Legislature:
Category:
Reset
Active:

Low Wage Commission – ħidma rigward il-paga minima

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 2324, jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-ħidma li saret matul l-aħħar sena mil-Low Wage Commission b’rabta mal-iżviluppi dwar il-paga minima f’pajjiżna?

Response (FALZON, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.

San Pawl il-Baħar/Xemxija – Triq il-Pwales — manutenzjoni

Question

B'referenza għat-tweġibiet għall-mistoqsijiet parlamentari 2528 u 2832, jista' l-Ministru jispeċifika x’xogħlijiet saru fi Triq il-Pwales, ix-Xemxija, San Pawl il-Baħar, u għal kull xogħol li sar, minn liema entità sar u meta sar?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninsab infurmat li matul din is-sena, id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi għamel xogħol ta’ tindif tal-culvert tal-ilma tax-xita li hemm fi Triq il-Pwales, ix-Xemxija. Dan ix-xogħol sar fuq talba li saret mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar.

Awtorità tal-Ippjanar – fondi miġbura minn skemi

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 2837, jista' l-Ministru jispeċifika x’inhuma l-proġetti li fuqhom diġà hemm ftehim għal kull waħda mil-lokalitajiet tal-Mellieħa, Naxxar u San Pawl il-Baħar, x’inhu l-valur għal kull proġett u ma’ min sar il-ftehim għal kull proġett? Jista’ jispeċifika wkoll jekk hemmx applikazzjonijiet pendenti għal kull waħda minn dawn it-tliet lokalitajiet, u jekk iva x’inhuma l-proġetti, x’inhu l-valur għal kull proġett u min għamel l-applikazzjoni għal kull proġett?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ ftehim fil-lokalitajiet imsemmija li, minn Jannar 2017 u taħt ir-responsabbiltà ta’ dan il-Ministeru u/jew l-entitajiet taħtu biss, ġew iffirmati.

Stabbilimenti kummerċjali li għandhom liċenzja jdoqqu mużika

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 2835, jista’ l-Ministru jinforma kemm-il permess inħareġ mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu f’kull wieħed mil-lokalitajiet ġewwa Malta u Għawdex? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista bl-isem, indirizz u lokalità għal kull wieħed minn dawn il-permessi? Jista’ jinforma wkoll x’inhu l-ħin sakemm tista’ tindaqq il-mużika għall-permessi li nħarġu mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2835, ninfurmaha li t-62 permess għad-daqq ta’ mużika ġewwa stabbilimenti liċenzjati mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu huma mqassmin fil-lokalitajiet li ġejjin: Birżebbuġa 2 Floriana 1 Għajnsielem 1 Marsaskala 2 Mellieħa 2 Naxxar 1 San Lawrenz 1 Sliema 5 San Ġiljan 34 San Pawl il-Baħar 8 Tarxien 1 Victoria Għawdex 1 Tarxien 1 Xewkija 1 Xlendi 1 Żebbuġ Għawdex 1 Il-ħin sakemm tista’ tindaqq il-mużika mhuwiex stabbilit mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu iżda huwa determinat mil-liġi sussidjarja li taqa’ taħt l-Att dwar il-liċenzji tal-Kummerċ.

Stabbilimenti kummerċjali – liċenzja għal daqq ta’ mużika

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm bars, ristoranti, hotels u stabbilimenti kummerċjali oħra li għandhom liċenzja biex idoqqu l-mużika? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista bl-isem, indirizz u lokalità għal kull wieħed minn dawn il-permessi? Sa xħin huma liċenzjati li jdoqqu dawn l-istabbilimenti? Kemm minn dawn għandhom liċenzja li jdoqqu open air? Jista’ jgħid x’inhu l-ħin sakemm tista’ tindaqq il-mużika skont il-liġi li taqa’ taħt l-Att dwar il-Liċenzji tal-Kummerċ? Jista’ jagħti tagħrif dwar jekk hemmx stabbilimenti li għandhom ukoll konċessjonijiet speċjali biex idoqqu wara l-ħin stabbilit? Jekk iva, kemm hemm u liema huma?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Key Expert – Electrical Engineer — bidla

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2037, peress li jidher li hemm bidla fil-Key Expert - Electrical Engineer minn dak li ġie appuntat inizjalment b'Tender IM014/2020, jista' l-Ministru jippubblika: a. ir-raġuni għala nbidel il-Key Expert - Electrical Engineer; b. is-CV dettaljata tal-Key Expert - Electrical Engineer preżenti; u ċ. kif jispeċifika t-tender fi klawsola 4.3.2, il-komunikazzjoni li saret bil-miktub għal tali bidla inkluża l-approvazzjoni ta' Infrastructure Malta għal din il-bidla?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra d-dokumenti mitluba relatati ma’: a. ir-raġuni għala nbidel il-Key Expert - Electrical Engineer – irreferi għal dokument A u B b. is-CV dettaljata tal-Key Expert - Electrical Engineer preżenti – irreferi għal dokument A u B ċ. kif jispeċifika t-tender fi klawsola 4.3.2, il-komunikazzjoni li saret bil-miktub għal tali bidla inkluża l-approvazzjoni ta' Infrastructure Malta għal din il-bidla – irreferi għal dokument Ċ.

Il-Fgura – Triq Romano Carapecchia — ġrieden

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk il-problema ta’ ġrieden kbar fi Triq Romano Carapecchia fil-Fgura hijiex qed tiġi indirizzata? Jekk le, jista’ jara li dan l-inkonvenjent għar-residenti jiġi indirizzat?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Ħamis, 20 t’Ottubru, sar trattament mill-ħaddiema tat-Taqsima tal-Pest Control fit-triq imsemmija minnha.

Il-Fgura – Triq Mater Boni Consilii — Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta huwa ppjanat li jkun lest il-proġett li qed isir fi Triq Mater Boni Consilii fil-Fgura (bejn Triq San Pietru u Triq San Tumas)?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li filwaqt li nirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2743 nispjega li t-triq indikata hija twila madwar 660 metru u tinsab f’żona li hija waħda arkeoloġikament sensittiva. Għaldaqstant ix-xogħlijiet ġew ippjanati fi tliet fażijiet u dawn qegħdin isiru taħt is-superviżjoni ta’ arkeologi approvati mis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali. Bħalissa għaddej ix-xogħol fit-tieni parti ta’ din it-triq (bejn Triq San Pietru u Triq San Tumas) li jinkludi bdil fis-sistemi taħt l-art għas-servizzi tal-ilma, dawl u telekomunikazzjoni, kif ukoll bini ta’ bankini ġodda u tisħiħ tal-pedamenti qabel ma jsir wiċċ ġdid bl-asfalt. Ix-xogħol f’din il-fażi mistenni jkun lest f’Diċembru u hu stmat li b’kollox din it-triq se tiġi tiswa madwar €400,000.

Fgura għall-Isptar Mater Dei – Trasport Pubbliku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm jgħaddu karozzi tal-linja mill-Fgura lejn l-isptar u viċi versa tul il-ġurnata? Kull kemm ħin jgħaddu dawn il-karozzi? Minn fejn jitilqu? Jaħseb il-Ministru li din il-frekwenza ta’ trasport hija suffiċjenti għar-residenti tal-Fgura peress li mill-informazzjoni li għandi qed jitħallew ħafna nies fuq l-istages għal ħin twil, speċjalment fil-ħinijiet ta’ filgħodu kmieni? Għandu rapporti jew ilment ta’ din ix-xorta?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm żewġ rotot li jgħaddu minn ġewwa l-Fgura direzzjoni lejn l-Isptar Mater Dei. Dawn huma r-rotta 120 li filgħaxija tinbidel għar-rotta 121 kif ukoll ir-rotta 204. Ir-rotta 120/121 topera kull nofsiegħa filwaqt li r-rotta 204 topera kull siegħa. Bejniethom, fost il-ġimgħa, ikun hemm 47 vjaġġ f`kull direzzjoni, jiġifieri b'kollox ikun hemm 94 vjaġġ kuljum fiż-żewġ direzzjonijiet. Ir-rotta 120/121 titlaq mix-Xgħajra (direzzjoni lejn l-isptar Mater Dei) u minn Pembroke (direzzjoni lejn il-Fgura). Ir-rotta 204 titlaq minn Marsaskala. Infurmat ukoll li ser ikun hemm monitoraġġ minn fuq diversi bus stops ġewwa l-Fgura sabiex jiġi stabbilit l-andament tar-rotot li jgħaddu min din il-lokalità.

Ħaż-Żabbar – Triq il-Kappuċċini – sinjali tat-traffiku

Question

B’referenza għax-xogħlijiet li saru fi Triq il-Kappuċċini f’Ħaż-Żabbar, jista’ l-Ministru jara li jerġgħu jsiru s-sinjal mal-art inkluż stop signs u marki sofor peress li wara li fl-aħħar sar it-tarmak mill-ġdid fit-triq, dawn is-sinjali baqgħu ma sarux?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Ħaż-Żabbar – Triq il-Kappuċċini – sinjali tat-traffiku

Question

B’referenza għax-xogħlijiet li saru fi Triq il-Kappuċċini f’Ħaż-Żabbar, tista’ l-Ministru tara li jerġgħu jsiru s-sinjal mal-art inkluż stop signs u marki sofor peress li wara li fl-aħħar sar it-tarmak mill-ġdid fit-triq, dawn is-sinjali baqgħu ma sarux?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Skemi għal insulazzjoni tas-soqfa u għad-double glazing

Question

Tista' l-Ministru tindika jekk u meta ser jerġgħu jiftħu l-iskemi ta’ għotjiet għall-insulazzjoni tas-soqfa u għad-double glazing, fiex ser ikunu jikkonsistu, għal liema lokalitajiet u jekk hux ser ikunu retrospettivi sabiex jinkludu installazzjonijiet li saru fil-perjodu li dawn l-iskemi kienu magħluqa?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed jiġu kkunsidrati l-aktar skemi opportuni. Il-Gvern ser jibqa’ jinċentiva l-enerġija rinovabbli u l-effiċjenza fl-enerġija. Dettalji ta’ skemi li joħroġ l-Gvern jitħabbru fil-mument opportun.

Artijiet tal-Gvern mikrija lill-privat

Question

Jista' l-Ministru jindika liema huma l-artijiet tal-Gvern li huma mikrija lill-privat għal skopijiet ta' petting farming u/jew stallel fil-lokalitajiet tan-Naxxar, Għargħur, San Pawl il-Baħar u Mellieħa?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità tal-Artijiet mhux qegħda f’pożizzjoni li tipprovdi din l-informazzjoni minħabba li s-sistema diġitali preżenti ma tippermettix tfittxija a bazi ta’ użu daqshekk preċiż u speċifiku tal-propjetà. L-Awtorità tkun tista’ tagħti informazzjoni, jekk l-Onorevoli Interpellant ikun aktar speċifiku fuq siti partikolari.

Università ta’ Malta – studji kkummissjonati

Question

Jista' l-Ministru jelenka kemm-il studju/proġett ta' riċerka l-Gvern ikkummissjona lill-Università ta’ Malta mill-1 ta' Ottubru, 2021 sat-30 ta' Settembru, 2022, x’kienu t-titli, min kien jew kienet il-head researcher, liema kienet il-fakultà, liema huma dawk li diġà ġew ippubblikati u liema għadhom le u kemm kien l-ammont tal-kummissjoni?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Proġetti ta' parks, spazji miftuħa u afforestazzjoni

Question

Tista' l-Ministru telenka lista ta' proġetti ta' parks, spazji miftuħa, afforestazzjoni u oħrajn simili li diġà bdew u mhux mistenni li jkunu lesti sal-aħħar tal-2022 u tinkludi n-natura u deskrizzjoni qasira tal-proġett, meta beda, kemm kien il-baġit oriġinali, u kemm mistennija tkun in-nefqa totali wara li jkun lest il-proġett?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'seduta oħra.

Awtorità tal-Ippjanar — Users Committee

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk il-Users Committee fi ħdan l-Awtorità tal-Ippjanar ġiex appuntat, meta, min huma l-membri u lil min jirrappreżentaw? F'każ li għadu ma ġiex appuntat, jista' l-Ministru jindika jekk hux ser isir dan u meta?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Users Committee għadu dak l-istess maħtur u hekk kif deher fil-Gazzetta tal-Gvern tat-18 ta’ Settembru 2020.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża – infiq ta’ flus fuq reklamar

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 2828 u tgħid kemm intefqu flus f’reklamar mill-Ministeru u l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tagħha separatament mill-2019 sal-lum, sena b’sena, u skont il-mezz tax-xandir?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.

Iż-Żejtun – Triq San Duminku — xogħlijiet

Question

Peress li r-residenti ta' Triq San Duminku fiż-Żejtun sikwit jilmentaw b'inkonvenjent kontinwu minħabba li meta tagħmel ix-xita, l-ilma li jinġabar fl-għadajjar qed jispiċċa jidħol ġo djarhom, speċjalment meta jgħaddu l-karozzi, u peress li din it-triq hemm bżonn li jsiru kanali u spralli biex l-ilma jkollu fejn imur, jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li din it-triq tinbeda u tinstab soluzzjoni għal din il-problema? Jekk hemm il-ħsieb, jista’ l-Ministru jgħid meta ser jibdew ix-xogħlijiet fuqha?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-lokalità taż-Żejtun l-aġenzija diġà bniet mill-ġdid u għamlet xogħlijiet fi Triq Taltas, Triq l-Aħħar Ħbit mit-Torok, Triq il-Labour, Triq Dwiemes, Triq Toni Zahra, Triq il-Faqqus, Triq Bugħarbiel, Triq il-Kbira, Triq il-President Anton Buttigieg, Misraħ is-Suq, Triq id-Daħla ta’ San Tumas, Vjal il-25 ta’ Novembru, Triq Cannaught, Triq il-Kantur, Ta’ Ganza, Triq Kamumilla, Triq San Piju X, Triq San Profilju, Triq San Ġużepp, Triq Beland, Triq Santa Monika, Triq Santa Fawstina u Triq il-Ġiebja Rumana. Infrastructure Malta ilha sa mit-twaqqif tagħha taħdem mal-Kunsilli Lokali kollha biex gradwalment tibni mill-ġdid it-toroq kollha li jinsabu fi stat ħażin. L-aġenzijà għadha kemm varat proċess ta’ konsultazzjoni mal-Kunsill Lokali fejn talbithom biex sa Novembru li ġej jaġġornaw il-lista ta’ toroq, li huma ta’ prijorità għal-lokalità tagħhom, sabiex dawn ikunu jistgħu jsiru fis-snin li ġejjin skont skeda dettaljata li se tiġi diskussa u maqbula magħhom fiż-żmien li ġej.

Iż-Żejtun – Misraħ Mikiel Anton Vassalli – toroq mitluqin

Question

Peress li t-trejqiet li jdawru Misraħ Mikiel Anton Vassalli fiż-Żejtun ilhom ħafna mitluqin u għalkemm dan l-aħħar saru xi toroq fil-madwar, dan il-misraħ baqa’ bit-toroq kollha ħofor (hekk kif jidher fir-ritratti li qed jingħataw separatament), jista’ l-Ministru jgħid meta dawn it-toroq ta' madwar il-misraħ se jiġu asfaltati?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-lokalità taż-Żejtun l-aġenzijà diġà bniet mill-ġdid u għamlet xogħlijiet fi Triq Taltas, Triq l-Aħħar Ħbit mit-Torok, Triq il-Labour, Triq Dwiemes, Triq Toni Zahra, Triq il-Faqqus, Triq Bugħarbiel, Triq il-Kbira, Triq il-President Anton Buttigieg, Misraħ is-Suq, Triq id-Daħla ta’ San Tumas, Vjal il-25 ta’ Novembru, Triq Cannaught, Triq il-Kantur, Ta’ Ganza, Triq Kamumilla, Triq San Piju X, Triq San Profilju, Triq San Ġużepp, Triq Beland, Triq Santa Monika, Triq Santa Fawstina u Triq il-Ġiebja Rumana. Infrastructure Malta ilha sa mit-twaqqif tagħha taħdem mal-Kunsilli Lokali kollha biex gradwalment tibni mill-ġdid it-toroq kollha li jinsabu fi stat ħażin. L-aġenzijà għadha kemm varat proċess ta’ konsultazzjoni mal-Kunsill Lokali fejn talbithom biex sa Novembru li ġej jaġġornaw il-lista ta’ toroq, li huma ta’ prijorità għal-lokalità tagħhom, sabiex dawn ikunu jistgħu jsiru fis-snin li ġejjin skont skeda dettaljata li se tiġi diskussa u maqbula magħhom fiż-żmien li ġej.