Legislature:
Category:
Reset
Active:

Escooters — liċenzji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il liċenzja tal-escooters inħarġet s'issa? Hemm pjanijiet biex l-użu tal-helmet meta jiġi misjuq l-escooter isir mandatorju? Hemm xi pjanijiet biex isir xi tibdil fl-infrastruttura tat-toroq biex dan it tip ta’ trasport jiġi akkomodat u jkun jista’ jintuża b’mod iktar sikur?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sal-21 ta’ Ġunju kien hawn 1578 eKickScooters liċenzjati. Sa issa ma hemm l-ebda’ pjan sabiex l-użu tal-helmet isir mandatorju meta jiġi misjuq l-eScooter. Minkejja dan, għalkemm l-użu tal-helmet m’huwiex mandatorju, TM dejjem issuġġeriet li jintuża helmet, bħal filkaż tas-sewqan tar-roti, fejn helmet ukoll m’hix mandatorja li tintuża. Sa issa ma hemmx pjanijiet li jsir tibdil ulterjuri fl-infrastruttura tat-toroq biex jakkomoda speċifikament dan it-tip ta’ sewqan. Madanakollu, l-liġi sussidjarja S.L 499.67 hija ċara fir-rigward ta’ kif, fejn u b’liema veloċità jistgħu jinstaqu l-eKickScooters sabiex tigi ssalvagwardjata s-saħħa u s-sigurta’ kemm tas-sewwieq kif ukoll ta’ dawk kollha li qed jagħmlu użu mit-triq jew il-post fejn qed jinstaq l-eKickscooter.

Awtorità tad-Djar – nies ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu nies ġodda mal-Awtorità tad-Djar, mill-2017 ’l hawn, sena b’sena, sal-ġurnata li qed tiġi mwieġba din id-domanda?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mis-sena 2017 sal-lum, l-Awtorità tad-Djar impjegat is-segwenti numru ta’ nies: Numru ta' Impjegati fil-31/12/2016 125 Sena 2017 - Impjegati li spiċċaw* 13 Sena 2017 - Impjegati ġodda 18 Sena 2018 - Impjegati li spiċċaw 17 Sena 2018 - Impjegati ġodda 16 Sena 2019 - Impjegati li spiċċaw 8 Sena 2019 - Impjegati ġodda 17 Sena 2020 - Impjegati li spiċċaw 13 Sena 2020 - Impjegati ġodda 39 Sena 2021 - Impjegati li spiċċaw 17 Sena 2021 - Impjegati ġodda 37 Sena 2022 - Impjegati li spiċċaw 16 Sena 2022 - Impjegati ġodda 13 *Dawn jinkludu impjegati li rriżenjaw jew irtiraw.

Awtorità tad-Djar — ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema fl-Awtorità tad-Djar, li daħlu mill-2017 sal-ġurnata li tiġi mwieġba din id-domanda, kemm minnhom ingħataw post ġdid jew post alternattiv?

Response (GALDES, RODERICK)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika t-talba tiegħu sabiex l-informazzjoni li tingħata tkun korretta.

Air Malta — Medjatur bejn il-Gvern u l-Union of Cabin Crew

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1477, jista' l-Ministru jikkonferma li l-medjatur, li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, bejn il-Gvern u l-Union of Cabin Crew tal-Air Malta fl-2017/2018 kien tħallas għall-medjazzjoni tiegħu u jistax jgħid jekk tali somma/ħlas kienx jeċċedi l-€100,000? Jista’ jagħti ċ-ċifra eżatta ta’ tali ħlas u d-data meta sar il-pagament?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. interpellant li l-informazzjoni li ngħata hija kompletament skorretta. Il-medjatur li qed jirreferi għalih ma talab u ma rċieva ebda ħlas għall-ħidma tiegħu fil-kwistjoni msemmija bejn il-Gvern u l-Union tal-Cabin Crew tal-Air Malta lura fl-2017/2018, li ssarrfet f’riżultati mixtieqa miż-żewġ naħat. Għaldaqstant ninfurmah li ma ngħata l-ebda ħlas f’dan ir-rigward, wisq inqas is-somma ta’ €100,000 jew aktar, kif qed jissuġġerixxi hu.

Il-Fgura – Triq Vinċenza Maculano — tindif

Question

Jista’ l-Ministru jara jekk hux possibbli li Triq Vincenza Maculano fil-Fgura jkollha tindif iktar regolari tul il-ġimgħa?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Fgura li t-tindif fi Triq Vincenza Maculano fil-Fgura qed isir skont it-tender document, kif miftiehem u maqbul mill-Kunsill.

Il-Fgura – Triq Mondion — tindif

Question

Jista’ l-Ministru jara jekk hux possibbli li Triq Mondion fil-Fgura jkollha tindif iktar regolari tul il-ġimgħa?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Fgura li t-tindif fi Triq Mondion fil-Fgura qed isir skont it-tender document, kif miftiehem u maqbul mill-Kunsill.

Il-Fgura – Triq Martin Luther King – kwantita ta’ bagħal taż-żunżan

Question

Jista’ l-Ministru jara x’passi ttieħdu fir-rigward tal-problema ta’ kwantità ta’ bagħal taż-żunżan (hornets) ġewwa Triq Martin Luther King il-Fgura?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Fgura li tqabbad ‘pest controller’.

Il-Fgura – Triq Mater Boni Consigli – Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju ta’ xogħol ta’ kostruzzjoni wasal, Triq Mater Boni Consiglii l-Fgura? Jista’ jgħid ukoll kemm huwa kalkulat li ser iddum iktar biex tiġi finalizzata u kemm ser tiġi tiswa?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.

Il-Fgura – Triq Mater Boni Consigli – Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju ta’ xogħol ta’ kostruzzjoni wasal Triq Mater Boni Consiglii l-Fgura? Jista’ jgħid ukoll kemm huwa kalkulat li ser iddum iktar biex tiġi finalizzata u kemm ser tiġi tiswa?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari Nru 3137.

Il-Fgura – Triq San Pietru – traffiku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ttieħdu sabiex l-inkonvenjent għall-pubbliku fit-traffiku li ġie maħluq reċentement fil-parti ta’ wara ta’ Triq San Pietru, il-Fgura minħabba x-xogħol f’Triq Mater Boni Consiglii jiġi mtaffi u korrett?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.

Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa — Advisors

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm impjega Advisors fil-Ministeru tiegħu u kemm hu t-total tan-nefqa?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Ministeru għas-Saħħa jimpiega advisors skont il-PSMC (Public Service Management Code).

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ — Advisors

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm impjega Advisors fil-Ministeru tiegħu u kemm hu t-total tan-nefqa?

Response (BORG, IAN)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ Advisors huwa ta’ sitta (6). In-nefqa totali mistennija tkun ta’ €284,296.

Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal- Advisors

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm impjega Advisors fil-Ministeru tiegħu u kemm hu t-total tan-nefqa?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni mitluba hija kif qed tkun preżentata fi tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali — Advisors

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm impjega Advisors fil-Ministeru tiegħu u kemm hu t-total tan-nefqa?

Response (REFALO, ANTON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li fil-Ministeru li tiegħu jiena responsabbli ma ġew impjegati l-ebda Advisors.

MFSA – Rikorsi Kostituzzjonali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru rikorsi (kawżi) kostituzzjonali kontra l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta (MFSA) sena b’sena mill-2017 s’issa? Jista’, f’kull każ, jagħti l-okkju tal-każ u fejn il-każ ġie deċiż, meta ġie deċiż?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi b’kollox infetħu tliet (3) kawżi kostituzzjonali mis-sena 2017 sal-lum, ebda waħda minnhom ma ġiet deċiża: Carmel Cortis et vs. Prim Ministru et, Rikors Numru 21/2019; Phoenix Payments Ltd vs. MFSA et, Rikors Numru 272/2021; u Iosif Galea vs. MFSA et, Rikors Numru 49/2022

Animal Welfare Gozo – Persuna assenjata

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Animal Welfare Gozo jaqax taħt ir-responsabilità tal-Ministeru tiegħu? Jista' jgħid min hu inkarigat minn din it-taqsima u xi grad għandha din il-persuna u ma’ liema Ministeru hija assenjata l-istess persuna? Jista' jgħid kif sar il-proċess tal-għażla ta' din il-persuna? Jista' jgħid meta saret is-sejħa pubblika għal din il-kariga? Jista' jgħid kemm ħaddiema hemm f'din it-taqsima u l-ħinijiet tax-xogħol ta' dawn il-ħaddiema? Jista' jgħid kemm minn dawn il-ħaddiema huma fil-grad ta' Animal Welfare Officer?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sezzjoni tal-Animal Welfare Gozo taqa’ taħt ir-responsabiltà diretta tad-Direttur għad-direttorat EkoGħawdex fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex. F’din it-taqsima hemm jaħdmu 17-il ħaddiem li joffru fost oħrajn servizz t’ambulanza 24 siegħa sebat ijiem fil-ġimgħa.

Għawdex – Proġetti mid-dħul tat-taxxa f’lukandi u akkomodazzjonijiet oħra

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2169, jista’ l-Ministru jispjega kif id-dħul mit-taxxa fuq l-akkomodazzjoni kien ta' €1,005,161 bejn il-bidu tal-2016 sal-aħħar ta' Ġunju 2022, meta skont ċifri maħruġa mill-NSO in-numru ta' bed nights f'Għawdex sal-aħħar tas-sena 2021 kien ta' kważi 2.8 miljun (1.6 miljun foreign tourists u 1.17 miljun domestic tourists) u dan meta hemm nieqes f'dawn iċ-ċifri l-ewwel sitt xhur ta' din is-sena? Għaliex din id-diskrepanza?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Nadur, Għawdex – Triq ir-Rabat – ħajt ta’ lqugħ tal-konkos

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 2174, jista’ l-Ministru jgħid min qed jaħdem fuq il-pjan ħolistiku għat-triq prinċipali li twasslek għal-lokalità tan-Nadur? Jista' jgħid fiex wasal dan il-pjan u meta hu mistenni li jkun lest? Jista' jgħid jekk intbagħatx perit biex jevalwa l-periklu li hemm fil-parti fejn hemm konsenturi kbar fil-ħitan ta' lqugħ tal-konkos?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għaddej bl-arranġamenti meħtieġa u nserraħlu moħħu li mhux se nħallu toroq jaqgħu jew idumu xi 50 sena biex issir manutenzjoni fuqhom.

Ministeru għal Għawdex – lista ta’ individwi li jagħmlu parti minn bordijiet u kumitati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-persuni kollha li jagħmlu parti mill-bordijiet u kumitati kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista’, għal kull kumitat u bord rispettiv, jagħti: a. lista ta’ persuni (titlu, isem u kunjom); b. l-irwol tagħhom fi ħdan il-bord jew kumitat; ċ. l-esperjenzi ta’ kull wieħed u waħda minn dawn imsemmija fuq il-bord jew kumitat; d. il-kompetenzi ta’ kull wieħed u waħda minn dawn l-individwi msemmija fuq bord jew kumitat fejn jidħol is-settur ikkonċernat; e. jekk hux qed jattendu fil-kapaċità personali tagħhom jew ex offici; u f. ir-remunerazzjoni mogħtija lil kull individwu?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Filwaqt li nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li diġà tajtu fil-mistoqsija numru 2292, ngħarrfu wkoll li l-proċeduri jimxu skont il-Manwal rispettiv għat-twaqqif ta’ bordijiet u kumitati appuntati mill-Gvern.