Bajja tal-Armier – liċenzji għall-kiri ta’ umbrelel u deckchairs
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2213, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-liċenzji biex jinkrew deckchairs u umbrelel fil-Bajja tal-Armier?
Jista’ l-Ministru jpoġġi kopja tal-beach concessions mil-Lands biex jinkrew deckchairs u umbrelel fil-Bajja tal-Armier fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija waħda interna tal-Awtorita tal-Artijiet u għaldaqstant ma jkunx opportun li titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra. Madankollu l-Onorevoli Interpellant se tingħata ċ-ċans li tara hi personalment id-dokument mitlub.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-kariga ta’ Direttur Ġenerali tad-Dwana bħalissa hijiex vakanti? Jekk iva, kien hemm applikazzjonijiet biex jimtela l-post vakanti? Il-proċedura tal-applikazzjonijiet kienet konkluża? Jekk iva, għalfejn ma ġie magħżul ħadd mill-applikanti?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-pożizzjoni ta’ Direttur Ġenerali (Dwana) hija vakanti, madankollu l-Kummissarju għat-Taxxi reġa’ ħa lura d-drittijiet, dmirijiet, setgħat u funzjonijiet kollha li huma mogħtija lilu taħt l-Ordinanza tad-Dwana, l-Att dwar id-Dazji ta’ Importazzjoni, l-Att dwar id-Dazju tas-Sisa u kull regolament magħmul taħthom b’effett mis-27/04/2022 (Gazzetta tal-Gvern Nru 20,855). Is-sejħa ġiet ippubblikata f'Ġunju 2022 u l-proċess tal-għażla għadu mhux konkluż.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx intenzjoni li jiġi ffaċilitat il-vjaġġ minn Ħ’Attard għal Ħaż-Żebbuġ, u viċi versa, peress li bħalissa wieħed irid jieħu triq twila biex imur minn post għall-ieħor, fejn qabel kienet ferm eħfef biex wieħed jagħmel dan?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li meta jitlesta l-Imrieħel Underpass Project, l-aċċess minn Ħ’Attard għal Ħaż-Żebbug se jkun permezz tar-roundabout il-ġdida li qed tinbena fuq il-mina li se tipprovdi rotta diretta għall-vetturi biex iduru lejn is-Central Link u għal Ħaż-Żebbuġ minn Triq Ħ’Attard. Alternattivament, l-aċċess għal Ħaż-Żebbuġ huwa possibbli wkoll mir-roundabout Ta’ Srina permezz ta’ Triq l-Imdina, Ħaż-Żebbug (magħrufa bħala l-Bypass ta’ Ħaż-Żebbug). L-aċċess minn Ħaż-Żebbuġ għal Ħ’Attard diġà jeżisti b’rotta diretta minn Triq Ħ’Attard għas-Central Link.
Bħalma għamlet il-Mini ta’ Santa Luċija biex iżżid il-benefiċċji tal-Marsa Junction Project tul ir-rotta prinċipali lejn in-nofsinhar ta’ Malta, Infrastructure Malta ppjanat l-Imrieħel Underpass Project biex ittejjeb l-impatti pożittivi tas-Central Link Project f’Ħ’Attard, Ħal Balzan, Birkirkara u l-Imrieħel. Il-mina ġdida tal-Imrieħel, li issa ilha miftuħa ġimagħtejn, tgħaqqad Triq l-Imdina mal-Bypass tal-Imrieħel, fil-junction ħdejn l-uffiċini tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA).
Din il-mina, twila 60 metru u b’żewġ korsiji, se tifforma parti mill-junction tar-roundabout ġdida minflok is-sistema tat-traffic lights li kien hemm qabel f’salib it-toroq bejn Ħal Balzan, Birkirkara u l-Imrieħel. Permezz tal-mina, il-fluss prinċipali tat-traffiku li minn Triq l-Imdina, f’Ħal Balzan ikun sejjer lejn il-Bypass tal-Imrieħel (Vjal ir-Royal Malta Artillery), se jinfired mill-bqija tal-traffiku li jaqsam kontra xulxin f’din il-junction.
Hekk kif se jnaqqas l-ammont ta’ vetturi u l-veloċità tas-sewqan madwar ir-roundabout ġdida, l-Imrieħel Underpass Project se jippermetti l-introduzzjoni ta’ punti ta’ qsim aktar siguri għal dawk li jivvjaġġaw bil-mixi jew bir-rota bejn Birkirkara, l-Imrieħel u Ħal Balzan u Triq il-Ħofor, triq rurali li twassal għal Ħaż-Żebbuġ u Ħal Qormi. B’hekk, dawn il-punti ta’ qsim ħdejn ir-roundabout se jkomplu jtejbu l-konnessjonijiet tar-rotta twila erba’ kilometri għall-mixi u r-roti li l-aġenzija bniet diġà permezz tas-Central Link Project, bejn Ta’ Qali, Ħ’Attard u Ħal Balzan.
Peress li r-regolatur tat-trasport pubbliku hija Transport Malta u Transport Malta taqa’ taħt id-dekasteru tal-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali, jista’ l-Ministru jgħid min jiddeċiedi u jagħti l-approvazzjoni għall-istallazzjoni ta' bus stops madwar Malta u Għawdex?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta hija l-Awtorità responsabbli li tagħti approvazzjoni finali għall-installazzjoni ta’ bus stops madwar Malta u Għawdex. Fil-maġġoranza tal-każi dan isir wara konsultazzjoni mal-kunsilli lokali rispettivi. Fil-każ ta’ toroq ġodda jew inkella toroq li ġew “upgraded” it-twaħħil ta’ dawn il-bus stops isir skont id-disinn tat-triq.
F’dawn il każi jkun hemm konsultazzjoni bejn Infrastructure Malta u Transport Malta.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn għaqdiet tan-nar liċenzjati madwar Malta u Għawdex, liema huma, humiex ta’ xi soċjetà mużikali partikolari jew privati u f’liema lokalità tinsab kull kamra tan-nar?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi d-dettalji dwar kmamar tan-nar liċenzjati madwar Malta u Għawdex għadhom kif kienu indikati aktar kmieni din is-sena, fit-tweġiba għall-mistoqsija numru 1264.
Birżebbuġa – Triq tal-Ġebel – tiswija ta’ ħitan tas-sejjieħ
Question
B' referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1261 fejn ġie mistoqsi meta u minn min se jitranġaw il-ħitan tas-sejjieħ li jinsabu fi Triq tal-Ġebel, f’Birżebbuġa, peress li parti minnhom jinsabu mwaqqgħin u qed ikunu ta’ periklu għal kull min juża din it-triq, jista’ l-Ministru jgħid liema entità se tagħmel dawn ix-xogħlijiet, meta se jibdew u meta se jitlesta x-xogħol relatat biex jitneħħa l-periklu mit-triq?
Response (BONNICI, OWEN)
Kif diġà indikajt fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1261, infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa li għalkemm dan ix-xogħol ma jappartjenix lill-Kunsill Lokali, il-Kunsill Lokali rispettiv xorta waħda qiegħed jesplora kif tali xogħlijiet neċessarji jsiru bil-għajnuna ta' entitajiet oħra.
Iż-Żurrieq – xogħol relatat mat-tnaqqis tal-għargħar
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol relatat mat-tnaqqis tal-għargħar mil-lokalità taż-Żurrieq? F'liema toroq sar ix-xogħol s'issa u f'liema toroq fadal isir ix-xogħol? Kemm hu stmat li se jiġi jiswa dan il-proġett u kemm intefqu flus s'issa? X' persentaġġ ta' xogħol sar s’issa u meta hu ppjanat li jitlesta dan ix-xogħol?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninsab infurmat li madwar nofs ix-xogħol relatat mal-proġett għat-tnaqqis tal-għargħar fil-lokalità taż-Żurrieq huwa lest. S’issa tqiegħdu katusi fi Vjal ix-Xarolla u f’iktar min-nofs Triq il-Bronja. Fadal ix-xogħol ta’ tqegħid ta’ katusi fil-kumplament ta’ Triq il-Bronja, Triq Dun Carlo De Giovanni Inglott u Triq Dun Vincenz Schembri, kif ukoll il-bini tal-kaxxi għall-ilqugħ tal-ilma tax-xita u t-tqegħid tat-tarmak fejn saru t-trinek.
L-istima tax-xogħol hija ta’ madwar €904,450 u s’issa ntefqu €350,000. Huwa stmat li madwar ħamsa u erbgħin fil-mija tal-proġett huwa lest waqt li x-xogħol kollu hu ppjanat li jkun lest fil-bidu ta’ Marzu 2023.
Jista’ l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li fejn diġà tpoġġew il-pajpijiet tal-culvert u ġiet mirduma t-trinka, il-wiċċ tat-triq ma ngħatax it-tarmak iżda minflok ingħata saff ta' konkos b'mod u manjiera li qed joħloq inkonvenjent lil dawk kollha li jużaw dawn it-toroq, kif ukoll lir-residenti ta' dawn it-toroq?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninsab infurmat li waqt l-iskavar, instab li kien hemm xi servizzi fi Vjal ix-Xarolla li jridu jiġu evalwati sabiex f’każ li jkun hemm bżonn jinbidlu qabel ma jingħata l-wiċċ tat-triq.
Hija l-proċedura li t-trinka fejn ikunu tqiegħdu l-katusi timtela b’saff ta’ konkos sa wiċċ it-triq biex din tkun tista’ tintuża sa ma jingħata wiċċ ġdid tat-tarmak.
Siġġiewi-Ħaż-Żebbuġ junction – konsultazzjoni ma’ stakeholders
Question
Peress li residenti Siġġiwin jinsabu mħassba rigward xogħol li tħabbar li se jsir fil-junction Siġġiewi-Ħaż-Żebbuġ, jista’ l-Ministru jgħid jekk saritx konsultazzjoni minn qabel ma tħabbar il-proġett ma' numru ta' stakeholders? Jekk iva, jista’ jagħti d-dettalji tal-konsultazzjoni li saret?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2192.
Peress li residenti Siġġiwin jinsabu mħassba rigward xogħol li tħabbar li se jsir fil-junction Siġġiewi-Ħaż-Żebbuġ, jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx alternattivi oħra għal dan l-arranġament? Jekk iva, għalfejn ma tteħdux inkonsiderazzjoni? Jista’ jagħti iktar dettalji dwar it-timeframes stipulati tal-proġett?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2192.
Peress li residenti Siġġiwin jinsabu mħassba rigward xogħol li tħabbar li se jsir fil-junction Siġġiewi-Ħaż-Żebbuġ, jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjan ħolistiku għaż-żona, liema pjan għandu jinkludi żoni bħal Ta’ Farsina f’Ħal Qormi sa fejn l-iskola ta’ St Dorothy’s f’Ħaż-Żebbuġ?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2192.
Persuni li jieħdu xi forma ta’ pensjoni taħt is-€700 fix-xahar
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 693, 1600 u 2517 li sal-lum għadhom ma ġewx imwieġba għaliex skont il-Ministru t-tagħrif għadu qed jinġabar, minkejja li l-ewwel mistoqsija ilha li saret minn Mejju li għadda?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta, li l-pensjonijiet żdiedu b’mod konsiderevoli fl-aħħar snin, grazzi għall-politika Laburista, bid-differenza minn amministrazzjonijiet preċedenti li ma żiduhomx ċenteżmu.
Għal aktar informazzjoni dettaljata nitob lill-Onor. Interpellanta tirreferi għat-tweġiba li ngħatat lill-mistoqsija parlamentari bin-numru 24454.
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li n-numru ta’ persuni li kienu jirċievu xi forma ta’ pensjoni u benefiċċji oħra li jammontaw għal anqas minn €700 fix-xahar sal-aħħar tas-sena 2021 huwa skont kif jidher fit-tabella t’hawn taħt:
Tip ta’ Pensjoni
Irġiel
Nisa
Total
Pensjoni tal-Età
345
1374
1719
Pensjoni tal-Irtirar
1887
5283
7170
Pensjoni tar-Romol
56
909
965
Pensjoni tal-Invalidtà
539
422
961
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellanta li minbarra l-pensjoni tas-Sigurtà Soċjali ħafna jkollhom benefiċċji jew pensjonijiet oħra li fejn huma magħrufa ġew magħduda biex inġabret din l-istatistika waqt li jista’ jkollhom dħul ieħor li mhux ġej minn benefiċċji u li m’huwiex inkluż.
Persuni li jieħdu xi forma ta’ pensjoni taħt il-€500 fix-xahar
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 692, 1599 u 2518 li sal-lum għadhom ma ġewx imwieġba għaliex skont il-Ministru t-tagħrif għadu qed jinġabar, minkejja li l-ewwel mistoqsija ilha li saret minn Mejju li għadda?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-pensjonijiet żdiedu b’mod konsiderevoli fl-aħħar snin, grazzi għall-politika Laburista, bid-differenza minn amministrazzjonijiet preċedenti li ma żiduhomx ċenteżmu.
Għal aktar informazzjoni dettaljata nitob lill-Onor. Interpellanta tirreferi għat-tweġiba li ngħatat lil mistoqsija parlamentari bin-numru 24454.
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li n-numru ta’ persuni li kienu jirċievu xi forma ta’ pensjoni jew benefiċċji oħra li jammontaw għal anqas minn €500 fix-xahar sal-aħħar tas-sena 2021 huwa skont it-tabella t’hawn taħt:
Tip ta’ Pensjoni
Irġiel
Nisa
Total
Pensjoni tal-Età
53
322
375
Pensjoni tal-Irtirar
292
1506
1798
Pensjoni tar-Romol
13
68
81
Pensjoni tal-Invalidità
0
1
1
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellanta li minbarra l-pensjoni tas-Sigurtà Soċjali ħafna jkollhom benefiċċji jew pensjonijiet oħra li fejn huma magħrufa ġew magħduda biex inġabret din l-istatistika waqt li jista’ jkollhom dħul ieħor li mhux ġej minn benefiċċji u li mhuwiex inkluż.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet iż-żieda li ngħatat din is-sena lill-persuni kollha li jirċievu l-pensjoni tar-romol? Jista' jgħid kemm hu n-numru ta' persuni li kienu intitolati għal din iż-żieda?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tagħrif għadu qed jinġabar.
Pensjoni kontributorja — Persuni li ma jikkwalifikawx
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm persuni li ma jikkwalifikawx għall-pensjoni kontributorja qed jieħdu bonus annwali? Jista' jgħid kemm hemm persuni li qed jieħdu bonus ta' €400 fis-sena u kemm huma dawk li qed jieħdu bonus ta’ €500 fis-sena? Jista' jgħid ukoll kemm minn dawn in-nies huma nisa u kemm huma rġiel?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li s’issa, matul din is-sena, in-numru ta’ persuni li ħadu l-bonus annwali ‘l għaliex ma jikkwalifikawx għal pensjoni kontributorja kien jammonta għal 13,803, kif qed ikun indikat fit-tabella t’hawn taħt:
Bonus ta’ €400
Bonus ta’ €500
Nisa
5,903
6,841
Irġiel
658
401
Implementing Decision Communicaion COM 2021 584 — tibdil
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 2297, peress li t-tweġiba mogħtija mill-Ministru tista' tindika li hemm bidliet minn dak li ġie approvat mill-Kummissjoni Ewropea hekk kif stipulat fl-Implementing Decision Communication (COM(2021) 584), jista' l-Ministru jagħti rendikont ta' dawn il-bidliet u f'kull każ jispjega għalfejn saru l-bidliet rispettivi?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lil Onorevoli Interpellant illi l-informazzjioni provduta lili mis-Segretarjiat Parlamentari hija fl-imsemmija Implementing Decision Communication (COM(2021)584) ma kien hemm l-ebda tibdil
Low Wage Commission – ħidma rigward il-paga minima
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 2324, jista’ l-Prim Ministru jagħti rendikont tal-ħidma li saret matul l-aħħar sena mil-Low Wage Commission b’rabta mal-iżviluppi dwar il-paga minima f’pajjiżna?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab infurmat li l-Low Wage Commission għamlet numru ta’ laqgħat informali ma’ stakeholders f’dan il-qasam, fejn ġie stabbilit il-bżonn ta’ data u statistika biex tippermetti analisi dettaljata tal-Kwistjoni tal-Paga Minima. Għal dan il-għan il-Low Wage Commission qed tikkomunika mal-entitajiet relevanti biex tinkiseb din l-informazzjoni.