Tista’ l-Ministru tagħti tagħrif dwar kemm hu l-ammont ta’ drenaġġ li preżentament qed jiġi ttrattat u kemm hu l-ammont massimu previst li jista’ jiġi ttrattat mill-impjant tat-Trattament tad-Drenaġġ fiċ-Ċumnija, il-Mellieħa? Tista’ tgħid kemm hu maħsub li jiżdied l-ammont ta’ drenaġġ li ser jiġi ttrattat, sena b’sena, matul is-snin li ġejjin mill-istess impjant, speċjalment minħabba l-probabilità ta’ żieda qawwija fil-popolazzjoni fil-lokalitijiet li minnhom jasal id-drenaġġ f’dan l-impjant? X’passi se jittieħdu biex jiġi assigurat li matul is-snin li ġejjin l-impjant ilaħħaq mad-domanda għal trattament tad-drenaġġ li jasal fih? Tista’ tgħid jekk dan l-impjant hux maħsub li jitkabbar jew jiġi upgraded? Jekk iva, meta hu maħsub li jibda u jitlesta dan ix-xogħol?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li fl-2021, l-impjant imsemmi tratta medda ta’ ftit inqas minn 8,800 metru kubu ta’ drenaġġ kuljum. Il-massimu li bħalissa jiflaħ l-impjant hu ta’ 10,000 metru kubu kuljum. L-istimi eżistenti jindikaw li sal-2030, l-impjant jista’ jkun qed jirċievi medja ta’ bejn it-13,000 u l-15,000 metru kubu ta’ drenaġġ kuljum.
Madankollu, ninsab infurmata li f’dan l-istadju wieħed ma jistax jagħti stima annwali b’mod preċiż għax ix-xejriet tal-aħħar snin kienu impattati mil-pandemija.
Fil-preżent il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għaddejja bi tħejjijiet sabiex l-impjant imsemmi u kif ukoll is-sistema tad-drenaġġ fit-tramuntana ta’ Malta jsirilhom titjib sostanzjali sal-2025. Dawn l-interventi se jibdew is-sena d-dieħla.
Awtorità tal-Ippjanar – reviżjoni parzjali ta’ local plans
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il reviżjoni parzjali tal-local plans saret mill-Awtorità tal-Ippjanar (jew mill-MEPA), mill-2013 sal-lum? Min talab għal dawn ir-reviżjonijiet, ċjoè jekk, f'kull każ, kinux individwi jew kumpaniji privati, jew inkella xi entità tal-Gvern eċċ. li talbu għal dawn ir-reviżjonijiet? Fejn jinsabu l-postijiet li saru r-reviżjonijiet fuqhom? X'kienu r-reviżjonijiet li fil-fatt seħħew? Kemm hemm talbiet għal reviżjoni li għadhom pendenti, u għal liema lokalitajiet?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
Birżebbuġa – Skola Primarja (Kulleġġ San Benedittu) – nuqqas ta’ indafa
Question
Peress li kien hemm numru ta’ lmenti dwar in-nuqqas ta' indafa u telqa li hemm fl-Iskola Primarja ta' Birżebbuġa (Kulleġġ San Benedittu), jista' l-Ministru jgħid x'qed isir dwar dan? Jekk mhu qed isir xejn, jista’ jara li tittieħed azzjoni mingħajr dewmien żejjed?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Nassigura lill-Onor. Interpellant li l-iskola msemmija ma tinsabx fi stat ta’ abandun. Il-Ministeru, permezz ta’ uffiċjali responsabbli mill-manutenzjoni tal-Kulleġġ u dawk responsabbli mit-tindif, jgħamel spezzjonijiet b’mod regolari biex jaċċertaw li l-iskola tinżamm fi stat tajjeb u li titnaddaf b’mod regolari. Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul is-sajf sar ukoll xogħol estensiv li jinvolvi tibjid, kisi u tiswijiet neċessarji.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni reġistrati bħala bdiewa full-time u part-time, tul dawn l-aħħar għaxar snin u possibbilment sena b’sena?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni ser tingħata f'xi seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni reġistrati bħala bdiewa full-time u part-time, residenti Ħal Qormi tul dawn l-aħħar għaxar snin u possibbilment sena b’sena?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni ser tingħata f'xi seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni reġistrati bħala bdiewa full-time u part-time, residenti Ħal Luqa tul dawn l-aħħar għaxar snin u possibbilment sena b’sena?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni ser tingħata f'xi seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni reġistrati bħala bdiewa full-time u part-time, residenti s-Siġġiewi, tul dawn l-aħħar għaxar snin u possibbilment sena b’sena?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni ser tingħata f'xi seduta oħra.
Iż-Żurrieq – Kunsill Lokali – Vjal Blue Grotto — xogħlijiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Kunsill Lokali taż-Żurrieq kienx infurmat bix-xogħlijiet ta' tħaffir li saru fi Vjal Blue Grotto, iż-Żurrieq bejn Triq tal-Ġonna u Triq l-Imqabba peress li din it-triq ingħatalha wiċċ ġdid tat-tarmak reċentement? Jekk il-Kunsill Lokali ma kienx ikkonsultat, x'inhi r-raġuni għan-nuqqas ta' konsultazzjoni meta jsir dan it-tip ta' xogħol fit-toroq li jaqgħu taħt ir-responsabilità tagħhom?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’riferenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 2949 din għandha tiġi riferuta lill-Ministeru kkonċernat.
Iż-Żurrieq – Kunsill Lokali – Vjal Blue Grotto — xogħlijiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Kunsill Lokali taż-Żurrieq kienx infurmat bix-xogħlijiet ta' tħaffir li saru fi Vjal Blue Grotto, iż-Żurrieq bejn Triq tal-Ġonna u Triq l-Imqabba peress li din it-triq ingħatalha wiċċ ġdid tat-tarmak reċentement? Jekk il-Kunsill Lokali ma kienx ikkonsultat, x'inhi r-raġuni għan-nuqqas ta' konsultazzjoni meta jsir dan it-tip ta' xogħol fit-toroq li jaqgħu taħt ir-responsabilità tagħhom?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien mgħarraf mill-Kunsill Lokali taż-Żurrieq li meta ntalbet l-informazzjoni lill-ħaddiema tal-Enemalta dwar dawn ix-xogħlijiet, irriżulta li kien każ b’urġenza fuq ħsarat li jirrigwardjaw infrastruttura tal-istess entità.
Ħal Far – Riħa minn fabbrika li tipproċessa fdalijiet ta’ ħut
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu mill-Malta Industrial Parks & Hubs u mill-INDIS Malta Ltd biex tkun investigata riħa insapportabbli li ħierġa minn fabbrika li tipproċessa fdalijiet ta' ħut li tinsab fiż-Żona Industrijali ta' Ħal Far, li qiegħda taffettwa ħażin ħafna kemm lil min jaħdem f'din iż-żona industrijali kif ukoll lir-residenti ta' Birżebbuġa?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-INDIS ħadet passi immedjati hekk kif feggħet din is-sitwazzjoni u avvicinat lis-sidien tal-fabbrika ikkoncernata. Qegħdin jigu studjati rimedji sabiex eventwalment tigi eliminata il-problema għal kollox fil-futur immedjat.
Ħal Far – Riħa minn fabbrika li tipproċessa fdalijiet ta’ ħut
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x' passi ttieħdu mill-Ministeru tiegħu biex tkun investigata riħa insapportabbli li ħierġa minn fabbrika li tipproċessa fdalijiet ta' ħut li tinsab fiż-Żona Industrijali ta' Ħal Far li qiegħda taffettwa ħażin ħafna kemm lil min jaħdem f'din iż-żona industrijali kif ukoll lir-residenti ta' Birżebbuġa?
Response (REFALO, ANTON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru kkonċernat.
ERA – Ilmenti dwar irwejjaħ mill-impjant tal-Aquaculture Resources Ltd
Question
Tista' l-Ministru tinforma lill-Kamra kemm-il ilment irċeviet l-ERA dwar irwejjaħ insapportabbli ta' ħut minn mindu beda jopera l-Impjant tal-Aquaculture Resources Ltd? Kemm-il spezzjoni saret mill-ERA f'dan l-impjant, inkluż wara li rċeviet l-ilmenti dwar l-irwejjaħ? X'kien ir-riżultat tal-investigazzjonijiet? X'azzjoni ħadet l-ERA?
Response (DALLI, MIRIAM)
L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi qed tinvestiga rapporti ta’ rwejjaħ li rċeviet mingħand residenti u postijiet tax-xogħol madwar Birżebbuġa, kif ukoll mingħand il-Kunsill Lokali. L-uffiċjali ta’ l-Awtorità wettqu u għadhom qed jagħmlu sensiela ta’ spezzjonijiet ta’ monitoraġġ fl-inħawi. Dawn jinkludu monitoraġġ fuq l-impjant il-ġdid tal-ħut fiż-żona industrijali ta’ Ħal Far, li bħalissa jinstab fil-fażi ta’ ‘commissioning’ sabiex fi ftit jiem oħra, l-apparat kollu u s-sistemi ta’ mitigazzjoni jkunu operazzjonali. L-Awtorità qed issegwi dan il-proċess sabiex dan jitlesta malajr kemm jista’ jkun.
L-Awtorità qiegħda wkoll tagħmel spezzjonijiet f’żoni oħrajn li jistgħu jkunu kawża ta’ rwejjaħ, inkluż fuq mollijiet u impjanti ta’ akkwakultura li jistgħu jikkontribwixxu għall-irwejjaħ, biex jiġi kkonfermat illi l-miżuri ta’ mitigazzjoni neċessarji għall-kontroll tal-irwejjaħ huma implimentati. L-Awtorità ħarġet ukoll istruzzjonijiet lill-operatur ta’ fish farm fil-viċinanzi sabiex jassigura li l-attivitajiet mal-moll jinżammu tajjeb u mingħajr irwejjaħ, hekk kif dawn ukoll jistgħu jilħqu żoni residenzjali fil-viċin minħabba rjieħ prevalenti.
L-ERA ser tkompli twettaq spezzjonijiet ta’ monitoraġġ f’din iż-żona f’dawn il-jiem.
Dipartiment tal-Edukazzjoni – purtinara, cleaners u ħaddiema oħrajn
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il purtinar/a, cleaners u/jew persuni li jagħmlu l-istess xogħol huma impjegati mad-Dipartiment tal-Edukazzjoni u kemm huma impjegati tal-kuntrattur/i imma li qegħdin jaħdmu għad-Dipartiment tal-Edukazzjoni? Jista' jelenka l-ogħla rata ta’ ħlas fis-siegħa, l-inqas rata fis-siegħa u r-rata medja fis-siegħa ta' dawk ingaġġati direttament mad-dipartiment u dawk ingaġġati indirettament permezz ta' kuntrattur u li jagħmlu xogħol ta' purtinara/cleaners?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra fiex wasal ir-restawr tal-Mitħna tax-Xarolla wara li ġarrbet ħsara bl-irjieħ qawwija ta' seba’ xhur ilu?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninsab infurmat li matul l-aħħar xhur, inxtara l-materjal meħtieġ (antarjoli) u bdew jinħadmu l-arbli tal-antinni għand il-kuntrattur. Dan ix-xogħol jikkonsisti f’toqob, qlib u tejper li mistenni jkun lest sa tliet ġimgħat oħra. Fid-Direttorat għall-Manifattura u s-Servizzi nħadmu l-ventijiet tal-injam li jgħaqqdu l-paletti u li jintramaw mal-arbli biex jinbnew l-antinni.
Fil-proċess ta’ żarmar tal-apparat tal-mitħna minn ġewwa, kien instab li x-xaft prinċipali kien ittiekel ħafna, anke peress li l-aħħar li nbidel kien madwar 30 sena ilu. Minkejja l-isforzi li saru, id-Direttorat għadu qed ifittex kuntrattur li jista’ jimporta l-materjal meħtieġ (zokk tal-iroko twil 17-il pied bi 15-il pulzier wisa’) għax-xaft prinċipali peress li lokalment l-ebda kuntrattur m’għandu materjal b’dawn il-qisien.
Fil-frattemp qed isir xogħol ta’ manutenzjoni fuq l-aperturi tal-mitħna u l-bankijiet tal-madwar.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jippreżenta lista ta' fuels li jintużaw f'kull wieħed mill-isptarijiet tal-Gvern, għaliex jintużaw u x'kienet il-kwantità użata kull sena mill-1 ta' Jannar, 2013 sal-31 ta' Dicembru, 2021?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni għada qed tinġabar.
Tista' l-Ministru tgħid jekk l-Impjant tat-Tisfija tad-Drenaġġ li hemm fil-Qasam Industrijali ta' Ħal Far hux qiegħed ikkomunikat mas-sistema tad-drenaġġ? Jista’ jgħid jekk hux qiegħed jintuża b'xi mod u jekk hemmx mod kif ilma minn dan l-impjant qed imur fil-baħar? Jekk l-impjant mhux qed jintuża, hemm xi ħsieb dwar x'se jsir minnu u jekk jistax jitneħħa ħalli l-area tiġi fl-istat oriġinali tagħha?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-impjant tat-tisfija tad-drenaġġ f’Ħal Far mhuwiex operabbli u lanqas ma huwa mqabbad mas-sistema tad-drenaġġ.
Id-drenaġġ iġġenerat fil-Qasam Industrijali jiġi interċettat minn pumping station li hija mqabbda mas-sistema tad-drenaġġ u b’hekk l-ebda ilma ma jista’ jmur il-baħar mill-impjant. Jekk jintużax l-impjant fil-futur se jiddependi fuq diversi fatturi fosthom ir-riżultat ta’ eżerċizzju ta’ reviżjoni tad-Direttiva dwar it-Trattament Tad-Drenaġġ (91/271/EC), proċess li se jiġi mniedi mill-Kummissjoni Ewropea fix-xhur li ġejjin u li se jieħu madwar sentejn biex jiġi konkluż.
Għaldaqstant l-impjant mhuwiex maħsub li jitneħħa fil-futur prevedibbli.
Żoni Industrijali – charging points għal vetturi elettriċi
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm saru charging points għall-vetturi elettriċi fiż-żoni industrijali, fejn saru u jekk hemmx ħsieb li jiżdiedu?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li bħalissa hemm tliet pilastri pubbliċi tal-iċċarġjar ġewwa żoni industrijali u dawn joffru żewġ punti tal-iċċarġjar kull wieħed. Dawn jinsabu fiż-żoni industrijali ta’ Bulebel, Ħal Far u Kordin u jammontaw għal total ta’ sitt punti pubbliċi tal-iċċarġjar.
Sal-aħħar tas-sena huwa ppjanat li jiġu istallati sitt pilastri pubbliċi tal-iċċarġjar oħra ġewwa ż-żoni industrijali tax-Xewkija Għawdex kif ukoll fis-Central Business District ġewwa l-Imrieħel. Dan ifisser li sal-aħħar tas-sena komplessivament se jkun hawn tmintax-il punt pubbliku tal-iċċarġjar ta’ vetturi elettriċi ġewwa żoni industrijali.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk għandux il-ħsieb li dawk il-lokalitajiet li għandhom ġurnata waħda biss fil-ġimgħa li fiha jsir il-ġbir tal-borża tal-iskart domestiku riċiklat jibdew jirċievu dan is-servizz għal aktar minn darba fil-ġimgħa?
Response (BONNICI, OWEN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.
Iż-Żurrieq – Blue Grotto Avenue — xogħlijiet ta’ tqattigħ
Question
B'referenza għax-xogħlijiet ta' tqattigħ li saru fi Blue Grotto Avenue ġewwa ż-Żurrieq fis-siegħa ta’ wara nofsinhar ta’ nhar il-Ġimgħa 7 ta' Ottubru 2022, tista’ l-Ministru tispjega għalfejn il-Kunsill Lokali taż-Żurrieq ma kienx infurmat b'dawn ix-xogħlijiet? Tista’ tgħid għaliex il-Kunsill Lokali ma ntalabx permess jew tal-inqas No Objection sabiex isir dan ix-xogħol? X'kienet ir-raġuni għal dawn ix-xogħlijiet?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li x-xogħol li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant kien xogħol ta’ emerġenza biex tissewwa ħsara imprevista f’cable tal-elettriku u allura, kif inhu permissibbli f’ċirkostanzi bħal dawn, kienet segwita l-proċedura ta’ emerġenza. F’każijiet bħal dan jinħarġu permessi apposta minn Transport Malta.
F’ċirkostanzi normali l-Kunsilli Lokali dejjem ikunu infurmati meta jkun ser isir tħaffir fil-lokalità tagħhom u x-xogħol ikun skedat mal-programm tax-xogħlijiet li jkunu ser isiru fil-lokal.
Iż-Żurrieq – Blue Grotto Avenue — xogħlijiet ta’ tqattigħ
Question
B'referenza għax-xogħlijiet ta' tqattigħ li saru fi Blue Grotto Avenue ġewwa ż-Żurrieq fis-siegħa ta’ wara nofsinhar ta’ nhar il-Ġimgħa 7 ta' Ottubru 2022, jista’ l-Ministru jispjega għalfejn il-Kunsill Lokali taż-Żurrieq ma kienx infurmat b'dawn ix-xogħlijiet? Jista’ jgħid għaliex il-Kunsill Lokali ma ntalabx permess jew tal-inqas No Objection sabiex isir dan ix-xogħol? X'kienet ir-raġuni għal dawn ix-xogħlijiet?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’riferenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 3023 din għandha tiġi riferuta lill-Ministeru kkonċernat.