B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 2746 dwar il-proġett tal-Fgura Adventure Park, jista’ l-Ministru ġentilment jipprovdi tweġiba?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għalkemm dan il-Ministeru m'għandu l-ebda proġett fis-sit indikat, għaddejja ħidma biex isir Adventure Park f'sit identifikat biswit il-Kumpless Sportiv tal-Kottonera li jinsab fi stat ta’ abbandun.
Dan huwa proġett fuq 20,000 metru kwadru li għandu jinbidel f’park li fih il-familji Maltin jistgħu jgawdu spazju mimli avventura għal kulħadd fosthom ziplines, walking trails, archery u strutturi tal-injam. Dan il-park se jkun mqassam f’diversi areas attrezzati għal etajiet differenti, aċċessibbli għal kulħadd, u se jinkludi wkoll atrazzjonijiet bl-ilma. Din ir-riġenerazzjoni se ssir b’tali mod li l-impatt fuq l-inħawi tal-madwar ikun wieħed minimu.
Jista’ l-Ministru jagħti l-aħħar tagħrif li għandu dwar il-manutenzjoni li hemm bżonn fil-Pjazza prinċipali ta’ Raħal Ġdid? Jista’ l-Ministru jagħti elenku tat-tiswijiet li saru s’issa? Kemm swew dawn it-tiswijiet s’issa? Jista’ jelenka x-xogħlijiet ta’ tiswija li għad hemm bżonn isiru u kemm hija l-ispiża totali li hemm bżonn sabiex isir ix-xogħol kollu? Jista’ jippreżenta r-rapporti li għandu dwar il-ħsarat li hemm fil-pjazza? Dan ix-xogħol kien kopert b’garanzija? Jekk iva, għaliex ma tranġax immedjatament bil-garanzija?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tagħmel il-mistoqsija tagħha lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' binjiet/strutturi, maqsuma lokalità b’lokalità, li l-Awtorità tal-Ippjanar skedat matul dawn l-aħħar ħames snin?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Matul dawn l-aħħar ħames snin (2017-2022) skont il-Website tal-Awtorità tal-Ippjanar, ġew skedati 227 Binjiet/strutturi maqsumin bejn dawn il-lokalitajiet:
Bormla, 4; Għajnsielem, 1; Ħad-Dingli, 1; Ħal Balzan, 1; Ħal Ghaxaq, 2; Ħal Lija, 1; Ħal Tarxien, 4; Ħ'Attard, 2; Il-Belt Valletta, 3; Il-Birgu, 2; Il-Gudja, 1; Il-Gżira, 5; Il-Marsa, 3; Il-Mellieħa , 1; Il-Qrendi, 1; In-Naxxar, 2; Ir-Rabat, 34; Ir-Rabat (G), 1; Is-Siġġiewi, 1; Ix-Xagħra, 1; Ix-Xewkija, 1; Iż-Żejtun, 3; L-Gharb, 1; L-Imqabba, 1; L-Imsida, 8; Paola, 1; San Ġiljan, 2; San Ġwann, 2; San Lawrenz , 1; Tal-Pieta, 10; Tas-Sliema , 126.
Jista’ l-Ministru jgħid x’kien in-numru ta’ permessi mitluba minħabba strutturi perikolużi (dangerous structures) li l-Awtorità tal-Ippjanar ħarġet f’dawn l-aħħar ħames snin?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
L-Awtorità tal-Ippjanar approvat (kompletament jew parzjalment) elf ħames mija u ħamsa u erbgħin (1,545)-il applikazzjoni ta’ din it-tip f’dawn l-aħħar ħames snin.
Għawdex – Tilqim tal-influwenza u tal-Omicron Booster
Question
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jikkonferma minn fejn ser jingħataw it-tilqim tal-influwenza u l-Omicron Booster ġewwa Għawdex? Se jingħataw b'kollaborazzjoni mal-Kunsilli Lokali, bħal snin preċedenti?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi t-tilqim tal-influwenza u l-Omicron Booster ġewwa Għawdexse jingħataw mix-Xewkija u l- Għarb Community Centres u minn Victoria Health Centre.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm ħaddiema maċ-Ċivil full-time/part time, maqsuma xahar b'xahar fis-snin 2011, 2012, 2016, 2017 u minn Jannar tal-2021 sal-lum?
Response (CARUANA, CLYDE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Bajja ta' Lapsi — installazzjoni ta' lift fin-niżla
Question
Jista' l-Ministru jikkonsidra l-istallazzjoni ta' lift fin-niżla għall-bajja ta' Lapsi għall-persuna b'nuqqas ta' mobilità?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Il-bajja hija responsabbiltà tal-Kunsill Lokali u fil-każ li l-kunsill iressaq talba biex tali proġett jiġi esplorat, it-talba tiġi kkunsidrata mal-kunsill u l-entitajiet kollha involuti.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 337 u jagħti rendikont tal-ammont ta’ konsulenzi li tħallsu mill-Ministeru? Lil min ingħataw u f’liema ammonti ngħataw bejn l-2017 u l-2022? Jista’ jgħid min huma l-konsulenti u b’liema proċess ġew maħtura konsulenti? Jista’ jgħid ukoll x’tip ta’ servizz taw u x’tip ta’ kuntratti kienu?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposti tal-mistoqsijiet parlamentari 12787, 16259 u 17927 tal-leġiżlatura preċedenti, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni għas-snin 2021 u 2022.
Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża — konsulenzi
Question
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlametari 338 u tagħti rendikont tal-ammont ta’ konsulenzi li tħallsu mill-Ministeru? Lil min ingħataw u f’liema ammonti ngħataw bejn l-2017 u l-2022? Tista’ tgħid min huma l-konsulenti u b’liema proċess ġew maħtura konsulenti? Tista’ tgħid ukoll x’tip ta’ servizz taw u x’tip ta’ kuntratti kienu?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni dwar servizzi ta’ konsulenza mitluba tiġi ppubblikata kull sitt 6 xhur fuq il-gazzetta tal-Gvern.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 339 u jagħti rendikont tal-ammont ta’ konsulenzi li tħallsu mill-Ministeru? Lil min ingħataw u f’liema ammonti ngħataw bejn l-2017 u l-2022? Jista’ jgħid min huma l-konsulenti u b’liema proċess ġew maħtura konsulenti? Jista’ jgħid ukoll x’tip ta’ servizz taw u x’tip ta’ kuntratti kienu?
Response (CARUANA, CLYDE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 339.
Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni — konsulenzi
Question
Jista’ l-Ministru u/jew Segretarju Parlamentari jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 340 u jagħti rendikont tal-ammont ta’ konsulenzi li tħallsu mill-Ministeru bejn l-2017 u l-2022? Lil min ingħataw u f’liema ammonti ngħataw? Jista’ jgħid min huma l-konsulenti u b’liema proċess ġew maħtura konsulenti? Jista’ jgħid ukoll x’tip ta’ servizz taw u x’tip ta’ kuntratti kienu?
Response
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
Jista’ l-Prim Ministru, permezz tas-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, jagħti aġġornament ta’ x’valutazzjoni ta’ impatt sar, qiegħed isir, jew se jsir dwar it-traspożizzjoni tad-Direttiva 2019/1158 dwar il-Bilanċ bejn ix-Xogħol u l-Ħajja Privata, liema direttiva għandha tiġi implimentata sa mhux aktar tard mit-2 ta’ Awwissu ta’ din is-sena?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab infurmat li bħal f’kull każ ieħor, il-valutazzjoni ta’ impatt dwar it-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva msemmija kien parti mill-proċess tal-implimentazzjoni u t-traspozizzjoni tal-istess Direttiva, skont il-proċeduri tal-Gvern.
Uffiċċju tal-Prim Ministru – laqgħat u konsultazzjonijiet ma’ organizzazzjonijiet pertinenti
Question
Jista’ l-Prim Ministru, permezz tas-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, jagħti lista ta’ laqgħat u konsultazzjonijiet li saru s’issa ma’ organizzazzjonijiet pertinenti, jiġifieri mas-soċjetà ċivili, ma’ assoċjazzjonijiet tal-ħaddiema, u ma’ assoċjazzjonijiet ta’ min iħaddem u ma’ kwalunkwe entità oħra interessata, dwar l-implimentazzjoni tad-drittijiet fid-Direttiva 2019/1158 dwar il-Bilanċ bejn ix-Xogħol u l-Ħajja Privata?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern daħal f’sensiela ta’ laqgħat matul fix-xhur u s-snin li għaddew fil-fora relevanti, inkluż fil-Bord dwar ir-Relazzjonijiet dwar l-Impiegi u anke b’mod individwali ma’ rappreżentanti ta’ ħaddiema u ta’ min iħaddem, biex b’hekk seta’ jintlaħaq l-aħjar bilanċ bejn iż-żewġ partijiet.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 608 u jgħid jekk hux qed isiru spezzjonijiet biex jiġi assigurat li ma jiddaħħlux prodotti importati minn barra l-pajjiż fil-Pitkalija? Kemm saru spezzjonijiet minn meta l-Pitkalija għaddiet taħt din l-Aġenzija sad-data li qed tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Kien hemm okkażjonijiet fejn instab li kienu qegħdin jiddaħħlu prodotti importati minn barra l-pajjiż fil-Pitkalija? X'miżuri ttieħdu fil-konfront ta' min jinqabad idaħħal dawn il-prodotti importati minn barra l-pajjiż fil-Pitkalija?
Response
Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara ħidma kontinwa, f’Ġunju li għadda l-Aġenzija fetħet uffiċjalment Unità tas-Sorveljanza. Dan l-uffiċċju għamel numru ta’ spezzjonijiet fil-Pitkalija fuq ix-xogħol li jidħol u jinbiegħ lix-xerrejja; għand il-bdiewa f’Malta u f’Għawdex u fis-Suq tal-Bdiewa. Kien hemm numru ta’ każijiet li ġew segwiti iktar mill-qrib u fejn tkompliet iktar investigazzjoni. Għalkemm sal-lum ma kien hemm l-ebda każ ikkonfermat ta’ xogħol impurtat li ddaħħal ġewwa l-Pitkalija, il-ħidma tal-Unità twassal messaġġ ċar li l-kontrolli qed isiru kontinwament.
Fejn ikun hemm il-bżonn, l-Aġenzija ser tkun qed timplimenta l-miżuri maħruġa mil-liġijiet rispettivi u l-proċeduri interni stabbiliti.
Spezzjonijiet li saru sa issa:
21 spezzjonijiet ta’ traċċabilità fl-għelieqi fejn jiġu mkabbra l-uċuħ
104 spezzjonijiet fil-Pitkalija għand l-Aġenti
29 spezzjonijiet fis-Swieq tal-Bdiewa.
Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali – studenti li ggradwaw mill-MCAST
Question
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 144, peress li parti mill-mistoqsija ma kinetx qed titlob l-esperjenza li jingħataw waqt li għadhom studenti, iżda fuq x’ħidma jagħmel il-Ministeru biex wara li jiggradwaw, dawn il-persuni jinstabilhom xogħol skont il-kwalifiki li jkunu ġabu, jista' l-Ministru jwieġeb f'dan ir-rigward?
Response
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi t-tweġiba kienet diġà mogħtija fl-ewwel parti tar-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari 144.
Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-annimali – studenti li ggradwaw mill-MCAST
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 145 u jgħid kemm ġew impjegati persuni li ggradwaw f’xi wieħed mill-korsijiet offruti mill-MCAST (Istitut tax-Xjenzi Applikati) fl-entitajiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu bejn Jannar 2010 u Diċembru 2021?
Response
Nerġa' ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Ministeru li tiegħu jiena responsabbli, inkluż l-entitajiet, minn żmien għal żmien joħorġu sejħiet għall-applikazzjoni b’talba għall-kwalifiki speċifiċi u/jew tekniċi skont in-natura tal-postijiet vakanti, skont il-manual tal-PSMC.
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 146, jista' l-Ministru jgħid meta u lil min ġew proposti d-diversi miżuri finanzjarji u fiskali u x’inhuma t-timeframes għat-tħejjija tal-pjan ta’ implimentazzjoni li semma l-Ministru?
Response
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta għall-mistoqsija parlamentari 146 tirreferi għall-proposti li l-Partit Laburista ppropona fil-Manifest Elettorali u li issa dawn ser jidħlu fil-pjan tal-Gvern għal din il-leġiżlatura. Kif diġà infurmajt, il-Ministeru li tiegħu jien responsabbli ser inkun qed iħejji pjan ta’ implimentazzjoni.
Peress li l-bdiewa Għawdxin qed jaħlu ħafna ħin jistennew il-Pitkalija biex jieħdu l-kaxxi tal-Pitkalija lura magħhom Għawdex, jista’ l-Ministru jara li jsir depot apposta għall-kaxxi tal-Pitkalija f’Għawdex stess u l-bdiewa Għawdxin jibdew jiġbru dawn il-kaxxi minn Għawdex?
Response
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Malta Food Agency diġà ħadet passi sabiex bdiewa Għawdxin ma jdumux jistennew il-kaxxi mid-depot tal-Pitkalija.