Legislature:
Category:
Reset
Active:

Skola Primarja tal-Qawra — Parkeġġ

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 2538, jista’ l-Ministru jwieġeb il-partijiet tad-domanda li ma ġewx imwieġba? Billi issa għaddew bosta xhur minn mindu l-parkeġġ ta’ taħt l-Iskola Primarja tal-Qawra kellu jibda jintuża mill-pubbliku, jista’ jagħti tagħrif dwar x’inhi r-raġuni li għaliha dan għadu mhux qed jintuża? Ma’ min saru d-diskussjonijiet biex il-parkeġġ jinfetaħ? Jista’ jgħid jekk il-Ministeru jew xi entità oħra hux qed joġġezzjonaw biex iż-żewġ livelli tal-parkeġġ (għal madwar 400 karozza) jibdew jintużaw? Jekk iva, x’inhi r-raġuni għal dan? Jekk mhux il-każ, għaliex l-istess Ministeru li bena l-iskola u l-parkeġġ mhux qed joffri dan l-ispazju għall-użu tal-pubbliku? Jista’ jikkonferma li hemm/kien hemm diffikultajiet dwar aċċessibilità u ingress ta’ ilma fl-istess parkeġġ? Jista’ jikkonferma li għad jonqos joħroġ compliance certificate mill-Awtorità tal-Ippjanar qabel il-parkeġġ ikun jista’ jintuża mill-pubbliku? Jekk dan hu minnu, fiex wasal dan il-proċess? Jista’ jgħid meta hi d-data l-ġdida li fiha issa dan il-parkeġġ ser ikun miftuħ għall-pubbliku?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta tirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 2538.

Noise Control Commission

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhi l-funzjoni tan-Noise Control Commission? X’inhi l-proċedura li tintuża biex jibdew investigazzjonijiet minn din il-Kummissjoni? Minn kemm ilha mwaqqfa, sena b’sena, kemm-il każ ġie investigat u f’kemm-il każ instab li kien hemm ksur ta’ liġi? X’kienet ir-raġuni għall-ksur ta’ liġi f’kull każ?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li n-Noise Control Commission kienet Kummissjoni ffurmata ad hoc fil-passat u kellha l-funzjoni li tagħti parir lill-Ministru fuq kwistjonijiet ġenerali relatati mal-istorbju. Il-Kummissjoni qatt ma kellha poteri investigattivi u qatt ma għamlet investigazzjonijiet. Din il-Kummissjoni m’għadhiex stabbilita.

San Pawl il-Baħar – Telgħet ix-Xemxija — xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid fiex waslu t-tħejjijiet għal xogħlijiet relatati mas-servizzi tal-ilma u tad-drenaġġ f’Telgħet ix-Xemxija, San Pawl il-Baħar? Fiex jikkonsistu dawn ix-xogħlijiet? Tista’ tgħid jekk hemmx pjanijiet għal xogħlijiet oħra minn entitajiet oħra u fiex jikkonsistu dawn ix-xogħlijiet? Meta hu skedat li jibda u jitlesta dan ix-xogħol? X’inhu t-traffic management li ser ikun qed jintuża waqt ix-xogħlijiet?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li bħalissa qed tkun imfassla s-sejħa għall-offerti għax-xogħlijiet li hemm ippjanati fit-triq inkwistjoni. Ix-xogħlijiet relatati mas-sistema tad-drenaġġ f’telgħet ix-Xemxija, San Pawl il-Baħar jikkonsistu f'sistema ta’ rinovar tal-mejnijiet tad-drenaġġ eżistenti permezz ta’ 'lining' tal-mejnijiet. L-intervent se jsir minn ġot-tappieri eżistenti u huwa ppjanat li x-xogħol kollu jsir matul il-lejl. Għaldaqstant l-inkonvenjent fuq ir-residenti u fuq kull min juża din it-triq se jkun minimizzat. Dan il-proġett se jkun illokalizzat fuq il-mejnijiet tad-drenaġġ u mhux se jinkludi xogħol fuq servizzi oħra.

AWAS — ħaddiem

Question

Jista’ l-Ministru jispjega jekk il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament għadhiex taħdem fl-AWAS? Kemm ilha taħdem hemm, x’inhu r-rwol tagħha u xi kwalifiki għandha?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li l-persuna riferuta minnek hija impjegata tal-Engineering Resources Limited wara li ssieħbet f’entità oħra statali li l-maġġoranza assoluta tal-ħaddiema tagħha ġew trasferuti lil ERL, fl-2016. Wara ġiet assenjata mal-AWAS, bl-istess mod li ġew assenjati ħaddiema oħra mill-ERL ma’ diversi entitajiet statali. Għaldaqstant ma tgawdix mill-ftehim kollettiv tal-AWAS.

Army Compliants Committee Report — Rakkomandazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jagħti dettalji speċifiċi dwar meta beħsiebu jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet mogħtija lilu fl-Army Complaints Committee Report (2) sottomess lilu issa numru ta’ snin ilu?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Il-Gvern huwa kommess li jkompli jsewwi l-ħsara u l-inġustizzji ta' Gvern Nazzjonalista. Wara li l-ħaddiema kollha gawdew minn ftehim kollettiv li tejjeb ħafna il-kundizzjonijiet u d-drittjiet tas-suldati wara li tħallew b'paga sub-standard u friżata għal ħafna snin minn Gvern preċedenti, fiż-żmien li ġej ikun ukoll pubblikat ir-riżultati ta l-aħħar bord tal-inġustizzji.

Ħal Tarxien – Triq San Tumas — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hijiex ippjanata li ssir Triq San Tumas f’Ħal Tarxien peress li din it-triq tinsab fi stat diżastruż? Jekk iva, meta huwa ppjanat li jibda dan ix-xogħol?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta qed taħdem mal-Kunsilli Lokali kollha biex gradwalment tibni mill-ġdid it-toroq kollha li jinsabu fi stat ħażin. Fil-lokalità ta’ Ħal Tarxien l-aġenzija diġà bniet mill-ġdid u għamlet xogħlijiet fi Triq is-Sorijiet, Triq iż-Żejtun, Triq Marjanu Gerada, Triq Santa Marija, Triq Paola, Triq Birbixkilla, Triq Ġużeppi Montebello, Triq Francesco Crispi, Triq San Anard, Triq Xintill, Triq l-Isqajjaq, Triq it-Tabib Jimmy Farrugia u numru ta’ sqaqien, Triq Santu Wistin, Triq il-Lampuka, Triq it-Tarzna, Triq il-Knisja, Vjal Simmons, Triq Birżebbuġa u Triq Manuel Buhagiar. L-aġenzija fetħet ukollparkeġġ pubbliku ġdid bi spazju għal 128 vettura biswit il-Kulleġġ San Tumas More Skola Medja, inqas minn 200 metru mill-Knisja Parrokkjali. Dawk li jgħixu f’dawn l-inħawi, jew li jżuruhom, jistgħu jipparkjaw fih u jimxu l-bqija tat-triq lejn il-qalba tal-lokalità u b’hekk ikunu qed inaqqsu l-karozzi fit-toroq dojoq tal-madwar. Bħalissa għaddej il-bini mill-ġdid ta’ ħafna toroq oħrajn madwar il-pajjiż, fosthom fi Triq Sant Antnin, f’Ħal Tarxien. It-triq indikata, Triq San Tumas, hija fost it-toroq li se jinbnew mill-ġdid bħala parti minn din il-ħidma mifruxa fuq seba’ snin. Fl-istess waqt, sakemm tinbena mill-ġdid, peress li r-responsabiltà tat-tiswijiet u l-manutenzjoni regolari ta’ toroq lokali bħal din imsemmija hija tal-kunsilli lokali, dawn għandhom ir-riżorsi meħtieġa sabiex ikomplu jagħmlu t-tiswijiet temporanji u manutenzjoni li kull triq tkun teħtieġ minn żmien għal żmien.

Il-Fgura – Vjal Kottoner – stat ta’ triq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta huwa ppjanat li jibda x-xogħol fuq Vjal Kottoner fil-Fgura? Jaf il-Ministru li parti minn din it-triq prinċipali qed tisfronda u saret perikoluża għas-sewwieqa u anke għal dawk li jkunu għaddejjin minnha bil-mixi (il-parti li qed tisfronda hija k/m Triq Gallu u Triq Mondion)? Jaf il-Ministru li minn din it-triq jgħaddi traffiku kważi daqs kemm jgħaddi minn Triq Hompesch/Żabbar fil-Fgura?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-lokalità tal-Fgura, Infrastructure Malta diġà bniet mill-ġdid u għamlet xogħlijiet fi Triq Buqexrem, Triq ġdida fi Triq l-Għarnuq, Sqaq Rjallu, Triq il-Merħba, Triq is-Sur, Triq l-Għarnuq, Triq San Xmun, Triq San Tumas, Triq San Pietru, Triq Liedna, Triq Żabbar, Triq Hompesch, Triq Anġlu u Marianna Camilleri, Triq l-Għollieq, Triq il-Falkunier u Triq Rgħajja. Bħalissa qegħdin isiru xogħlijiet fi Triq Mater Boni Consili, Triq San Ġorġ Preca, Triq Pace u Grasso, Triq il-Kitba, Triq Giacomo Matteotti, u Triq il-Velleran waqt li diġà hemm ippjanati biex fiż-żmien li ġej jibda.

Il-Fgura — Triq l-14 ta Diċembru 1945

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta huwa ppjanat li jibda x-xogħol fuq Triq l-14 ta Diċembru 1945 fil-Fgura? Jaf il-Ministru li din it-triq kienet waħda mit-toroq li l-Kunsill Lokali tal-Fgura indika fl-ewwel lista li ntalab jibgħat lill-Infrastruttura Malta meta twaqqfet din l-Aġenzija? Jista jagħti raġuni għaliex din it-triq ma saritx filwaqt li l-istess Aġenzija għamlet toroq oħrajn fil-lokalità mingħajr konsultazzjoni mal-Kunsill Lokali?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Infrastructure Malta qed taħdem mal-Kunsilli Lokali kollha biex gradwalment tibni mill-ġdid it-toroq kollha li jinsabu fi stat ħażin. Fil-lokalità tal-Fgura l-aġenzija diġà bniet mill-ġdid u għamlet titjib fi Triq Buqexrem, Triq ġdida fi Triq l-Għarnuq, Sqaq Rjallu, Triq il-Merħba, Triq is-Sur, Triq l-Għarnuq, Triq San Xmun, Triq San Tumas, Triq San Pietru, Triq Liedna, Triq Żabbar, Triq Hompesch, Triq Anġlu u Marianna Camilleri, Triq l-Għollieq, Triq il-Falkunier u Triq Rgħajja. Bħalissa għaddej il-bini mill-ġdid ta’ ħafna toroq oħrajn madwar il-pajjiż, fosthom fi Triq Mater Boni Consili, Triq San Ġorġ Preca, Triq Pace u Grasso, Triq il-Kitba, Triq Giacomo Matteotti, u Triq il-Velleran, fil-Fgura. It-triq indikata, Triq l-14 ta Diċembru 1945, hija fost it-toroq li se jinbnew mill-ġdid bħala parti minn din il-ħidma mifruxa fuq seba’ snin. Fl-istess waqt, sakemm tinbena mill-ġdid, peress li r-responsabiltà tat-tiswijiet u l-manutenzjoni regolari ta’ toroq lokali bħal din imsemmija hija tal-kunsilli lokali, dawn għandhom ir-riżorsi meħtieġa sabiex ikomplu jagħmlu t-tiswijiet temporanji u manutenzjoni li kull triq tkun teħtieġ minn żmien għal żmien.

Il-Fgura — Ilma qiegħed fi Triq l-14 ta Dicembru 1945

Question

Jista’ l-Ministru jinvestiga għaliex fit-tarf ta’ Triq l-14 ta Diċembru 1945 k/m Triq is-Sur qed iżomm ħafna ilma kif tagħmel ix-xita u dan minn wara li saret ir-rikostruzzjoni ta’ Triq is-Sur minn Infrastruttura Malta? Jista’ jara li l-Aġenzija responsabbli ssib rimedju għal din il-problema peress li meta jinġemgħa l-ilma, speċjalment wara x-xita, dan jispiċċa bħala ilma qiegħed b’ħafna dud u insetti b’detriment għas-saħħa tar-residenti?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari Nru 2945.

Kunsilli Lokali — Każ quddiem il-Bord tal-Governanza

Question

B’referenza għall-każ li jinsab quddiem il-Bord tal-Governanza u li d-dettalji tiegħu qed jiġu mgħoddija b’mod separat, jista’ l-Ministru jgħid: a. Għaliex l-aħħar seduta fuq dan il-każ saret f’Diċembru 2021 u s’issa, 10 xhur wara, jidher li ma nstema' xejn iktar; b. jara li dan il-każ jingħalaq; c. jaħseb li huwa ġust u sewwa li każ quddiem bord imwaqqaf bl-Att dwar Kunsilli Lokali (Kap. 363) iħalli għaxar xhur lill-partijiet ikkonċernati f’għama totali?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li jien naqbel mal-massima li l-ġustizzja trid mhux biss issir imma tidher li qed issir. Għalhekk, waqt li rridu nħallu lill-istituzzjonijiet jaħdmu bis-serenità meħtieġa, tajjeb li nappellaw biex ikunu spediti fil-ħidma tagħhom.

Il-Kalkara — Progett tax-Xatt

Question

Jista’ l-Ministru jindika meta huwa pproġettat li jitlesta kompletament il-proġett li qed isir fix-Xatt tal-Kalkara? Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanti finali ta' kif ser jiġi l-proġett ġaladarba jkun lest?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proġett ser jkun lest sa nofs is-sena 2023. Pjanti tal-proġett huma tekniċi u ma jgħatux indikazzjoni ċara għall-publiku tal-aspett finali tal-proġett. Wieħed jista jara dan il-proġett permezz ta’ 3D walk through li tista tiġi aċċessata fuq il-link https://youtu.be/8k31idE9nH8 jew fuq is-sit uffiċjali tal-GHRC.

Film Jurassic World Dominion – spiża totali għall-premiere

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lil din il-Kamra kemm kienet l-ispiża totali tal-press junket, atturi u crew tal-film Jurassic World Dominion li kienet preżenti f’Malta għall-premiere tiegħu, inkluż titjiriet, akkomodazzjoni, catering, trasport u spejjeż oħra?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta tirreferi l-mistoqsija tagħha lill-Ministeru kkonċernat.

Film Jurassic World Dominion – coverage tal-premiere f’midja internazzjonali

Question

Jista’ l-Ministru jippreżenta rapport iddettaljat tal-coverage li bbenefika minnu pajjiżna fil-midja internazzjonali permezz tal-press junket li nġieb Malta għall-premiere tal-film Jurassic World Dominion?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta tirreferi l-mistoqsija tagħha lill-Ministeru kkonċernat.

Housing Authority – sussidju fuq il-Kera – foster parents

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk il-ħlasijiet supplimentari li jitħallsu foster parents, jiġux meqjusa bħala dħul meta jsir il-means testing biex tiġi kkalkulata l-kategorija ta' sussidju ta' kera mill-Housing Authority? Jekk iva, ma jaħsibx li huwa inġust li ħlas li qed jingħata biex jintefaq fuq it-tfal, qed jiġi meqjus bħala dħul għal dawn il-foster parents, li wara kollox qegħdin jipprovdu servizz lill-Istat?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tad-Djar tikkonferma li l-ħlas supplimentari li jingħata lill-foster parents jiġi magħdud mad-dħul meta jiġi kkalkulat il-benefiċċju tal-kera li għalih ikunu intitolati l-applikanti. Il-benefiċċju jinħadem skont in-numru ta’ membri tal-familja; għalhekk dawn il-familji jkunu intitolati għal benefiċċju ogħla peress li tfal fostered huma inklużi bħala membri. Barra minn hekk, familji bi tfal fostered jingħataw ukoll għotja supplimentari ta’ €300 fis-sena.

Biennale Ta’ Venezja 2022 — Parteċipazzjoni Ta’ Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid: a. Min kienet il-ġurija jew il-bord (lista ta’ ismijiet u kunjomijiet) li ddeċieda liema grupp jirrappreżenta lil Malta fil-Biennale ta’ Venezja 2022? b. X'kienet il-kompetenza ta' dawn il-persuni li ntgħażlu biex ikunu fit-tali bord jew ġurija?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinsab hawn taht: · Rugilé Barzdžuikaité - Artista Litwana. Irrappreżentat lil pajjiżha fit-58 edizzjoni tal-Biennali tal-Arti Kontemporanja ta’ Venezja. Fost diversi premjijiet internazzjonali rebħet il-Golden Lion Award tal-Festival Ċinematografiku ta’ Venezja bl-opra-prestazzjoni Sun and Sea. Hija wkoll produttriċi ċinematografika u direttriċi teatrali. · Toni Sant - Akkademiku Malti. Bħalissa Direttur tad-Digital Curation Lab tal-Università ta’ Salford, Manchester. Serva wkoll fil-kariga ta’ Direttur Artistiku ta’ Spazju Kreattiv tal-Belt Valletta. · Matthew Joseph Casha - Perit tal-Padiljun ta’ Malta fil-Biennale ta’ Venezja 2019. · Ri Chakraborty - Produttriċi eżekuttiva u kap editriċi. Rebħet diversi premji għall-ħidmiet fuq dokumentarji u films fil-livell globali. · Rupert Cefai - Artist viżiv. Chairman ta’ Fondazzjoni Kreattività mill-2013.

Armata ta’ Malta — Bord tal-Inġustizzji – pubblikazzjoni tad-Deċiżjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti indikazzjoni ta' meta ser jiġu ppubblikati d-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Inġustizzji fi ħdan l-Armata ta' Malta?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari PQ 2936.

Sliema – promenade – arbli tad-dawl

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1546, peress li għaddew erba’ xhur u l-arbli tad-dawl għadhom ma ġewx installati, tista’ l-Ministru tgħid kemm irridu nistennew iktar qabel ma jiġu installati dawn l-arbli? (Ritratt ta’ fejn għandhom jitwaħħlu l-arbli qed jingħata separatament)

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-Enemalta qegħda fil-proċess biex tordna arbli “custom made” biex jinbidlu dawk li sofrew ħsarat estensivi bil-maltemp. Sadanittant il-bankina u t-triq fil-promenade ta’ Tas-Sliema huma adegwatament imdawla b’arbli oħrajn li hemm fl-istess żona.

Sliema – promenade – bdil ta’ railings

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1545 rigward meta se jiġu sostitwiti r-railings tal-Promenade ta’ Tas-Sliema, bejn Fond Għadir u l-Waterpolo Pitch ta’ Tas-Sliema, li huma kollha sadid, peress li għaddew erba’ xhur oħra u dawn ir-railings għadhom ma ġewx sostitwiti, jista' l-Ministru jgħid kemm irridu nistennew iktar qabel ma jiġu sostitwiti? (Ritratti qed jingħataw separatament)

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġejt infurmat li l-ewwel sett ta’ ħadid iggalvanizzat inbidel fl-2021. Jekk it-temp jippermetti, it-tieni sett ta’ ħadid iggalvanizzat mistenni li jinbidel fi ftit ġimgħat oħra, li bi qbil mal-Kunsill Lokali se jkopri l-area ta’ bejn il-Fortizza u jasal sa fejn kien inbidel l-ewwel batch ta’ ħadid. Il-kumplament huwa proġettat li jinbidel f’fażijiet matul is-sena d-dieħla.