Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ toroq li ser isiru ġewwa Santa Luċija fl-aħħar tliet xhur ta’ din is-sena (2022) u tul is-sena 2023? F’liema xahar huwa pproġettat li jibdew? Kemm ser idum sabiex jitlesta kull proġett? Jista’ jelenka liema toroq ser jingħata fihom wiċċ biss u liema ser issir rikostruzzjoni?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-lokalità ta’ Santa Luċija, Infrastructure Malta diġà bniet mill-ġdid u għamlet xogħlijiet fi Triq Bruka, Triq il-Ġizimin, Triq Żnuber, Triq Gardenja, Dawret it-Torri, Triq il-Prinjoli, Triq Katerina Vitale, Triq Klematis, Trejqet Garnaw, Triq Dun M. Mifsud u Triq l-Istefanotis.
Infrastructure Malta ilha sa mit-twaqqif tagħha taħdem mal-Kunsilli Lokali kollha biex gradwalment tibni mill-ġdid it-toroq kollha li jinsabu fi stat ħażin. L-aġenzija għadha kemm varat proċess ta’ konsultazzjoni mal-Kunsilli Lokali fejn talbithom biex sa Novembru li ġej jaġġornaw il-lista ta’ toroq, li huma ta’ prijorità għal-lokalità tagħhom, sabiex dawn ikunu jistgħu jsiru fis-snin li ġejjin skont skeda dettaljata li se tiġi diskussa u maqbula magħhom fiż-żmien li ġej.
Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ toroq li ser isiru ġewwa l-Gudja fl-aħħar tliet xhur ta’ din is-sena (2022) u tul is-sena 2023? F’liema xahar huwa pproġettat li jibdew? Kemm ser idum sabiex jitlesta kull proġett? Jista’ jelenka liema toroq ser jingħata fihom wiċċ biss u liema ser issir rikostruzzjoni?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-lokalità tal-Gudja, Infrastructure Malta diġà bniet mill-ġdid u għamlet xogħlijiet fi Triq Filippu Castagnia, Triq il-Lewż, Triq Awrekarja, Triq Ħal Resqun, Triq Raymond Caruana, Triq id-Dejqa, Triq Ħal Saptan, Vjal it-Torri, Triq il-Kappella, Triq Santa Katerina, Triq Joseph Pace, Triq Bir Miftuħ, Triq William Baker, Triq Vincenzo Dimech, Triq il-Mazza u Sqaq Ħabel Wati.
Infrastructure Malta ilha sa mit-twaqqif tagħha taħdem mal-Kunsilli Lokali kollha biex gradwalment tibni mill-ġdid it-toroq kollha li jinsabu fi stat ħażin. L-aġenzija għadha kemm varat proċess ta’ konsultazzjoni mal-Kunsilli Lokali fejn talbithom biex sa Novembru li ġej jaġġornaw il-lista ta’ toroq, li huma ta’ prijorità għal-lokalità tagħhom, sabiex dawn ikunu jistgħu jsiru fis-snin li ġejjin skont skeda dettaljata li se tiġi diskussa u maqbula magħhom fiż-żmien li ġej.
San Pawl il-Baħar – post fejn tingħata t-tilqima tal-Influwenza u ta’ kontra l-COVID-19
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3034, filwaqt li napprezza li r-residenti tal-Mellieħa u tan-Naxxar se jkunu jistgħu jieħdu t-tilqima tal-influwenza u t-tilqima kontra l-virus tal-COVID-19 fil-lokalità fejn joqogħdu, għax dan inaqqas l-iskariġġ għal min hu kkonċernat, jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jikkonsidra li minkejja li f'San Pawl il-Baħar ma hemmx klinika, jinstab post f’din il-lokalità minn fejn ir-residenti jingħataw it-tilqima, iktar u iktar bħalissa peress li l-poliklinika tal-Mosta għandha wkoll il-funzjoni li toffri servizzi li qabel kienu jingħataw mill-poliklinika ta’ Birkirkara?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi hemm 10 Ċentri tas-Saħħa u 21 Klinika tal-Komunità li jinsabu mifruxa madwar Malta u Għawdex fejn qed jingħataw it-tilqim tal-influwenza u t-tilqim kontra l-virus tal-COVID-19.
San Pawl il-Baħar – partijiet mil-lokalità li għadhom mingħajr sistema tad-drenaġġ
Question
Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar liema partijiet mil-lokalità ta' San Pawl il-Baħar għadhom mingħajr sistema tad-drenaġġ? F'kull każ, meta hu maħsub li din is-sistema titwassal fl-inħawi fejn sa issa għad ma hemmx tali sistema? Xi studji wettqet il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma biex tipprepara għal din l-estensjoni fis-sistema?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li ma jidhirx li hemm xi partijiet mil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar li m’għandhomx sistema tad-drenaġġ.
B'referenza għax-xogħol li qed jingħad li ser isir fl-inħawi tax-Xemxija fuq is-sistema tad-drenaġġ, tista' l-Ministru tipprovdi kopja tat-Traffic Management Plans għal waqt dawn l-istess xogħlijiet? Billi qed jingħad li x-xogħol ser ikun qed isir billejl, tista' tagħti wkoll tagħrif dwar kif ser jiġi assigurat li l-istorbju waqt ix-xogħol ikun l-inqas wieħed possibbli?
Response (DALLI, MIRIAM)
It-traffic management plans ikunu jridu jiġu sottomessi lil Transport Malta mill-kuntrattur li jkun ser iwettaq il-proġett.
Ninsab infurmata li f’dan l-istadju għad m’hemmx kuntrattur magħżul u allura għadu kmieni biex ikun hemm traffic management plan. Fir-rigward tal-ħsejjes il-kuntratt se jkun jesiġi li l-kuntrattur jadotta l-miżuri kollha neċessarji sabiex jillimita tali ħsejjes.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk preżentement hemmx applikazzjonijiet pendenti quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar għal dak li jikkonċerna l-iżvilupp marbut mal-Iskola Primarja tal-Qawra? Jekk iva, fiex jikkonsisti l-iżvilupp li għalih l-applikazzjoni għadha pendenti? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk l-istess skola għandhiex compliance certificate mill-Awtorità tal-Ippjanar?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma hemm l-ebda applikazzjoni pendenti fir-rigward ta’ din l-iskola quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar.
Billi reċentement ingħad li saret applikazzjoni biex il-heliport Għawdex jiġi estiż ħalli jkun jista' jieħu ajruplani fixed wing, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ dawn il-pjanti? Jista' jagħti tagħrif dwar kemm hu stmat li jiswa x-xogħol li għalih qiegħda ssir l-applikazzjoni? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk hemmx operaturi ta' ajruplani li diġà wrew interess li jużaw din il-faċilità, u jekk iva għal liema destinazzjoni?
Response (CAMILLERI, CLINT)
B’dan il-proġett se tkompli tissaħħaħ il-konnettività t’Għawdex b’rispett sħiħ lejn l-ambjent tal-madwar. Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanti li ġew rikjesti.
Trasport bil-fast ferry bejn Malta u Għawdex — żviluppi
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar xi żviluppi kien hemm għal dak li jirrigwarda t-trasport bil-fast ferry bejn Malta u Għawdex? Billi fl-aħħar ġimgħat kien hemm rapporti li tkellmu dwar possibiltà ta’ sussidju għal dan it-trasport, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk id-diskussjonijiet bdewx inkella le? Jista' jagħti tagħrif dwar meta hu maħsub li jidħol fis-seħħ dan l-istess ftehim?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn anzjani Għawdxin li jridu s-servizz ta’ helpers fid-djar tagħhom imma mhux jingħatalhom? Jista’ jgħid kemm hawn anzjani li sa sitt xhur ilu kellhom is-servizz ta’ helpers fid-dar tagħhom f’Għawdex imma m’għadux jingħatalhom? Jista’ jgħid ukoll minn Jannar tal-2021 sal-lum kemm kien hemm helpers f’Għawdex li telqu minn fuq il-post tax-xogħol tagħhom? Jista’ jgħid kemm hu dan l-ammont kull xahar tal-helpers li telqu?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li l-vapur tal-Gozo Channel mhux jgħabbi ‘full-passenger capacity’ u ħafna persuni qed jibqgħu l-art, speċjalment fil-‘peak-time’?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-vapuri tal-Gozo Channel jgħabbu passiġġieri skont in-numru ta’ ekwipaġġ preżenti fuq il-vapur.
Il-maximum capacity ta’ passiġġieri li jirkbu fuq il-vapur huwa ta’ 500 passiġġier jew 900 passiġġier, u dan jiddependi min-numru t’ekwipaġġ li jkun hemm fuq l-istess vapur.
Il-kumpanija tħaddem numru t’ekwipaġġ ibbażżat fuq il-projected capacity, u iva jista’ jkun hemm xi każi rari fl-off-peak time fejn jinzerta li n-numru ta’ passiġġieri li jridu jużaw il-vapur ikun akbar min dak proġettat. Fi kwalunkwe każ, waqt il-peak-time, il-vapuri ikollhom ekwippaġġ biżżejjed biex ikunu jistgħu jgħabbu l-maximum capacity ta’ passiġġiera li huwa dak ta’ 900 passiġġier.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-irwol ġdid ta' Head of Department Post-Secondary u kif inhu differenti minn Head of Department ta' suġġett? Jista' jikkonferma jekk din hijiex kariga ġdida ladarba karigi simili jeżistu fil-livell ta' Education Officers biss? Jista' jgħid ukoll kemm-il persuna ġiet ingaġġata f'din it-tali kariga?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rwol tal-Kap tad-Dipartiment hu li jassisti lill-Kapijiet tal-Iskejjel Post-Sekondarji fl-ippjanar kurrikulari ħolistiku mingħajr ma jkun marbut ma’ l-ebda suġġett partikulari.
Il-ħtieġa ta’ dan ir-rwol inħasset minħabba li l-qasam post-sekondarju ma jgawdix mis-servizz ta’ Uffiċjal Edukattiv li jaħdmu mal-iskejjel Primarji u Sekondarji. F’dan ir-rwol ġiet ingaġġata persuna waħda biss.
Jista' l-Ministru jgħid meta saru l-aħħar audits min-naħa tal-Malta Further & Higher Education Authority (MFHEA) tal-entitajiet tal-Gvern li joffru edukazzjoni terzjarja jew għall-adulti, l-Università ta' Malta, l-MCAST, l-ITS, il-Jobsplus, l-Akkademja tal-Pulizija, l-Akkademja tal-Forzi Armati, id-Direttorat tal-Edukazzjoni tal-Adulti (li jaqa' fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni) u l-IFE? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar audits għal kull entità u jgħid meta se jkunu qed isiru l-audits li jmiss għal kull entità?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Trasport Pubbliku — Rotot Mill-Mellieħa/San Pawl il-Baħar għall-Isptar Mater Dei
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux se jkun hemm xi tibdil fir-rotot tat-trasport pubbliku mill-Mellieħa/San Pawl il-Baħar sal-Isptar Mater Dei, peress li mhux qed jissodisfaw il-bżonnijiet tal-pubbliku ġenerali?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-lokalità tal-Mellieħa hija servuta b’żewġ rotot lejn l-Isptar Mater Dei. Dawn huma r-rotta 250 kif ukoll ir-rotta X1. Iż-żewg rotot joperaw bi frekwenza ta’ kull siegħa.
Fir-rigward ta’ San Pawl il-Baħar hemm ippjanat li sa Jannar tas-sena 2023 ha jkun hemm żieda fir rotot 41 u 42 (Ċirkewwa lejn il-Belt – Valletta ). Hu maħsub li b'din iż-żieda din il-problema tiġi solvuta.
Se nkunu qegħdin nieħdu nota tas-suġġeriment għal aktar evalwazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid jekk għandux isir bini mill-ġdid tat-triq jew xogħlijiet ta’ resurfacing fi Triq l-Imrejkba, Buġibba? Jekk iva, meta u f’liema perjodi ta' żmien mistennija jibdew ix-xogħlijiet?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 108.
Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar — chairpersons ta' Bordijiet - spiża fuq safar, mobiles u fuel
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 364 u jelenka l-ispejjeż tas-safar, mowbajls u fjuwil, miċ-Chairpersons tal-Bordijiet li jaqgħu taħtu mill-2017 sal-jum li fih tiġi mwieġba din l-interpellanza?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ , ir-Riċerka u l-Innovazzjoni — chairpersons ta' Bordijiet - spiża fuq safar, mobiles u fuel
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 363 u jelenka l-ispejjeż tas-safar, mowbajls u fjuwil, miċ-Chairpersons tal-Bordijiet li jaqgħu taħtu mill-2017 sal-jum li fih tiġi mwieġba din l-interpellanza?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet — chairpersons ta' Bordijiet - spiża fuq safar, mobiles u fuel
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 355 u jelenka l-ispejjeż tas-safar, mowbajls u fjuwil, miċ-Chairpersons tal-Bordijiet li jaqgħu taħtu mill-2017 sal-jum li fih tiġi mwieġba din l-interpellanza?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Il-Mosta – Trasport Pubbliku – Inkonvenjent minħabba x-xogħlijiet fi Triq il-Kbira
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk jafx bl-inkonvenjent li ilhom ibatu minnu xi sena u nofs ħafna residenti Mostin - kemm ilu jsir ix-xogħol fi Triq il-Kbira - minħabba n-nuqqas ta’ servizz ta’ trasport pubbliku peress li tal-linja mhumiex jgħaddu minn Vjal l-Indipendenza? X’jista’ jsir dwar dan peress li residenti tal-Housing Estate, tan-naħa tal-Mitħna, tal-Blata l-Għolja u l-kumplament ta’ Triq il-Kbira qed ikollhom jimxu xi 20 minuta sal-pjazza jew sal-ewwel bus stop biex jirkbu? Jista’ jgħid jekk hux possibbli li sakemm jitlesta x-xogħol, tal-linja jibqgħu deħlin Vjal l-Indipendenza u jduru mal-kappella ta’ San Silvestru qabel jgħaddu minn Triq il-Kungress u b’hekk in-nies ikunu jistgħu jużaw il-bus stops Mlit u Mitħna u trakkijiet u coaches kbar iduru mal-kappella bla problemi?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minħabba x-xogħolijiet li għaddejjin fi Triq il-Kbira ġewwa l-Mosta, l-karozzi tal-linja kellhom jiġu ddevjati. Transport Malta tinsab infurmata li r-rotta 44 qiegħda tgħaddi minn Vjal l-Indipendenza fiż-żewġ direzzjonijiet, jiġifieri fid-direzzjoni lejn il-Belt Valletta, kif ukoll lejn l-Imġarr. Ta’ min wieħed jinnota li qabel ma bdew dawn ix-xogħlijiet, ir-rotot tat-trasport pubbliku kienu jgħaddu minn Vjal l-Indipendenza f’direzzjoni waħda biss, jiġifieri lejn iċ-ċentru tal-Mosta.
Il-proposta li l-vetturi tat-trasport pubbliku jduru mal-kappella ta’ San Silvestru kienet ġiet evalwata minn Transport Malta. Minn din l-evalwazzjoni ħareġ ċar li kien ta periklu li vetturi tat-trasport pubbliku jdawwru ma’ din il-kappella.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex in-nies tal-Mosta ilhom snin imwiegħda li se jitranġaw il-latrini pubbliċi u dan qatt ma seħħ? Meta se jibda x-xogħol fuqhom?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Mosta li dan huwa proġett li l-Kunsill qed jippjana li jimplimenta, tant illi l-istess Kunsill diġà kiseb il-permessi meħtieġa tal-Awtorità tal-Ippjanar.
Infurmat li l-Kunsill Lokali tal-Mosta qiegħed jesplora possibilitajiet ta’ kisba ta’ fondi sabiex ikun jista jitwettaq dan il-proġett.