Benefiċċju tal-Kera fuq fondi privati mikrija bħala residenza ordinarja
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm persuni ħadu benefiċċju tal-kera fuq fondi privati mikrija bħala residenza ordinarja fis-snin 2017, 2018, 2019, 2020, 2021, u 2022 (sal-lum), sena b'sena?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta sabiex tinnota t-tabella t’hawn taħt li turi l-ammont ta’ persuni li ħadu benefiċċju tal-kera fuq fondi privati mikrija bħala residenza ordinarja fis-snin 2017, 2018, 2019, 2020, 2021, u 2022:-
Sena
Ammont ta’ Benefiċjarji
2017
2,653
2018
2,186
2019
2,898
2020
3,427
2021
4,040
2022*
3,700
*sal-10 ta’ Ottubru 2022
Sussidju tal-Kera fuq fondi privati mikrija bħala residenza ordinarja
Question
Jista' l-Ministru jelenka kull kategorija ta' applikanti li jistgħu japplikaw għal sussidju tal-kera fuq fondi privati mikrija bħala residenza ordinarja, id-dħul massimu taħt kull kategorija u l-ammont massimu ta' benefiċċju li kull applikant ikun intitolat għalih għas-snin 2017, 2018, 2019, 2020, 2021 u 2022, separatament minn xulxin?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta illi l-informazzjoni mitluba għas-sena 2022 tinsab aċċessibbli fuq is-sit elettroniku tal-Awtorità tad-Djar: housingauthority.gov.mt u l-istess informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Awtorità tad-Djar – kuntratti ta’ kera għal skop residenzjali primarju
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il kuntratt ta' kera għal skop residenzjali primarju ġew irreġistrati mal-Awtorità tad-Djar mill-1 ta' Jannar 2020 sal-lum? Jista' jgħid kemm minnhom kellhom terminu ta' żmien ta' kirja ta' sitt xhur biss, kemm minnhom kellhom terminu ta' kirja ta' sena, u kemm minnhom kellhom terminu ta' żmien ta' aktar minn sena?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninsab infurmat li mill-1 ta’ Jannar 2020 sad-data li fiha qed titwieġeb din il-mistoqsija, l-ammont ta’ kuntratti residenzjali privati li ġew irreġistrati jammontaw għal 86,350.
Minn dawn il-kuntratti 10,510 kellhom terminu ta’ 6 xhur, 37,713 kelhom terminu ta’ sena u 38,127 kellhom terminu ta’ aktar minn sena.
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 2500, li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali u li issa ġiet riferuta lilha, u tgħid għaliex huma biss it-toroq ta’ biswit l-istadium ġewwa Ta’ Qali li huma mdawla? Peress li ż-żona minn fejn il-mini aircraft fieldsal-bidu ta’ Ta’ Qali, li hija żona frekwentata minn persuni li jmorru jimxu jew jiġġoggjaw, hija kompletament mudlama, tista’ l-Ministru tgħid meta ser tiġi indirizzata din is-sitwazzjoni?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li biex l-Enemalta tistalla dwal ġodda fit-toroq irid ikollha talba speċifika minn min ikun responsabbli mit-triq inkwistjoni. F’dan il-każ l-Enemalta ma rċeviet l-ebda talba. Dawn it-toroq ma jaqgħux taħt ir-responsabbiltà ta’ xi entità jew dipartiment li jagħmlu parti mill-Ministeru tal-Ambjent, Enerġija u Intrapriża.
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk l-apparat li jintuża meta jsir breathalyser test huwiex kapaċi jiddetermina jekk il-persuna li tkun wettqet dak it-test hijiex taħt l-influwenza tad-droga?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi l-apparat li jintuża meta jsir breathalyser test, jiddetermina jekk il-persuna li wettqet dak it-test tkunx taħt l-influwenza tal-alkoħol u mhux droga.
Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili – sejħa għal Assistance and Rescue Officers
Question
Wara li f’Jannar 2022 kienet ħarġet sejħa biex jiġu maħtura Assistance and Rescue Officers fi ħdan id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, jista’ l-Ministru jgħid kemm applikaw nies u f’liema stasdju waslet din is-sejħa?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li kien hemm 547 applikazzjoni u li għaddej il-proċess dwar l-eliġibbiltà tal-applikanti.
Stazzjonijiet lokali li jinqabdu permezz ta’ antenni
Question
Peress li qed jiġi propost li l-pakkett ta’ stazzjonijiet lokali li jinqabdu fuq il-pjattaforma diġitali permezz ta’ antenna jieqfu joperaw f’Marzu tas-sena 2023, u peress li jidher li fil-gżejjer Maltin hawn madwar 18,000 familja li preżentament qed jindqew b’xejn permezz ta’ antenna diġitali fuq il-bejt tad-dar tagħhom u jekk dak propost iseħħ, dawn il-familji jkollhom jabbonaw ma’ kumpanija privata li tipprovdi dawn is-servizzi jew permezz ta’ fibre optic cable jew streaming permezz tal-internet, jista’ l-Mnistru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li ssir xi ħaġa biex jiġu megħjuna dawn il-familji li ser jidħlu fi spejjeż addizzjonali bla bżonn biex ikunu jistgħu jaraw stazzjonijiet lokali?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkoncernat.
Peress li qed jiġi provdut is-servizz ta' Free Hearing Test lil persuni 'l fuq minn 65 sena f'Malta, jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hux se jiġi provdut se jiġi provdut dan is-servizz f'Għawdex? Jekk iva, meta?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi s-servizz ta' Free Hearing Test, ilu jiġi provdut fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex minn Novembru 2021. Kien ġie introdott is-servizz ta’ Audiologist fuq bażi ta full-time. Is-servizz tal-Hearing Test li hu mingħajr ħlas, qed jigi pprovdut fi klinika specjaliżżata li tinsab fid-Dipartiment tal-Outpatients u kull persuna ta’ kull età tista tirriokori għal dan is-servizz billi tagħmel appuntament biex isirilha dan it-test.
Peress li l-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, Xjenza u l-Kultura (UNESCO) wissiet lil Malta li hemm ċans mija fil-mija li tsunami jolqot xtutha fi żmien 30 sena, jista’ l-Ministru jgħid jekk hux qed isiru l-istudji neċessarji biex il-breakwater li qed jiġi propost li jsir f’Marsalforn ikun tsunami-proof?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li waqt li avvenimenti naturali impossibbli jiġu mbassrin b’ċertezza jekk iseħħux illum, wisq inqas 30 sena oħra, l-impenn tal-Gvern li jiġġieled il-fenomenu tat-tibdil fil-klima hu kontinwu, kif riflessa anke f’politika li tħares għal għexieren ta’ snin fil-futur. Il-kontribut ta’ pajjiżna, anke jekk żgħir, se jkun rifless fis-sentejn li ġejjin fejn se jkun rappreżentat fil-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda, waqt li l-Prim Ministru nnifsu enfasizza fuq dan il-punt direttament fl-indirizz tiegħu fl-Assemblea Ġenerali tal-istess organizzazzjoni s-sena l-oħra u mill-ġdid f’Settembru li għadda.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2684 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrasturttura u l-Proġetti Kapital u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm nefaq fit-tiswija tal-lift ta' Bieb il-Belt minn mindu fetaħ għall-użu pubbliku? Jista' jgħid kemm-il darba kellu ħsara minn mindu fetaħ għall-użu pubbliku? Jista' jgħid ukoll jekk għandux il-ħsieb li l-lift jibqa' pubbliku?
Response (BONNICI, OWEN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2685 u li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ġustizzja u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm-il imputat ġie liberat mill-Qrati tal-Ġustizzja fl-aħħar sentejn minħabba problemi fin-notifika li jwasslu għall-preskrizzjoni tal-allegati reati?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Urban Improvement Fund u Development Planning Fund
Question
Jista' l-Ministru jelenka kemm daħlu flus fl-Urban Improvement Fund u fid-Development Planning Fund, fond b’fond u sena b’sena, mill-1 ta' Jannar 2013 sal-aħħar ta' Diċembru 2021, u liema kienu l-proġetti li ġew iffinanzjati minn dawn il-fondi? X'kien l-ammont ta' finazjament proġett proġett, fejn sar kull proġett u x'inhu l-istatus ta' kull proġett?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
Birżebbuġa – Triq ta’ Feliċjan – problema fil-livelli tat-triq
Question
Jista' l-Ministru jagħti spjegazzjoni dwar kif ser tissolva l-problema ta' livelli fi Triq Ta’ Feliċjan, Birżebbuġa? Jista’ jikkonferma li d-disinn tat-triq ġie mmodifikat sabiex tkun tista' tingħata assigurazzjoni lir-residenti kollha, speċjalment lil dawk li ilhom joqogħdu f'din it-triq (liema triq kellha isem ieħor) għal iżjed minn 30 sena, li mhux ser ikollhom problemi ta' għargħar jew drenaġġ?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħala parti mill-bini mill-ġdid ta’ Triq Ta’ Feliċjan, Infrastructure Malta qed tagħmel xogħlijiet estensivi tas-sistemi taħt l-art għas-servizzi tal-ilma u drenaġġ. Ser jinbnew ukoll bankini ġodda fejn meħtieġ u jissaħħew il-pedamenti qabel ma t-triq isirilha wiċċ ġdid b’diversi saffi t’asfalt. Il-livelli tat-triq ser isiru skont kif mogħtijin lill-aġenzija mill-Awtorità tal-Ippjanar, u l-qlib tat-triq ser isir direzzjoni lejn l-għelieqi biex jiġi evitat li l-ilma tax-xita jmur lejn il-bini. Huwa mmirat li x-xogħlijiet f’din it-triq jitlestew sa tmiem is-sena.
Jista' l-Ministru jelenka x-xogħlijiet li se jsiru fi Triq il-Port Ħieles, Birżebbuġa? Jista’ jgħid jekk hux se jsiru zebra crossings u traffic islands fil-junction ma’ Triq il-Girgħien? Jista’ jgħid ukoll jekk hux se jsiru traffic calming measures, u jekk iva fiex ser ikunu jikkonsistu?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Infrastructure Malta qed tibni mill-ġdid Triq il-Port Ħieles, f’Birżebbuġa u għaldaqstant ix-xogħlijiet li se jsiru huma estensivi. Dawn jinkludu tibdil ta’ sistemi taħt l-art għad-distribuzzjoni tas-servizzi tal-ilma, dawl u telekomunikazzjoni, titjib jew bini mill-ġdid tal-bankini, skont il-ħtieġa, qabel ma t-triq isirilha wiċċ ġdid b’diversi saffi ta’ asfalt. Fuq proposta tal-Kunsill Lokali u li ġiet approvata minn Transport Malta f’din it-triq se jsiru wkoll żewġ zebra crossings.
Tista' l-Ministru tgħid kemm-il tunnellata ta' skart riċiklabbli (borża griża u/jew ħadra) ttieħdu ġimgħa b'ġimgħa mill-impjant ta' Sant'Antnin għal-landfill mill-1 ta' Jannar 2022 sal-aħħar ta' Settembru 2022?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ebda skart irkuprat li hu riċiklabbli (borża griża u/jew ħadra) ma jittieħed fil-landfill iżda jinbiegħ fis-suq internazzjonali biex jiġi mdawwar fi prodotti oħra.
Tista' l-Ministru tikkonferma li l-Multi-Material Recovery Facility f'Ħal Far ser tkun qed topera matul ir-raba' kwart ta' din is-sena? Tista’ tippreżenta rapport dwar kif din il-faċilità ser tgħin biex noqorbu iżjed lejn Waste Framework Directive 2008/98/EC u telenka x'inhu l-pjan sabiex il-pajjiż ikun kompletament konformi ma’ din id-direttiva?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-Multi-Material Recovery Facility f’Ħal Far mistennija tkun qed topera sal-aħħar ta’ din is-sena. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-istrateġija tal-pajjiż dwar l-immaniġġar tal-iskart 2021-2030 li għandha twassalna biex nilħqu l-miri tagħna fir-rigward.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 2025, jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid fiex waslu t-taħditiet bejn il-Primary Health Care u l-Kunsill Lokali Birżebbuġa dwar fejn ser tkun il-Klinika fil-Komunità l-ġdida ta’ Birżebbuġa u meta ser tinfetaħ? Jekk il-lok diġà ntgħażel, dan huwa tal-Gvern jew tal-privat? Kemm-il post ta' parkeġġ hemm biswitu? Kemm ser ikun l-investiment inizjali? X'ser ikunu s-servizzi li ser ikunu offruti u meta ser ikunu l-ġranet u l-ħinijiet tal-ftuħ?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, bil-maqlub ta’ dak ħalliet l-aħħar amministrazzjoni Nazzjonalista, dan il-Gvern hu impenjat li jtejjeb il-kura fil-komunità, tant li għadu kemm infetaħ ċentru komunitarju għas-saħħa ġdid fl-Għarb, Għawdex, fost sensiela ta’ investimenti simili li saru fl-aħħar snin. Ngħarrfu wkoll li d-Dipartiment tal-Kura Primarja attwalment jinsab fil-proċess biex isib sit adekwat għal ċentru komunitarju ġdid f’Birżebbuġa.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar il-frekwenza tar-rotot 41 u 42, mit-Tramuntana ta’ Malta lejn il-Mosta? Jista' jara li tiżdied il-frekwenza ta' dawn ir-rotot fl-ewwel żewġ ħinijiet ta' filgħodu, hekk kif dawn il-buses qegħdin ikunu mimlija u ma jkunx possibbli li jintużaw mill-persuni li jkunu qegħdin jistennew fuq il-bus stops ta' San Pawl il-Baħar? Jista' jara li tiżdied rotta oħra biex ir-residenti ta' San Pawl il-Baħar jaslu fil-ħin fid-destinazzjoni li jkunu jridu jmorru fiha? Jista' jassigura li s-servizz ikun adegwat f'dawn il-ħinijiet sabiex jiġu evitati sitwazzjonijiet fejn għalkemm il-bus tkun mimlija, issir pressjoni fuq il-bus driver biex itella' iktar nies minħabba l-ammont kbir ta' persuni li jkunu qegħdin jistennew fil-lokalità ta' San Pawl il-Baħar?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fix-xitwa il-frekwenza tar-rotot 41 u 42, li miċ-Ċirkewwa tmur il-Belt Valletta, hija ta’ kull tletin minuta u għaldaqstant bejniethom ikun hemm frekwenza ta 15-il minuta. Il-frekwenza fis-sajf tiżdied għal kull għoxrin minuta fil-ħinijiet meqjusa bħala “peak”.
Ittieħdet nota ta’ suġġeriment li jiżdiedu il-frekwenzi sabiex jiġu ikkunsidratti fil-futur qarib. Ta’ min wieħed jinnota li Triq San Pawl u Triq Parades huma servuta ukoll mir-rotta 49 li ukoll tagħti konnessjoni ta’ kull siegħa għal Belt Valletta. Ma dawn ir-rottot, Triq Mosta tingħaqad ir-rotta 48 li ukoll tagħti konnesjoni lejn il-Belt Valletta. Din ir-rotta topera bi frekwenza ta’ kull tletin minuta.
San Pawl il-Baħar – Buġibba — Dawret il-Gżejjer – żbir ta’ pjanti u siġar
Question
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji sabiex jinżabru l-pjanti, siġar, eċċ li jinsabu f’Dawret il-Gżejjer, Buġibba, San Pawl il-Baħar, hekk kif minħabba fihom mhux qed ikun possibbli li n-nies ipoġġu fuq il-bankijiet li hemm fl-istess promenade kif ukoll qegħdin inaqqsu mill-wisa’ aċċessibbli tal-bankina, liema xogħol kien għadu ma sarx sa meta saret din id-domanda parlamentari?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li ġaladarba huwa rrakkomandat li ż-żbir tas-siġar u pjanti jsir fix-xhur tax-xitwa, dan ser isir fiż-żmien opportun.