B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1033, jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm progress fuq l-istallazzjoni ta’ lift fi blokka appartamenti, meta l-Ministru kien irrisponda li l-Awtorità tad-Djar għaddejja bil-preparazzjonijiet tagħha sabiex jitlesta l-BOQ tal-bini tax-shaft għal dan il-lift sabiex jiġi inkluż mal-offerta li jmiss li hija ppjanata li tinħareġ fiż-mien li ġej?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tender komplut, inkluż il-BOQ imsemmi, ġie mħejji mil-lat tekniku u ġie mmexxi għall-fażi suċċessiva biex tkun maħruġa l-offerta.
Avukat Ġenerali – ħruġ ta’ nolle prosequi u/jew ordni
Question
Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il nolle prosequi u/jew ordni li ma għandhom jittieħdu ebda proċeduri skont l-artikolu 569(6) tal-Kodiċi Kriminali (Kap. 9 tal-Liġijiet ta' Malta) inħarġu mill-Avukat Ġenerali u x'kienu l-akkużi li dwarhom inħareġ in-nolle prosequi u/jew ordni mill-Avukat Ġenerali?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kwistjonijiet li jirrigwardaw Inkjesti Maġisterjali huma fin-natura tagħhom kunfidenzjali.
Jista’ l-Ministru jispjega meta u kif ser isir il-lift fil-blokka li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament f’Santa Luċija?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li lift fiż-żewġ partijiet komuni ta’ dan il-blokk (Entratura għall-appartamenti 1-8 u Entratura għall-appartamenti 9-16) ma jistax jiġi akkomodat peress li l-ispazju disponibbli mhuwiex biżżejjed. Ir-residenti tal-appartamenti 1-8 ġew infurmati bl-eżitu permezz ta’ ittra datata fil-11 ta’ Ottubru 2017 filwaqt li r-residenti tal-appartamenti 9-16 ġew infurmati b’dan fis-6 ta’ Jannar 2020.
Jista’ l-Ministru jispjega meta u kif ser isiru x-xogħlijiet fuq il-bus shelters f'Santa Luċija u jekk f'dan ir-rigward hux qed issir kordinazzjoni mal-Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jispjega fid-dettal is-servizzi kollha li qed jingħataw miċ-Ċentri LEAP u jekk dawn iċ-Ċentri għandhomx is-servizz tal-Outreach biex jintlaħqu aktar mill-qrib, persuni vulnerabbli?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn Jannar 2019, is-servizz li kien jingħata mill-programm LEAP għadda għand l-Aġenzjia għas-Servizzi Terapewtiċi u tal-Komunità (ACTS). Hekk kif gwidat mill-Politika Strateġika Nazzjonali għal tnaqqis fil-faqar u l-inklużjoni soċjali (2014-2024), l-għan ewlieni tibqa’ l-ħidma multidixxiplinarja fil-komunità favur tisħiħ tal-iżvilupp soċjali ħolistiku.
L-Aġenzija għandha numru ta’ Ċentri għall-Familji fil-Komunità madwar Malta, speċifikament fil-Qawra, fil-Mosta, fl-Imsida, fil-Belt Valletta, fil-Birgu, f’Sta Luċija, f’Ħal-Qormi, f’Ħaż-Żabbar, f’Ħal-Kirkop u f’Marsaskala. Minn dawn iċ-ċentri, l-Aġenzija toffri is-servizz ta’ Community Social Work u Community Mentoring li huma mibnija fuq il-prinċipji ta’ żvilupp tal-komunità. Hemm ukoll ċentru simli fir-Rabat, Għawdex, immexxi mid-Direttorat għas-Servizzi f’Għawdex, li joffri wkoll kemm dawn is-servizzi u kemm is-servizzi l-oħra kollha tal-Fondazzjoni ġewwa l-gżira Għawdxija.
Permezz ta’ din il-ħidma, il-familji u l-komunitajiet ikollhom kwalità ta’ ħajja aħjar mibnija fuq is-sisien ta’ żvilupp soċjali sostenibbli. Il-qofol tal-ħidma soċjali fil-komunità jintlaħaq billi jiġu ndirizzati problemi soċjali li jkunu qed itaqqlu il-ħajja ta’ tfal, familji u individwi oħra fil-komunità. Is-servizzi huma mibnija fuq filosofija iffukata fuq il-klijent fil-kuntest tal-komunità li jgħix fiha. Għaldaqstant minn kull ċentru issir ħidma favur tisħiħ tan-networks soċjali u billi jsir użu minn servizzi u riżorsi li jeżistu fil-komunità bħala mezz effettiv kif jinstabu soluzzjonijiet li jkun addatati għall-kommunitajiet rispettivi. Permezz tal-community development workers jinbnew ukoll partnerships mar-residenti u gruppi importanti għall-komunità filwaqt li jħaddnu u jixprunaw kull opportunità mibnija fuq ġustizzja soċjali, ugwaljanza u inklużjoni.
Is-servizzi tal-professjonisti huma offruti bi pjan ta’ kura bi qbil bejn il-partijiet nvoluti. Dan iservi bħala pjan ċar ta’ x’inhu mistenni minn kulhadd filwaqt li jpoġġi miri speċifici ta’ fejn wieħed irid jasal hekk kif ikun indikat mill-ezerċizzju tal-assesjar.
Is-servizzi tal-Aġenzija huma mibnija fuq perspettivi innovattivi u multi-dixxiplinarji. Fejn il-bżonnijiet jirrikjedu għajnuna speċjaliżżata issir riferta (referral) għas-servizz ikkonċernat. Is-Social Workers u l-Mentors jagħmlu żjarat fid-djar, jiltaqgħu ma’ professjonisti oħra relevanti għall-kaz, kif ukoll jattendu għall-case conferences skont il-bżonn. Ikun hemm drabi fejn il-klijenti jiġu akkumpanjati għal xi visti li jkunu importanti bħal sptar jew laqgħat tal-iskola.
Permezz ta’ numru ta’ outposts fejn professjonisti jiltqgħu mal-membri tal-komunità, darba f’ġimgħa fl-Isla, f’Bormla, fix-Xgħajra, f’Birżebbuġa, fil-Fgura, f’Raħal Ġdid, f’Birkirkara, fil-Furjana u fir-Rabat, l-Aġenzija tagħmel Outreach ma’ persuni li tradizzjonalment ma jersqux lejn is-servizz fil-komunita’. Dawn l-outposts iservu bħala waħda mill-għodod tal-Aġenzija sabiex isir outreach ma’ min huwa vulnerabbli jew għandu diffikultajiet iżda jsibha diffiċli jersaq lejn is-servizzi formali. Dan huwa possibbli bi sħab ma’ entitajiet oħra fil-komunita’ bħal parroċċi u kunsilli lokali li mhux biss jipprovdu post għall-professjonisti iżda jgħinu persuni b’diffikultajiet jersqu lejn l-imsemmija servizzi. Outpost simili, immexxi wkoll mid-Direttorat għas-Servizzi f’Għawdex, huwa dak offrut minn Marsalforn, Għawdex.
Permezz ta’ inizjattivi oħra fil-komunità, l-istaff tal-Aġenzija jieħu sehem attiv f’outreach ta’ forom differenti skont il-bżonn tal-komunita’ u tar-residenti tagħha. Dan isir permezz ta’ żjarat fid-djar ta’ persuni li ma jibbenefikawx mis-servizzi, visti f’toroq fil-komunita’ (magħruf ukoll bħala mapping) u attivitajiet fil-komunità li fihom ikunu mistiedna residenti tal-komunità, fost oħrajn.
L-Aġenzija temmen ukoll fil-ħiliet u l-abilitajiet tar-residenti. Din il-perespettiva tgħin sabiex inħarsu lejn residenti mhux biss bħala persuni vulnerabbli iżda ukoll biex nidentifikaw liema ħiliet u abilitajiet, tagħhom u tal-oħrajn, jistgħu jgħinuhom biex jegħlbu d-diffikultajiet tagħhom.
Kunsilli Lokali Marsaskala/Żejtun: Immaniġjar aħjar tal-indafa
Question
Jista’ l-Ministru jgħid xi pjani hemm biex tingħata l-aktar għajnuna possibbli lill-Kunsilli Lokali ta’ Marsaskala u ż-Żejtun biex jimmaniġġaw aħjar l-indafa fil-lokalitajiet tagħhom?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-Gvern huwa dejjem kommess li jgħin lill-Kunsilli Lokali rispettivi sabiex ikunu jistgħu jilħqu l-miri tagħhom b’suċċess. Sadanittant, permezz ta’ ħidma interministerjali, għaddej proġett-pilota flimkien mad-Diviżjoni tat-Tindif u l-Kunsilli Lokali interessati se jkunu jistgħu jipparteċipaw.
Jista’ l-Ministru jindika x’inhuma l-miri tal-Kunsilli Lokali fil-preżent sabiex itejbu s-servizzi tagħhom?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li tlabt il-feedback tal-Kunsilli Lokali kollha għal din id-domanda peress li fid-domanda qed issir referenza ghall-miri tal-Kunsilli Lokali nfushom.
Anzjani — Proġetti u inizjattivi mwettqa mill-Kunsill Lokali
Question
Jista’ l-Ministru jindika xi proġetti u inizjattivi twettqu favur l-anzjani mill-Kunsilli Lokali ta’ Marsaskala u ż-Żejtun fis-sena 2021 u sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala li l-Kunsill qiegħed fil-proċess li jkollu vann elettroniku sabiex ikun jista’ jintuża u jkun t’għajnuna għall-anzjani fil-qadi tagħhom. Dan is-servizz mistenni jibda s-sena d-dieħla.
Ninsab infurmat ukoll mill-Kunsill Lokal taż-Żejtun li matul is-sena 2021 apparti li saru diversi żjarat, ħarġiet u attivitajiet għall-anzjani, il-Kunsill nieda proġett għal servizz ta’ trasport komunitarju li għalih ġew approvati l-fondi kif ukoll saret is-sejħa tal-akkwist. Dan is-servizz mistenni jibda fix-xhur li ġejjin.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta’ anzjani li l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità żżomm kuntatt regolari magħhom permezz tat-telefon minħabba li huma vulnerabbli? X’għandhom jagħmlu dawk l-anzjani li jixtiequ jirċievu dan is-servizz?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità jagħmel kuntatt mal-anzjani permezz ta’ diversi servizzi li joffri, skont il-bżonnijiet tal-persuna, u mhux permezz ta’ servizz speċifiku biss. Servizz komuni huwa s-servizz tat-Telecare fejn mill-bidu ta’ din is-sena sa Settembru tal-2022 saru 21,524 telefonata lill-anzjani.
Anzjani li jixtiequ jibbenefikaw mis-servizzi tad-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità jistgħu jċemplu 153 jew liċ-Ċentru Servizz Anzjan fuq 22788900. F’każ ta’anzjani Għawdxin, jistgħu jċemplu fuq 22788238 jew ifittxu aktar informazzjoni fuq is-sit elettroniku:
www.activeageing.gov.mt
. Kopja tal-link qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Anzjani jistgħu wkoll iżuru Ċentru Servizz Anzjan ġewwa l-Belt Valletta jew ir-Rabat, Għawdex, kif ukoll il-kunsilli lokali.
Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali — infiq f’reklamar fuq media
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2761 u jgħid kemm tħallsu flus mill-Ministeru, mill-2017 sal-lum, lil Media.link, NET TV, NET FM u/jew lill-Partit Nazzjonalista għal reklamar f’xandiriet tal-istess entitajiet?
Dokument għall-konsultazzjoni dwar it-tagħlim tal-Malti għall-Barranin
Question
Peress li fl-2019 kien ħareġ dokument għall-konsultazzjoni dwar it-tagħlim tal-Malti għall-Barranin (MLB), jista’ l-Ministru jgħid jekk dan id-dokument ġiex finalizzat jew le?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni – Advisors fuq kuntratti/direct orders
Question
Jista’ l-Ministru, permezz tas-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista minn kull entità li taqa’ taħtu ta’ kemm ġew impjegati advisors fuq kuntratti/direct orders u kemm hu l-valur tal-kuntratt mill-2018 sal-2022?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Direttiva 2019/1158 – interazzjoni ta’ leave eżistenti
Question
Jista’ l-Prim Ministru, permezz tas-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, jaġġorna lill-Kamra bl-istudji li saru, jew li qegħdin jitħejjew bħalissa, jew li se jsiru dwar l-interazzjoni ta’ leave eżistenti flimkien mat-tipi differenti ta’ leave previsti fid-Direttiva 2019/1158 dwar il-Bilanċ bejn ix-Xogħol u l-Ħajja Privata, liema studju l-Gvern huwa obbligat li jehmeż ma’ rapport lill-Kummissjoni Ewropea skont l-Artikolu 182(a) tal-istess Direttiva?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Artikolu 18(2)(a) u l-istudju li jagħmel referenza għalih huwa parti minn eżerċizzju ta’ reporting li l-Istati Membri jridu jikkomunikaw mal-Kummissjoni Ewropea sat-2 ta’ Awwissu tal-2027 u li għandu jinkludi informazzjoni dwar ‘take-up’ tal-leave. Dan ifisser li f’dan l-istadju huwa prematur li wieħed jgħaddi din l-informazzjoni, ġaladarba d-drittijiet il-ġodda daħlu fis-seħħ mit-2 ta’ Awwissu li għadda.
Direttiva 2019/1158 – leave relatat mal-familja lil persuni li jaħdmu għal rashom
Question
Jista’ l-Prim Ministru, permezz tas-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, jaġġorna lill-Kamra bl-istudji li saru, jew li qegħdin jitħejjew bħalissa, jew li se jsiru dwar il-leave relatat mal-familja li jingħataw lill-persuni li jaħdmu għal rashom, liema studju l-Gvern huwa obbligat jehmeż ma’ rapport lill-Kummissjoni Ewropea skont l-Artikolu 182(b) tad-Direttiva 2019/1158 dwar il-Bilanċ bejn ix-Xogħol u l-Ħajja Privata?
Jista’ l-Ministru jispjega għalfejn qed ikun hemm dewmien esaġerat jekk xi ħadd iċempel Transport Malta mhux bħala Customer Care, iżda sabiex ikellem xi uffiċjal responsabbli minn xi materjal partikolari fi ħdan l-istess awtorità?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-uffiċjali tal-Awtorità ta' Transport jagħtu importanza lill-klijenti u jagħmlu l-almu tagħhom biex jassistu lill-pubbliku bl-aktar mod effiċjenti u fl-inqas żmien possibbli.
Transport Malta – Ħaddiema f’pożizzjoni għolja mingħajr esperjenza
Question
Jista’ l-Ministru jispjega kif hemm nies f'diversi pożizzjoni għolja ma’ Transport Malta illi m’għandhomx l-esperjenza u l-kompetenza f’dak il-qasam partikolari illi mbagħad jirriżulta f’backlog enormi u dewmien straordinarju, tant illi jħalli ħafna klijenti fis-settur frustrati sabiex jinqdew kif tabilħaqq huwa dritt sagrosant tagħhom?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jispeċifika għal liema pożizzjonijiet għolja qed jirreferi.
Settur Marittimu – reġistrazzjoni ta’ yachts u super yachts – sistema ta’ tassazzjoni ġdida
Question
Jista’ l-Ministru jgħid is-sistema ta’ tassazzjoni ġdida, li qiegħda tiġi proposta u li se tidħol fis-seħħ fl-2025, kif se taffettwa s-settur marittimu b’mod speċjali r-reġistrazzjoni tal-yachts u s-super yachts?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lil Onor. Interpellant li fuq livell politiku, dan il-Ministeru se jkompli jara li bħala ġurisdizzjoni li dejjem kienet minn ta’ quddiem biex taddatta u tilqa' għal realtajiet ġodda ġaladarba u meta dawn jiġu implimentati f’kuntest wiesa' u globali, Malta tibqa kompetittiva u tikkonsolida dak miksub diġà fuq livell internazzjonali.
B’hekk, numru ta’ diskussjonijiet interni qed isiru u oħrajn esterni huma ppjanati mal-industrija biex jiġu identifikati l-opportunitajiet u r-riskji li jista’ jkun hemm jekk u meta jidħlu fis-seħħ sistemi ġodda. Dan b’konsultazzjoni sħiħa mal-Ministeru għall-Finanzi.
Ninforma lil Onor. Interpellant li domandi dwar introduzzjoni u bidliet ta’ sistemi tat-tassazzjoni għandhom jiġu rreferuti għall-Ministru kkonċernat.
Ministeru għat-Trasport, l-Inftastruttura u l-Proġetti Kapitali – persuni impjegati relatati mas-CEO jew Chairperson ta’ xi Awtorità
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk fl-entitajiet u fl-awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, hemmx persuni impjegati li huma relatati b’affinità, jew konsangwinament mas-CEO jew Chairperson tal-istess entità/awtorità? X’inhu l-job designation tagħhom? Jekk it-tweġiba hi fil-pożittiv, jista’ l-Ministru jgħid kif dawn l-istess persuni ġew impjegati ma’ dik l-entità/awtorità?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fi ħdan Projects Plus Limited hemm persuna li huwa impjegat bħala perit u ġie ingaġġat skont il-proċessi stipulati f’Directive 7. Dan jiġi n-neputi tal-Kap Eżekuttiv.
Ma' Infrastructure Malta hemm persuna waħda fil-grad ta’ Trainee Architect li ġiet impjegata mal-aġenzija fl-1 ta’ Diċembru 2020 wara li nħarġet sejħa pubblika għall-impjieg. Din tiġi n-neputija tal-Kap Ezekuttiv li kien appuntat ma’ Infrastructure Malta b’effett mill-25 ta’ Lulju 2022.