm hemm studenti f’dawk li diġà bdew?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-applikazzjonijiet għas-sena akkademika li ġejja, 2022/23, huma miftuħin għall-kors tal-Master of Arts in Mediation. Ninfurmah ukoll li preżentament hemm għaxar (10) studenti li qegħdin isegwu dan il-kors imsemmi hawn fuq.

Università ta’ Malta: Assembly Hall – apparat tal-air conditioning

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk kemm-il darba huwiex previst li tul is-sena li ġejja se jinbidel l-apparat tal-air conditioning fl-Assembly Hall tal-Università ta’ Malta?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-intenzjoni tal-Università ta' Malta hi li tibdel is-sistema tal-arja kkundizzjonata fis-snin li ġejjin. Is-sala Sir Temi Żammit tirrekjedi “refurbishment” sħiħ u l-arja kkundizzjonata hija appuntu parti minn dan ir-“refurbishment”.

Għawdex: Nadur – Triq ir-Rabat – retaining wall tal-konkos

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta saret l-aħħar spezzjoni fuq ir-retaining wall tal-konkos li hemm fi Triq ir-Rabat, fin-Nadur, liema ħajt jidher li jista' jċedi? Jista' jgħid ukoll jekk min għamel din l-ispezzjoni, ikkonfermax li m’hemm l-ebda periklu? Jekk iva, jista' jqiegħed kopja tar-rapport fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara spezzjonijiet li saru min uffiċjali pubbliċi ġie deċiż li l-każ jiġi riferut lill-esperti fis-settur.

Direttur Ġenerali għall-Affarijiet tal-Konsumatur – impenji u talbiet għal ordni ta’ tħaris

Question

Tista’ l-Ministru tgħid mill-bidu tal-2022 sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija, kemm-il-impenn fil-kuntest tal-artikolu 12A tal-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur, Kap. 378 aċċetta d-Direttur Ġenerali għall-Affarijiet tal-Konsumatur u fir-rigward ta’ liema qasam kienu dawk l-impenji li ġew aċċettati? Tista’ tgħid mill-bidu tal-2022 sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija, kemm-il ordni ta’ tħaris intalbet mid-Direttur Ġenerali għall-Affarijiet tal-Konsumatur fil-kuntest tal-artikolu 12Ċ(1)(ċ)(iii) tal-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-bidu tal-2022 sa issa ma sarux proċeduri ta’ impenji stabbiliti fl-artikolu 12A tal-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur, Kap. 378; u ma ntalbux ordnijiet ta’ tħaris mid-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) skont l-artikolu 12Ċ(1)(ċ)(iii) tal-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur. Nieħu l-opportunità li hawn ninnota li matul dan il-perjodu, l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur, f'konformità mal-artikolu 17(1)(f) tal-Att dwar l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur, intervjenew ma’ numru ta’ kummerċjanti fejn kien hemm allegat ksur tal-liġijiet tal-konsumatur, u fejn dan wassal għall-osservanza volontarja qabel ma nbdiet azzjoni ġudizzjarja.

Għawdex: Nadur – Triq Daħlet Qorrot

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema xogħol jonqos fi Triq Daħlet Qorrot fin-Nadur biex ix-xogħol ikun lest kollu? Jista' jgħid meta hu maħsub li jkun lest dan ix-xogħol?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol li għad jonqos isir huwa relatat mas-sistema ġdida tad-drenaġġ u l-wearing course. Dan ix-xogħol hu maħsub li jitlesta fil-ġimgħat li ġejjin.

Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) – talbiet biex issir investigazzjoni

Question

Tista’ l-Ministru tgħid mill-2020 s’issa kemm-il talba saret skont l-artikolu 12 tal-Att dwar il-Kompetizzjoni, Kap. 379 lid-Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) biex dan jagħmel investigazzjoni? F’kull każ tista’ telenka minn min saret it-talba u fir-rigward ta’ liema settur saret?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lil-Onor. Interpellant li mill-2020 sal-lum, saret talba waħda mill-Ministru responsabbli għall-affarijiet tal-kompetizzjoni biex issir investigazzjoni. Din kienet tirrigwarda s-settur tat-telekommunikazzjoni.

Ministeru għal Għawdex – kumitati, bordijiet u kummissjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tal-kumitati, bordijiet, kummissjonijiet, eċċ. li jaqgħu taħt il-Ministeru għal Għawdex? Għal kull każ, jista' jgħid min hu ċ-Chairperson u min huma l-membri ta' kull entità li taqa' taħt il-Ministeru għal Għawdex? Jista' jgħid min kien iċ-Chairperson u l-membri tal-istess entitajiet sa qabel l-Elezzjoni Ġenerali tal-2022?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kummissjoni Ewropea – Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza – Pjan ippreżentat minn Malta

Question

Wara li Malta kienet ippreżentat pjan lill-Kummissjoni Ewropea li jikkonsisti fi 17-il investiment u 30 riforma li kienu se jiġu ko-finanzjati bl-ammont ta’ €316.4 miljun f’fondi taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF), jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi bidliet fl-investimenti u/jew ir-riformi msemmija vis-à-vis il-fondi allokati taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Kummissjoni Ewropea – Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza – Pjan ippreżentat minn Malta

Question

Wara li Malta kienet ippreżentat pjan lill-Kummissjoni Ewropea li jikkonsisti fi 17-il investiment u 30 riforma li kienu se jiġu ko-finanzjati bl-ammont ta’ €316.4 miljun f’fondi taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF), jista’ l-Ministru jipprovdi b’mod dettaljat l-aħħar żviluppi dwar il-progress li sar u l-proġetti li ġew implimentati vis-à-vis dawn l-investimenti u r-riformi msemmija u jekk Malta tinsabx on time fuq l-iskeda ta’ implimentazzjoni (timeline of completion) ta’ dawn l-investimenti u r-riformi maqbula mal-Kummissjoni Ewropea?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ investimenti u riformi bid-dettalji tal-progress li sar sal-lum.

Kummissjoni Ewropea – – Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza – Pjan ippreżentat minn Malta

Question

Wara li Malta kienet ippreżentat pjan lill-Kummissjoni Ewropea li jikkonsisti fi 17-il investiment u 30 riforma li kienu se jiġu ko-finanzjati bl-ammont ta’ €316.4 miljun f’fondi taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF), jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi bidliet fl-investimenti u/jew ir-riformi msemmija vis-à-vis il-fondi allokati taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi sal-lum il-ġurnata ma kienx hemm bidliet fl-investimenti u/jew fir-riformi msemmija vis-à-vis il-fondi allokati taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza.

Enemalta – ħaddiema fuq xogħol ta’ dawl fit-toroq

Question

Wara li d-dwal tat-toroq (street lighting) ġie f'sezzjoni għalih, tista' l-Ministru tgħid kemm hemm ħaddiema (u b’kemm cherry pickers) jaħdmu madwar Malta kollha, biex jieħdu ħsieb il-ħsarat li jkun hawn?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li biex jieħdu ħsieb ħsarat ta’ dawl li jaqa’ fir-responsabilità tal-Enemalta hemm 5 ħaddiema u żewġ tower ladders li jiġu megħjuna minn ħaddiema oħra skont il-ħtieġa.