Legislature:
Category:
Reset
Active:

Età legali taż-żwieġ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern għandux intenzjoni li jara li l-età legali taż-żwieġ titla’ għal 18-il sena?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Gvern qed jara x’passi jistgħu jittieħdu, anke fid-dawl tat-tibdil li seħħ fis-soċjeta tagħna min mindu daħlet il-liġi taż-żwieġ f’pajjiżna.

Sptar Ġenerali ta’ Għawdex – Pazjenti trasferiti għall-kura fi sptar f’Malta

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid fl-ewwel disa' xhur ta' din is-sena (2022), xahar b'xahar, kemm-il pazjent daħal fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex u l-kura tiegħu kellha f'xi ħin titkompla fl-Isptar Mater Dei jew f'xi sptar ieħor pubbliku f'Malta?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fl-ewwel disa xhur ta’ din is-sena medja ta’ 29 pazjent fix-xahar daħal fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex u l-kura tiegħu kellha f'xi ħin titkompla fl-Isptar Mater Dei.

Żurrieq/Birżebbugġa – twessigħ ta’ Triq Ħal Far

Question

B' referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1253, jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb illi titwessa’ ftit Triq Ħal Far - li miż-Żurrieq tagħti għal Birżebbuġa – mill-Kappella ta’ Sant’Agata sal-fdalijiet tal-Bakkari, peress li f’partijiet minnha t-triq tant hi dejqa li ma jgħaddux żewġ karozzi maġenb xulxin, u dan peress illi din it-triq hija alternattiva għall-mini ta’ Ħal Kirkop?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma jeżistux pjanijiet sabiex isir twessigħ ta’ toroq fl-akwati indikati.

Kirkop Tunnels and Airport Intersection Project

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1252, jista’ l-Ministru jkun dirett fir-risposta tiegħu u jgħid meta se jitlesta għalkollox il-proġett tal-Kirkop Tunnels and Airport Intersection Project (KTAIP)?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Kirkop Tunnels and Airport Intersection Project (KTAIP) huwa mmirat li jitlesta sa nofs is-sena d-dieħla.

L-Imqabba – xogħol ta’ tisbiħ – performance guarantee

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1250, jista’ l-Ministru jgħid jekk xi parti mill-Peformance Guarantee li kienet tammonta għal €178,222.67 ġietx miżmuma mill-Gvern ħalli f'każ li jirriżultaw aktar difetti fix-xogħol li sar, hekk kif kien il-każ f'dawn l-aħħar xhur, il-kuntrattur ikun kostrett jagħmel ix-xogħlijiet ta' tiswija neċessarji mingħajr dewmien u a spejjeż tiegħu? Jekk fl-affermattiv, kemm hu l-ammont ta' flus miżmum mill-Gvern u għal liema tul ta' żmien?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-istess kuntratti, jinżammu wkoll Retention Monies ta’ 5% fuq il-valur tax-xogħol kollu li jkun iċċertifikat għal sentejn wara li jitlesa l-proġett. Għaldaqstant, mill-ħlasijiet dovuti lill-kuntrattur, inżammet is-somma ta’ €100,567.04 (inkluż VAT) bħala garanzjia għal difetti li jistgħu jirriżultaw f’dan il-perjodu. Din is-somma tiġi rilaxxata f’erba’ pagamenti indaqs, wieħed kull sitt xhur, wara li l-kuntrattur ikun għamel it-tiswijiet meħtieġa ta’ difetti li jkunu ġew identifikati fil-perjodu relatat u wara li dawn it-tiswijiet jiġu ċċertifikati mill-Perit inkarigat. Sa issa ġew rilaxxata nofs ir-Retention Monies u għalhekk hemm is-somma ta’ €50,283.52 miżmuma. Nofs din is-somma ser tiġi rilaxxata dalwaqt, wara ċ-ċertifikazzjoni tal-Perit inkarigat, waqt li l-kumplament tas-somma ser tiġi rilaxxata wara Marzu 2023 jekk ikun hemm iċ-ċertifikazzjoni meħtieġa.

Skema tal-Carbon Farming — pagamenti

Question

B’referenza għal parti mid-diskors tal-Ministru Anton Refalo fid-dibattitu tal-Estimi Ġenerali 2021, partikolarment meta għamel referenza għall-pagamenti taħt Skema tal-Carbon Farming, jista’ l-Ministru jgħid meta ġiet imnedija din l-iskema, xi kriterji ntużaw u kif ġew imqassma dawn il-pagamenti minn meta tnediet l-iskema sad-data tar-risposta?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi għall-fini tal-implimentazzjoni tal-Iskema tal-Carbon Farming, ġie mniedi proġett pilota tal-agroforestrija li se jservi sabiex jiġu mkabbra siġar flimkien ma’ attività agrikola fl-għelieqi, proġett li huwa maqsum fuq numru ta’ fażijiet. Dawk kollha magħżula sabiex jipparteċipaw taħt dan il-proġett pilota ġew mibgħuta ittra sabiex min hu interessat jibgħat l-applikazzjoni tiegħu bil-posta, jew bl-imejl, jew inkella sottomessi direttament fl-uffiċini tal-Agri Connect. Il-benefiċjarji eliġibbli għandhom limitu ta’ massimu ta’ 400 siġra marbutin għajnuna finanzjarja ta’ manutenzjoni għal perjodu ta’ erba’ snin sa massimu ta’ €1,000 għal kull ettaru fis-sena. Għal din il-fażi ġew allokati 4,000 siġra li qed jitqassmu lill-benefiċjarji fuq bażi ta’ min jiġi l-ewwel, jinqeda l-ewwel.

Skema għal sussidju fuq majjal u tiġieġ għall-qatla

Question

B’referenza għal parti mid-diskors tal-Ministru Anton Refalo fid-dibattitu tal-Estimi Ġenerali 2021, partikolarment meta għamel referenza għall-pagamenti taħt skema mnedija f’Mejju 2021 li tagħti sussidju fuq majjal u tiġieġ għall-qatla, jista’ l-Ministru jgħid xi kriterji ntużaw u kif ġew imqassma dawn il-pagamenti minn Mejju 2021 sad-data tar-risposta?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li taħt l-Iskema indikata minnu, li hija l-Iskema Nazzjonali għall-Benesseri tal-Majjal, sad-data tar-risposta twettqu pagamenti li jammontaw għal total ta’ €438,125.00. Id-dettalji kollha relatati ma’ din l-iskema, inkluż il-kriterji ta’ eliġibbiltà u informazzjoni dwar il-ħlasijiet li jsiru taħtha huma ppubblikati fil-linji gwida dettjati tal-Iskema.

Studji dwar il-proposta tal-Metro — esibizzjoni

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 122, 597 u 1117, peress li l-istudji b’rabta mal-proposta tal-Metro li swew lil pajjiżna €1,807,907.41 kienu ilhom lesti xhur, jekk mhux snin, qabel saret l-esibizzjoni msemmija, jista’ l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li għas-servizzi biex issir din l-esibizzjoni ma ħarġux tenders kompetittivi varji minflok direct orders? X’inhi r-raġuni li dawn id-direct orders ingħataw lil kumpanija waħda, meta tali servizzi varji setgħu faċilment ingħataw b'tenders varji li kienu jkunu ferm aktar cost effective u t-taxpayer kien ikollu aktar value for money għas-servizzi/prodotti li ngħataw?

Response (FARRUGIA, AARON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant ghar-risposta parlamentari 598.

Ir-Rabat — trasport pubbliku – Rotta Nru 109

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet biex jitjieb is-servizz tal-karozzi tal-linja għall-benefiċċju tar-residenti li jgħixu fil-limiti tar-Rabat (Malta), b’mod partikolari jekk hemmx ħsieb li r-rotta 109, li bħalissa tgħaddi minn postijiet bħall-Baħrija, l-Għemmieri, Tas-Salib u s-Saqqajja kull sagħtejn, tibda tgħaddi b’mod iżjed frekwenti, ngħidu aħna kull siegħa bħalma kienet tgħaddi sa ftit snin ilu? Hemm ħsieb li jiżdiedu aktar rotot li jgħaddu mil-limiti tar-Rabat?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Intepellant li nixtieq nibda billi nagħmel osservazzjoni dwar ir-rotta 109/109A. Infurmat li din ir-rotta sservi l-Baħrija, is-Saqqajja, u r-Rabat kull siegħa u mhux kull sagħtejn. Fil-preżent Transport Malta qiegħda ssegwi l-andament tar-rotot, partikolarment dak li għandu x’jaqsam ma’ frekwenzi u “capacity” sabiex jiġu indirizzati xi nuqqasijiet li jista' jkun hemm.

Trasport Pubbliku — Proġett Pilota ta' Autonomous Buses

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2476 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 882, jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar l-aħħar żviluppi fil-proġett pilota ta’ autonomous buses u jagħti indikazzjoni taż-żmien meta l-proġett ikun jista’ jibda?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2476.

Ħal Far – proġett tat-trakka tal-karozzi — konsultazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2483 u jgħid ma’ min saret konsultazzjoni, inkluż NGOs, fuq il-proġett tat-trakka tal-karozzi f’Ħal Far?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-trakka tal-karozzi ilha fil-post li tinsab illum għexieren ta’ snin. Se jsir titjib u estensjoni fuq l-infrastruttura e¿istenti, f’art li diġa hi u¿ata għal skopijiet jew industrijali jew sportivi. Dan il-proċess kien jinkludi diversi stakeholders inkluż il-Malta Motorsport Federation.

Pazjenti fid-djar tal-anzjani — votazzjoni

Question

Jista’ l-Prim Ministru jispjega l-proċedura li biha jiġu evalwati pazjenti fid-djar tal-anzjani dwar il-kapaċità tagħhom li jivvotaw u jagħti rendikont xahar b’xahar ta’ kemm-il pazjent ġew meqjusa li ma jistgħux jivvotaw fis-snin 2021 u 2022 (s’issa)?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li: Il-Bord Mediku huwa mwaqqaf skont l-artikolu 14 tal-Att dwar l-Elezzjonijiet Ġenerali (Kap. 354), li jistabbilixxi li: “(1) Għandu jitwaqqaf Bord Mediku li lilu jiġu riferiti kwistjonijiet dwar jekk persuna li tkun applikat biex tiġi reġistrata bħala elettur jew li tkun diġà hekk reġistrata, tkunx skwalifikata milli tiġi hekk reġistrata skont l-artikolu 58(a) tal-Kostituzzjoni. (2) Il-Bord Mediku għandu jkun magħmul minn tabib maħtur mill-Kummissjoni, li għandu jippresjedi, u tabib maħtur minn kull wieħed mill-partiti politiċi. Il-Bord Mediku għandu jitqies bħala li jkun twaqqaf validament ġaladarba jkun inħatar it-tabib li jippresjedi jew xi wieħed mill-membri.” Skont l-Artikolu 27 (5) tal-Att dwar l-Elezzjonijiet Ġenerali: “Il-Bord Mediku għandu jirregola l-proċeduri tiegħu stess.” Il-każijiet għall-assessjar tal-kapaċità ta’ votant li jivvota f’elezzjoni, jiġu riferuti lill-Bord Mediku wara li jkun sar Cognitive Test li tfassal mill-Bord Mediku stess. Skont l-Artikolu 27 (3) tal-Att dwar l-Elezzjonijiet Ġenerali: “Id-deċiżjonijiet tal-Bord Mediku li elettur ikollu inabilità tal-moħħ għandhom jittieħdu b’vot unanimu u għandhom jitwasslu bil-miktub lill-Kummissjoni li wara tgħarraf lill-elettur bihom.” Rendikont dwar id-deċiżjonijiet tal-Bord Mediku ta’ votanti li ġew meqjusa li ma jistgħux jivvotaw fis-snin 2021 u 2022. Jannar sa Ottubru 2021 Il-Bord Mediku ma ltaqax minħabba r-restrizzjonijiet marbuta mal-imxija tal-pandemija u sakemm tfassal cognitive test ġdid. Hekk kif tlesta t-tfassil tal-Cogitive Test, saru l-Cognitive Tests fuq il-votanti residenti fid-Djar tal-Anzjani u dawk li qabżu l-iskala stabbilita mill-Bord Mediku ġew riferuti lill-Bord Mediku għal deċiżjoni finali dwar l-eliġibilità tagħhom bħala votanti. Novembru 2021 9 votanti ġew iddikjarati li mhumiex kapaċi li jivvutaw f’elezzjoni. Diċembru 2021 8 votanti ġew iddikjarati li mhumiex kapaċi li jivvutaw f’elezzjoni. Frar 2022 34 votant ġew iddikjarati li mhumiex kapaċi li jivvutaw f’elezzjoni. April 2022 27 votant ġew iddikjarati li mhumiex kapaċi li jivvutaw f’elezzjoni. Mejju 2022 93 votant ġew iddikjarati li mhumiex kapaċi li jivvutaw f’elezzjoni. Ġunju 2022 20 votant ġew iddikjarati li mhumiex kapaċi li jivvutaw f’elezzjoni. Lulju 2022 55 votant ġew iddikjarati li mhumiex kapaċi li jivvutaw f’elezzjoni. Awwissu 2022 25 votant ġew iddikjarati li mhumiex kapaċi li jivvutaw f’elezzjoni. Settembru 2022 43 votant ġew iddikjarati li mhumiex kapaċi li jivvutaw f’elezzjoni.

Liġi dwar l-Estetika għall-Ippjanar ta’ Żvilupp Urban

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2477, jista’ l-Ministru jgħid meta se tkun ippreżentata l-Liġi dwar l-Estetika għall-Ippjanar ta’ Żvilupp Urban u jgħid jekk hux se jkun hemm perjodu ta’ konsultazzjoni pubblika?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Jiġi ċċarat li l-Gvern mhux ser ikun qed jippreżenta liġi dwar l-Estetika għall-Ippjanar ta’ Żvilupp Urban. Il-Gvern ser ikun qed jintroduċi aesthetics policy fil-qafas tal-Att dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp tal-2016 li jipprovdi l-proċedura li trid tkun segwita biex policy bhal din tidħol fis-seħħ. Din il-proċedura tirrikjedi konsultazzjoni pubblika f’diversi stadji tat-tfassil tal-policy. Il-policy tiġi ppreżentata meta jkunu tlestew ir-rapporti tekniċi dwar din il-materja li tolqot aspetti wiesgħa tal-ippjanar, l-ambjent, l-arkitettura u l-kostruzzjoni. Għalhekk, irid jingħata ż-żmien adegwat biex jitħejja abbozz ta’ proposti maħsuba u bilanċjati li jilħqu l-għan aħħari li ssir qabża fil-kwalità tal-ambjent urban.

National Cyber Secuirty Strategy Steering Committee

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont tal-ħidma li saret matul l-aħħar sena, inkluż kemm-il darba ltaqa', xahar b'xahar, in-National Cyber Security Strategy (NCSS) Steering Committee?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill- Onorevoli Interpellant li wara t-tħejjija tal-istrategija, il-Kumitat kompla bil-ħidma tiegħu fejn ġie mwaqqaf ‘Ad Hoc Core Group’ magħmul minn membri tal- istess Kumitat, bi pjan ċar, sabiex ikun mfassal National Incidence Response Plan. Dan il-Pjan wasal fl-aħħar stadju u se jkun ippre¿entat u approvat minn National Cyber Security Strategy (NCSS) Steering Committee. Il-Kumitat kien ukoll f’kuntatt kontinwu permezz ta’ korrispondenza elettronika u fejn kien hemm il-ħtieġa ġiet iċċirkulata korrispondenza/informazzjoni dwar cyber security issues għall-attenzjoni u l-feedback tal-Kumitat. Il-Kumitat iltaqa’ 11 il-darba bejn Jannar u Awwissu tas-sena 2022. Il-Kumitat għamel ukoll diversi laqgħat ma l-istakeholders maġġuri. Saru ukoll ¿ewg laqgħat Ad Hoc f’ Ġunju u t’Ottubru tas-sena 2022, fejn l-istess membri tal Kumitat kienu mistiedna għal diskussjonijiet innformali rigward Cyber Incidence Response, organizzati mid-dipartiment tal- Critical Infrastrucure Protection.

Residual Balances Fund Committee

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont tal-ħidma li saret matul l-aħħar sena, inkluż kemm-il darba ltaqa', xahar b'xahar, ir-Residual Balances Fund Committee?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Att Dwar il-Fond għall-Bilanċi Residwi daħal fis-seħħ fil-11 ta’ Awwissu 2020, fejn l-iskop u l-għan prinċipali huwa sabiex jiġi faċilitat il-proċess ta’ xoljiment u stralċ ta’ istituzzjoni ta’ kreditu konformi mal-kriterji stabbiliti f’dan l-Att, fil-waqt li jiġi permess li jsir rilaxx kontrollat tal-bilanċi residwi trasferiti minn dik l-istituzzjoni ta’ kreditu li jkun jiżgura l-prevenzjoni ta’ money laundering u l-iffinanzjar tat-terroriżmu. L-ewwel laqgħa tal-Kumitat saret fis-16 ta’ April 2021 fejn matul is-sena 2021 saru 10 laqgħat u minn Jannar ta’ 2022 sal-lum saru 15-il laqgħa kif imniżżel hawn taħt: Xahar Numru ta’ laqgħat Jannar 1 Frar 1 Marzu 1 Mejju 3 Gunju 3 Lulju 3 Awwissu 1 Settembru 1 Ottubru 1 15 Minn mindu daħlet fis-seħħ il-liġi, il-kumitat iltaqa' biex jipprepara għall-eventwalità tat-trasferiment tad-depożiti passivi skont it-termini tal-Att rispettiv. Ix-xogħol li sar kien xogħol preparatorju għal meta l-Fond isir operattiv. Dan kien jinkludi l-proċess ta’ reklutaġġ ta' ħaddiema, uffiċini, tagħmir u sistemi tal-informatika u kumnikazzjonijiet, faċilitajiet bankarji, budgeting u proċeduri interni fost l-oħrajn. Saru wkoll diversi laqgħat ma' entitajiet u awtoritajiet li għandhom rwol fit-trasferiment ta' l-imsemmija bilanċi residwi.

Kumitat Ġenerali tal-Kuntratti

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont tal-ħidma li saret matul l-aħħar sena, inkluż kemm-il darba ltaqa', xahar b'xahar, il-Kumitat Ġenerali tal-Kuntratti?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Kumitat Ġenerali tal-Kuntratti huwa mwaqqaf u regolat mill-artikoli 64 sa 72 ta’ LS601.03. Il-Kumitat Ġenerali tal-Kuntratti jkun magħmul mid-Direttur tal-Kuntratti, li jkun ex officio chairman, flimkien ma’ membri oħra li ma jkunux inqas minn erbgħa iżda mhux aktar minn għaxra. Il-ħidma tal-Kumitat Ġenerali tal-Kuntratti ikkonsistiet/tikkonsisti f’dan li ġej: (a) ta pariri fuq kull kwistjoni li tirrigwarda kuntratti pubbliċi, kif ukoll fuq l-akkwist pubbliku ta’ materjali, xogħlijiet u servizzi; (b) għarbel rapporti u rakkomandazzjonijiet mogħtija minn awtoritajiet kontraenti u jagħmel rakkomandazzjonijiet definittivi għall-għoti ta’ kuntratti waqt li jiżgura li jintlaħaq l-aħjar valur għall flus; (ċ) jirrapporta kull irregolarità li tista’ tinġieb għall-għarfien tiegħu jew li tista’ tiġi osservata fil-proċess ta’ offerti u jagħmel rakkomandazzjonijiet fuqhom; (d) jittratta kwistjonijiet li, skont il-kuntratt, għandhom jiġu riferiti lilu, u jisma’ u jwettaq medjazzjoni fuq tilwim kif ikun il-każ; (e) formalment jinvestiga lmenti li jirrigwardaw kuntratti pubbliċi u akkwisti pubbliċi u jagħmel rakkomandazzjonijiet dwarhom; u (f) assista lid-Direttur fl-eżekuzzjoni tad-dmirijiet tiegħu skont dawn ir-regolamenti.

Bord Konsultattiv dwar id-Disinji tal-Bolol

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont tal-ħidma li saret matul l-aħħar sena, inkluż kemm-il darba ltaqa', xahar b'xahar, il-Bord Konsultattiv dwar id-Disinji tal-Bolol?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proċedura ta’ kull ħruġ ta’ bolla ġdida tinkludi x-xogħol preparatorju tal-bolla mill-MaltaPost, internament jew minn disinjatur/artist maħtur; kull proposta tal-immaġni tat-timbru għandha tiġi ppre¿entata lill-bord Stamp Design Advisory Board (SDAB). Qabel il-Covid, il-Bord kien jiltaqa’ b’mod regolari u jkollu pre¿entazzjoni vi¿iva. Waqt Covid ma baqax isiru laqgħat b’mod fi¿iku u x-xogħol tal-bord beda jsir kollu permezz ta’ emails iċċirkolati lill-membri kollha. Din hija prassi li baqgħet tin¿amm peress li nhass li kientet aktar effiċjenti. L-immaġini u l-pre¿entazzjoni issa qed jiġu ppre¿entati bl-email b'deskrizzjoni qasira lill-membri kollha tal-bord, biex jiddeċiedu dwar l-adattabilità tagħhom kemm legalment kif ukoll fattwalment. L-SDAB għalhekk iwettaq il-biċċa l-kbira tad-deċi¿jionijiet online bejn il membri kollha tal board u l-proċess hu wieħed kontinwu.

Bord tal-Parole

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont tal-ħidma li saret matul l-aħħar sena, inkluż kemm-il darba ltaqa', xahar b'xahar, il-Bord tal-Parole?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li matul is-sena 2021 il-bord tal-parole iddeċieda fuq sitta u ħamsin każ. Infurmat li fir-rigward ta’ emendi, sospensjoni u revoki tal-liċenzji tal-Parole, kien hemm ukoll seba’ (7) liċenzji tal-Parole li ġew mibdula.

Is-Siġġiewi – Triq il-Kbira u Sqaq il-Qajjied – qtugħ ta’ dawl

Question

Peress li kien hemm ilmenti rigward qtugħ ta' dawl f'xi toroq fis-Siġġiewi, partikolarment f'partijiet minn Triq il-Kbira u Sqaq il-Qajjied, tista’ l-Ministru tgħid x'qed isir dwar dan?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li min-nofs Awwissu ’l quddiem, fiż-żona li qed issir referenza għaliha fil-mistoqsija, kien hemm ħames każijiet ta’ sospensjoni tal-elettriku li erbgħa minnhom kienu ppjanati minħabba xogħlijiet ta’ manutenzjoni. Il-każ l-ieħor kien ikkaġunat minn ħsara fil-linji tal-elettriku. B’mod ġenerali, meta s-sospensjonijiet ikunu ppjanati, il-kumpanija Enemalta toħroġ avviż minn jumejn qabel u l-klijenti li jirreġistraw għal dan is-servizz jirċievu notifika b’messaġġ personali.

Żona ta’ Kordin — Tħawwil ta’ siġar

Question

Tista’ l-Ministru tara jekk huwiex possibbli li jitħawlu siġar fiż-żona tat-tarf ta’ Kordin u fiż-żona taċ-China Dock peress li min-naħa tal-Belt Valletta din iż-żona verament tidher kerha u mitluqa?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li mill-analisi preliminari tas-siti inkwistjoni, dawn jikkonsistu primarjament minn blat bi ftit ħamrija u f’xi partijiet huma wkoll imtarrġa apparti li huma biswit il-port il-kbir ukoll. Madankollu, ser isiru l-investigazzjonijiet meħtieġa biex jiġi stabbilit il-potenzjal ta’ dawn is-siti.