Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ħal Far – Riħa minn fabbrika li tipproċessa fdalijiet ta’ ħut

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x' passi ttieħdu mill-ERA biex tkun investigata riħa insapportabbli li ħierġa minn fabbrika li tipproċessa fdalijiet ta' ħut li tinsab fiż-Żona Industrijali ta' Ħal Far li qiegħda taffettwa ħażin ħafna kemm lil min jaħdem f'din iż-żona industrijali kif ukoll lir-residenti ta' Birżebbuġa? Tista’ tgħid jekk din il-fabbrika li tipproċessa fdalijiet ta' ħut hix tiffunzjona skont l-Environmental Permit maħruġ lilha mill-ERA?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 2997.

Riforma fil-Qasam tar-Raba’ – Proposta Nru 1 – Assigurazzjoni dwar użu għal skop agrikolu

Question

Jista’ l-Ministru jelabora fuq proposta Nru 1 (ii) tal-White Paper dwar ir-Riforma fil-Qasam tar-Raba’ li tagħmel referenza għall-assigurazzjoni li tinkiseb mill-awtorità li r-raba’ tibqa' tinħadem għall-iskop agrikolu tiegħu? Kif se jsir dan il-monitoraġġ? X'se jiddefinixxi użu għal skop agrikolu?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-iskop tal-White Paper hu li tipproponi qafas u tagħti direzzjoni b’viżjoni fit-tul ta’ kif il-pussess tal-art agrikola għandu jkun imħares. Din il-White Paper ġiet imnedija għall-konsultazzjoni pubblika sabiex naraw kif il-prinċipji u l-proposti jkunu milqugħa minn dawk il-partijiet interessati u niksbu opinjonijiet u suġġerimenti ta’ kif din ir-riforma għandha tiġi implimentata. Niġbed l-attenzjoni li l-ewwel proposta tinkludi t-twaqqif ta’ Awtorità responsabbli minn dan il-qasam u li din ser tkun qed tiġi fdata sabiex timplimenta din ir-riforma billi tistabbilixxi l-miżuri ta’ kontroll u inċentivi, inkluż dawk li hemm referenza għalihom fil-White Paper. Għalhekk, huwa prematur li jingħataw dettalji f’dan l-istadju.

Riforma fil-Qasam tar-Raba’ – Proposta Nru 4 – Kategoriji ta’ Standard Output

Question

Jista' l-Ministru jelabora fuq proposta Nru 4 tal-White Paper dwar ir-Riforma fil-Qasam tar-Raba’ li tgħid li se jinħolqu kategoriji differenti fil-konfront tal-iStandard Output tal-bdiewa? X'se jkunu l-parametri li jiddefinixxu kategorija minn oħra?

Response (REFALO, ANTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 2965.

Riforma fil-Qasam tar-Raba’ – proċess ta’ evalwazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jindika l-proċess ta' evalwazzjoni li qed jiġi propost biex jintuża mill-Awtorità proposta fil-White Paper dwar ir-Riforma fil-Qasam tar-Raba’? Min qed jipprepara dan il-proċess ta' evalwazzjoni u x'esperjenza għandu fil-qasam tal-evalwazzjonijiet?

Response (REFALO, ANTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 2965.

Riforma fil-Qasam tar-Raba’ — xiri ta’ raba’ agrikola mingħand il-privat

Question

B’referenza għall-White Paper dwar ir-Riforma fil-Qasam tar-Raba’, jista’ l-Ministru jgħid fuq liema bażi l-Awtorità mwaqqfa mill-Gvern skont punt 6 tal-imsemmija White Paper tista' tiġi offruta tixtri mingħand il-privat raba’ agrikola?

Response (REFALO, ANTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 2965.

Riforma fil-Qasam tar-Raba’ – Punt Nru. 6

Question

Jista’ l-Ministru jelabora fuq punt 6 tal-White Paper dwar ir-Riforma fil-Qasam tar-Raba’ li jgħid li l-privat jista’ joffri r-raba’ tiegħu għall-bejgħ lill-Awtorità proposta fl-istess White Paper f'punt Nru 1? Dan ifisser li din l-Awtorità se jkollha diskrezzjoni tixtrix l-art jew le? Jekk iva, abbażi ta' xiex tiddeċiedi tixtrix? Biex l-Awtorità tixtri r-rabà minghand il-privat irid ikun hemm kunsens mis-sid ta' dan ir-raba’ li jkun irid ibigħ lill-Awtorità, jew l-Awtorità tista’ tobbliga lis-sid biex ibigħilha r-raba’?

Response (REFALO, ANTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 2965.

Siġġiewi-Ħaż-Żebbuġ junction — studji

Question

Peress li residenti Siġġiwin jinsabu mħassba rigward xogħol li tħabbar li se jsir fil-junction Siġġiewi-Ħaż-Żebbuġ, jista’ l-Ministru jgħid xi studji saru dwar dan? Saret junction analysis kif suppost jew microsimulation biss? Min hu f’awtorità ħa inkonsiderazzjoni l-attività kummerċjali fiż-żona? Jekk saru l-istudji, jista’ jippubblikahom?

Response (FARRUGIA, AARON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2192.

Mellieħa, Naxxar u San Pawl il-Baħar – Tilqim tal-influwenza u tal-COVID-19

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħti tagħrif dwar minn fejn jistgħu jieħdu t-tilqima tal-influwenza u t-tilqima kontra l-virus tal-COVID-19 ir-residenti tal-Mellieħa, Naxxar u San Pawl il-Baħar b’mod separat għar-residenti ta’ kull lokalità u għal kull vaċċin? Meta hu possibbli li wieħed jagħmel dan għal etajiet differenti? Jista’ jgħid jekk hemmx ħsieb li jiżdiedu l-postijiet minn fejn ir-residenti msemmija jistgħu jieħdu dawn it-tilqimiet?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-Tilqima tal-Influenza Staġjonali u dik tal-COVID Booster ser jingħataw miċ-Ċentri tas-Saħħa u mill-Klinici tal-Komunità skont il-Programm li ġie mħejji apposta . Residenti tal-Mellieħa u Naxxxar jistgħu jmorru fil- lokalità tagħħom stess u residenti ta' San Pawl il-Baħar jistgħu jmorru l-klinika tal-Mosta skont l-iskeda mħabbra fuq il-medja soċjali.

Manikata direzzjoni lejn ix-Xemxija – tqegħid ta’ mains tal-ilma

Question

Billi matul l-aħħar xhur saru xogħlijiet ta’ tqegħid ta' numru ta' mains tal-ilma mill-Manikata fid-direzzjoni tax-Xemxija u billi partijiet minn dawn il-mains ilhom ix-xhur li tqiegħdu mingħajr ma ngħata l-wiċċ finali tat-triq fejn saru dawn ix-xogħlijiet, bil-konsegwenza li qed jirriżulta periklu għas-sewwieqa li jgħaddu minn dawn l-inħawi, tista' l-Ministru tieħu l-passi neċessarji biex fejn hemm il-gandott li fih tqiegħdu l-mains, fil-fatt jingħata wiċċ ġdid?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li ix-xogħol f’din it-triq għadu għaddej, u miexi skont il-programm mibgħut u kkonfermat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma.

Servizz Respite fid-Dar

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 2546, jista’ l-Ministru jgħid kemm ilhom pendenti l-każijiet għas-servizz 'Respite fid-Dar'? Jista' jgħid ukoll x'inhu jsir biex jiġu ingaġġati aktar carers sabiex l-anzjani jkunu jistgħu jieħdu dan is-servizz mingħajr dewmien?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li fil-preżent hawn 34 jistennew biex jingħataw is-servizz Respite fid-Dar. In-numru naqas minn mindu ġiet imwieġba l-Mistoqsija Parlamentari Nru 2546 fis-Seduta 29 tal-5 ta’ Ottubru billi xi każijiet ġew solvuti. Il-pendenza tal-każijiet ġodda xahar b’xahar tinsab fit-Tabella li ser inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra. Ħafna mill-każijiet ikunu pendenti għaliex ikun hemm persuni li jitolbu s-servizz fi ġranet partikolari imma ma jinstabux Carers li jistgħu joffru is-servizz fil-jiem mitluba. L-Active Ageing & Community Care qed jaħdem sabiex sa tmiem Novembru, dawn il-każijiet pendenti jingħataw is-servizz.

Residenza San Vinċenz de Paul

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra elenku tal-kuntratti kollha eżistenti ta' servizzi li jingħataw fir-Residenza San Vinċenz de Paul? Jista' jgħid ukoll min qiegħed jipprovdi dawn is-servizzi, kemm hu t-terminu ta' kull kuntratt kif ukoll il-valur ta' kull kuntratt?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ir-Residenza San Vinċenz de Paul hija faċilita’ li tipprovdi residenza u kura lil anzjani b’dipendenza għolja u bħalissa tospita aktar min 1,500 anzjan. Il-kura u s-servizzi huma kollha mogħtija minn tim dedikat ta’ ħaddiema u professjonisti kompost minn 2,800 ħaddiem, kemm tal-gvern u tal-kuntrattur. L-informazzjoni mitluba ser titpoġġa fuq l-Mejda tal-Kamra.

Anzjani trasferiti mill-Isptar Mater Dei għar-Residenza San Vinċenz de Paul

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm anzjani jistennew sabiex jiġu trasferiti mill-Isptar Mater Dei għar-Residenza San Vinċenz de Paul?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ anzjani f’Mater Dei li qed jistennew li jiġu trasferiti għar-Residenza San Vinċenz de Paul huwa ta’ 38.

MTA — Isle of MTV – nefqa totali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa totali tal-MTA għall-Isle of MTV tas-sena 2022?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba ma tistax tingħata peress li hija ta’ natura kummerċjalment sensittiva.

Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar — ilmenti

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2700, jista’ l-Ministru jgħid meta l-Kunsill Lokali San Pawl il-Baħar irċieva l-ilmenti msemmija u jekk dawn l-ilmenti kenux mingħand l-istess resident/grupp ta’ residenti, inkella minn resident/grupp ta’ residenti differenti? Għal kull ilment, jista’ jgħid meta ntbagħtet it-tweġiba lill-istess resident/grupp ta’ residenti? X’inhi r-raġuni li s-CCTV fl-inħawi għadhom ma twaħħlux? X’baqa’ pendenti biex dan is-CCTV jiġi istallat? Jista’ jwieġeb il-kumplament tal-mistoqsija parlamentari 2700, fis-sens li jgħid jekk sarux xi studji dwar il-livelli tal-ħsejjes ikkawżati minn dawn l-istess strumenti qabel ma dawn ġew istallati? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk il-kunsill intalabx li jagħti rapporti dwar dawn il-ħsejjes lill-Awtorità tal-Ippjanar jew lil xi entità oħra, u jekk iva jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-istess rapporti?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar illi huwa mifhum li l-ilmenti ġew mill-istess grupp ta’ residenti (inkluż l-amministratur). Fil-fatt ingħatat tweġiba lill-amministratur tal-blokka tal-istess residenti li għamel l-ilment f’isimhom. Infurmat ukoll li din il-blokka mhux iżolata imma hemm diversi djar u appartamenti oħra fil-madwar, però kollha għandhom distanza sinifikanti mill-ġnien pubbliku. L-ilmenti ġew minn blokka partikolari. Infurmat li għalkemm diġà hemm CCTV fil-ġnien pubbliku, ser jiżdiedu aktar sabiex iservu dejjem aktar bħala deterrent. Rigward l-istrumenti, infurmat li dawn il-‘percussion instruments’ għandhom mazza ratba biex ittaffi l-ħoss, kontra ‘percussion instruments’ li jindaqqu b’mazza iebsa. Fuq nota finali, infurmat illi l-Kunsill ma ntalab jagħmel l-ebda rapport fuq il-ħsejjes mill-entitajiet konċernati meta għamel l-applikazzjonijiet rispettivi.

Ajruport Internazzjonali ta’ Malta — Persuni li għandhom il-Blue badge

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-persuni li għandhom il-blue badge (persuni b’diżabilità) għandhomx servizzi jew drittijiet fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, bħal pereżempju li wieħed ma joqgħodx jistenna fil-kju biex jagħmel check-in? Jekk iva x’inhuma dawn is-servizzi jew drittijiet?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-użu tal-Blue Badge hu strettament biex wieħed jagħmel użu mill-parkeġġi riservati għall-persuni b'diżabilità. Madankollu, hemm dik li tissejjaħ l-EU Disability Card. Din il-card jikkwalifikaw għaliha aktar persuni b'diżabilità hekk kif il-card tingħata lil kull min għandu diżabilità u mhux dawk biss li jkollhom sfida ta' mobbiltà. Permezz tal-EU Disability Card, wieħed jista' jgawdi minn servizzi offruti minn 93 entità li sal-lum ingħaqdu f'din l-iskema fuq bażi volontarja. Dawn huma entitajiet privati, pubbliċi u NGOs f'oqsma varji bħal dak bankarju, kultura, divertiment, sport u trasport. Dawn il-benefiċċji huma mifutħa wkoll għaċ-ċittadini mill-Belġju, Ċipru, l-Estonja, il-Fillandja, l-Italja, is-Slovenja u r-Rumanija. Bl-istess mod, iċ-ċittadini Maltin li għandhom l-EU Disability Card jistgħu jibbenefikaw mill-benefiċċji mogħtija fil-pajjiżi msemmija.

Personalised parking bays

Question

Tista’ l-Ministru tagħti tagħrif dwar x’inhuma l-kriterji mediċi li fuqhom l-Aġenzija Sapport tevalwa l-aspett mediku ta’ applikazzjoni għal personalised parking bay?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-Avviż Legali 174 tal-2018, artikolu 3 fejn hemm elenkat il-kriterji tal-eliġibilità.

Pulizija – ilmenti li saru permezz ta’ telefonata

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2232, jista' l-Ministru jgħid jekk l-informazzjoni li tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra tinkludix ukoll ilmenti li jsiru permezz ta’ telefonata lill-għassa ta’ dik il-lokalità partikolari? Jekk din l-informazzjoni ma tinkludix dawn it-telefonati, x’azzjoni tittieħed mill-Pulizija wara li tirċievi dawn it-telefonati? Kemm kien hemm rapporti li saru permezz ta' telefonati u f'liema għases saru?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi rapporti lill-pulizija jsiru b’diversi modi, u jinkludu dawk li jsiru fiżikment fl-għases, permezz ta’ e-mails u tas-sistema OPRES, b’ittri u kif ukoll dawk li jsiru permezz ta’ telefonati fl-għases ta’ kull lokalità. Kull rapport jiġi investigat irrispettivament mill-mod kif isir. Mill-klassifika fis-sistema tal-pulizija, mhux possibbli li elettronikament jiġu elenkati l-ammont tar-rapporti li saru permezz ta' telefonati u l-għases fejn saru, kif mitlub mill-Onor. Membru.

Skejjel Primarji – ingaġġ ta’ għalliema regolari

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu għalliema regolari (mhux supply) ġodda fl-iskejjel primarji u li din is-sena skolastika se tkun l-ewwel sena li qed jgħallmu?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġew ingaġġati 59 għalliema regolari ġodda biex jgħallmu fl-iskejjel primarji.