Legislature:
Category:
Reset
Active:

MTA — benefiċċji minn flus pubbliċi relati ma’ route development

Question

Jista’ l-Ministru jispjega x’inhu l-proċess involut biex kumpanija tkun tista’ tibbenefika minn flus pubbliċi relatati ma’ Route Development? Xi proċeduri amministrattivi huma involuti, min jieħu d-deċiżjoni finali u kif l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta (MTA) tasal għal deċiżjoni bħal din?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3336.

Applikazzjoni għaċ-ċittadinanza Maltija

Question

Peress li l-applikant, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, qiegħed fil-proċess biex jikseb iċ-ċittadinanza Maltija, jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra: a. kemm-il darba dan l-applikant ġie hawn Malta; b. kemm dam hawn Malta kull darba li ġie; u ċ. x'konnessjonijiet u kontribuzzjoni ta lil Malta?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Informazzjoni dwar applikanti għaċ-ċittadinanza tingħata jekk il-persuni jakkwistaw iċ-ċittadinanza jew jekk jiġu privi miċ-ċittadinanza fejn isimhom jiġi ppublikat fil-gazzetta tal-Gvern.

Gudja – Bye-law dwar parkeġġ residenzjali

Question

B'referenza għall-bye-law dwar il-parkeġġ fil-Gudja li l-Ministru wieġeb dwarha fil-mistoqsija parlamentari 540, jista' l-Ministru jgħid għaliex din it-talba għall-bye-law eventwalment ġiet rifjutata?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Gudja illi l-proposta ta’ bye-laws preżentata mill-istess Kunsill dwar il-parkeġġ kienet ġiet rifjutata minħabba li tali proposta kienet tikkonfliġġi ma’ policy nazzjonali dwar parkeġġ kontrollat.

Kawżi tal-imwiet f’Malta

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jippubblika tabella li turi l-kawżi tal-imwiet f'Malta għas-snin 2017, 2018, 2019, 2020, 2021 u din is-sena sad-data li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija? Jistgħu l-kawżi tal-mewt juru speċifikament dawk kawżati minn inċidenti tat-traffiku, inċidenti fuq il-post tax-xogħol, omiċidji, suwiċidji, u kawżi oħra li jidhirlu li huma pertinenti, filwaqt li l-imwiet minn kawżi naturali juru kemm kienu dawk kawżati minn attakki tal-qalb, dijabete, kanċer, u mard jew kundizzjonijiet oħra li jidhirlu għandhom ikunu inklużi? Jista' wkoll jissepara din l-informazzjoni skont firxa ta' etajiet?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-kawżi tal-imwiet f'Malta għas-snin 2017 sl-2020. Statistiċi tal-2021 ikunu għadhom ma ħarġux.

Malta Enterprise – proġetti investiment barrani (FDI)

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 3243 u tgħid kemm kien hemm proġetti li approvat il-Malta Enterprise li kienu ta' investiment barrani (FDI) għas-snin 2017, 2018, 2019, 2020, 2021 u 2022, u għal kull sena tgħid kemm minnhom kienu start-ups jew kienu kumpaniji stabbiliti, u kemm minn dawn għadhom joperaw fil-preżent?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Proġetti relatati mal-medical cannabis

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 3244 u tgħid kemm kienu l-proġetti relatati mal-medical cannabis approvati mill-Malta Enterprise fis-snin 2018, 2019, 2020, 2021 u 2022, u għal kull sena kemm minnhom fil-verità bdew joperaw u kemm minnhom għadhom joperaw fil-preżent? Tista' tgħid kemm hemm impjegati f'kull wieħed minnhom?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn l-2018 u l-2022, il-Malta Enterprise approvat 33 proġett ta’ medical cannabis li minnhom hawn diġà joperaw 7 kumpaniji li bejniethom qed jimpjegaw 79 impjegat, fil-maġġoranza tagħhom xjentisti u persuni mill-qasam mediku u farmaċewtiku. 4 kumpaniji oħra li ġew approvati jinsabu fil-proċess li jottjenu liċenzji skont l-Att dwar il-Kannabis għall-Użu Mediċinali. Il-proċess rigoruż li jsir mill-entitajiet governattivi għal-liċenzjar finali ta’ proġett ta’ medical kannabis jieħu s-snin sabiex ikun hemm l-aċċertazzjonijiet kollha neċessarji biex il-prodott finali jkun tal-ogħla grad farmaċewtiku. Fl-istess waqt, il-qasam tal-Kannabis globalment għadda minn diversi fażijiet fejn intlaqat b’mod negattiv waqt il-pandemija, kif ukoll kien hemm diversi kumpaniji li ġew akkwistati minn kumpaniji oħra u li għadhom għaddejjin minn proċess ta’ akkwiżizzjoni, b’hekk proġetti bħal dawn jieħdu iktar snin sabiex iseħħu.

Artifatt Storiku

Question

B'referenza għad-diskors tal-Ministru Anton Refalo waqt il-ħin tal-mistoqsijiet parlamentari tas-seduta 36, nhar it-Tnejn 24 ta’ Ottubru, jista’ l-Ministru, permezz tas-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali, jikkonferma jekk hux f'pożizzjoni li jgħid minn fejn oriġinat il-ġebla storika li għandu fil-ġnien privat tiegħu?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 1305.

Artifatt Storiku

Question

B'referenza għad-diskors tal-Ministru Refalo waqt il-ħin tal-mistoqsijiet parlamentari tas-seduta 36, nhar it-Tnejn 24 ta’ Ottubru, jista' l-Ministru jgħid kif akkwista l-artifatt storiku li għandu fil-ġnien privat tiegħu?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’għandi xejn iżjed xi nżid mal-istqarrija li ppubblikajt fit-18 ta’ Frar ta’ din is-sena.

Raħal Ġdid – Ħsarat fil-Pjazza Prinċipali

Question

B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 2747 u 3087, jista’ l-Ministru jagħti l-informazzjoni mitluba dwar ħsarat fil-Pjazza prinċipali ta’ Raħal Ġdid?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta sabiex tirreferi għat-tweġiba parlamentari bin-numru 2056.

Il-Fgura – Triq Hompesch u Triq Żabbar – Ċitazzjonijiet lill-vetturi kummerċjali kbar

Question

Peress li fit-toroq prinċipali tal-Fgura (Toroq Żabbar u Hompesch) hemm tabelli li ma jistgħux jgħaddu vetturi kummerċjali kbar jekk ma jkunux se jagħtu servizz fil-lokalità u kif kulħadd jaf, dawn il-vetturi jgħaddu minn din it-triq il-ħin kollu, inkluż filgħaxija, jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni ta’ kemm ħarġu ċitazzjonijiet fuq din il-materja mil-LESA u l-Pulizija tul is-sena 2022, maqsuma xahar b’xahar?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi fit-toroq imsemmija mill-Onor. Membru hemm tabella waħda b’senjalazzjoni li tindika li vetturi kummerċjali kbar ma jistgħux jgħaddu, jekk ma jkunux se jagħtu servizz fil-lokalità. Infurmat li matul is-sena 2022 inħarġu seba’ (7) kontravvenzjonijiet lil sewwieqa li għaddew mit-toroq insemmija b’vetturi kummerċjali kbar, u li ma kinux intenzjonati li jagħtu servizz fil-lokalità.

Ħ’Attard – Central Link – ċitazzjonijiet ta’ over speeding

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħarġu ċitazzjonijiet ta' over speeding fis-Central Link, f’Ħ’Attard mill-Pulizija u/jew mill-Uffiċjali tal-LESA (fil-biċċa ta' bejn il-pompa tal-petrol li tinsab quddiem il-Palazz ta' San Anton u Wied Inċita) fis-snin 2021 u 2022?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi n-numru ta' ċitazzjonijiet dwar overspeeding, bl-użu ta' speed guns li nħarġu mill-pulizija tat-Taqsima tat-Traffiku fit-triq imsemmija minn Diċembru 2021 sal-25 ta' Ottubru ta' din is-sena, kien ta' disa’ mija u sitta u tletin (936).

Ħ’Attard – Central Link – miżuri biex jiġi kkontrollat l-overspeeding

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'miżuri qed jittieħdu mill-Pulizija u/jew il-LESA sabiex jiġi kkontrollat l-'over speeding' fis-Central Link, f’Ħ’Attard fil-biċċa ta' bejn il-pompa tal-petrol li tinsab quddiem il-Palazz ta' San Anton u Wied Inċita?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi l-miżuri prinċipali li qed jittieħdu kemm mill-Pulizija kif ukoll mill-uffiċjali tal-LESA biex jiġi kkontrollat l-over speeding fis-Central Link, f’Ħ’Attard fil-biċċa indikata mill-Onor. Interpellant, hu permezz ta’ preżenza aktar frekwenti ta' uffiċjali miż-żewġ awtoritajiet bħala mezz ta' prevenzjoni u kontroll, u bi ħruġ ta' ċitazzjonijiet kif u meta jkun hemm il-ħtieġa.

Pensjoni tar-Romol

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3055 u jgħid kemm kienet iż-żieda li ngħatat din is-sena lill-persuni kollha li jirċievu l-Pensjoni tar-Romol? Jista’ jgħid kemm hu n-numru ta’ persuni li kienu intitolati għal din iż-żieda?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li ż-żieda fir-rata tal-pensjoni tar-romol kienet ta’ €5 fil-ġimgħa. Din iż-żieda tħallset €4.42 mar-rata tal-pensjoni filwaqt li d-differenza ta’ €0.58 tħallset mar-rata tal-bonus tal-għoli tal-ħajja. In-numru ta’ persuni li kienu intitolati għal din iż-żieda kien ta’ 17,621. B’riżultat ta’ miżura oħra mħabbra fil-Baġit 2022, 6,705 persuni li jirċievu l-pensjoni tar-romol, barra ż-żieda li ngħatat lil pensjonanti kollha msemmija fuq, irċievew ukoll żieda medja oħra ta’ €4.52 fil-ġimgħa. Din il-miżura taħseb biex gradwalment, fuq medda ta' snin, il-pensjonanti romol kollha se jkollhom il-pensjoni tagħhom aġġustata biex issir ekwivalenti għall-pensjoni li kieku jkollu l-konjugi tagħhom kieku għadu ħaj. L-aġġustament li jmiss se jsir fl-2023 wara li fil-Baġit 2023 tħabbret it-tkomplija tal-miżura.

Mediċini b’xejn – anzjani ta’ 80 sena u aktar

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3057 u jgħid kemm hu n-numru ta’ anzjani fl-età ta’ 80 sena jew aktar sal-lum li qed jieħdu mediċini b’xejn?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ persuni li huma benefiċjarji tal-Għajnuna Medika bla Ħlas jew kif inhi magħrufa l-Karta r-Roża, fl-età ta’ 80 sena jew aktar huwa ta’ 4149.

Persuni li għandhom il-Karta r-Roża

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni f'Malta u f'Għawdex li għandhom il-Karta r-Roża? Jista' jgħid kemm minn dawn il-persuni huma anzjani?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-total ta’ persuni li għandhom il-Karta r-Roża f’Malta u Għawdex huwa 9,715. Minn dawn 7,251-il persuna għandhom ‘il fuq minn 60 sena.

Assistenza medika

Question

Jista' l-Ministru jispjega għal liema raġuni l-estimu għas-sena 2023 għall-assistenza medika tnaqqas bl-ammont ta' €1,813,000, meta mqabbel ma' dak approvat għas-sena 2022?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tqassim tal-allokazzjonijiet finanzjarji isir mill-Ministeru tal-Finanzi u x-Xogħol u jsir fuq tbassir li hu dipendenti fuq diversi fatturi. Ix-xejra fl-aħħar snin qed turi li minn sena għall-oħra qed ikun hemm tnaqqis fil-benefiċjarji, anke minħabba t-tnaqqis kbir li qed nesperjenzaw f’dik li hi dipendenza soċjali fejn fl-aħħar 9 snin naqsu b’aktar minn 9,000 dawk li jiddependu fuq l-assistenzi soċjali. Fil-fatt għall-2022 qed jirriżulta li l-estimu approvat ta’ €18,700,000 għall-Assistenza Medika mhux se jintefaq kollu u fl-aħħar tas-sena l-ammont minfuq fuq din l-assistenza se jkun anqas. Għaldaqstant fir-realtà mhux se jkun hemm it-tnaqqis li indikat l-Onor. Interpellant. Infakkar ukoll li l-pensjonijiet u l-benefiċċji soċjali huma self-appropropriated li jfisser li jkunu xi jkunu l-allokazzjonijiet finanzjarji fl-estimi, kull pensjoni u kull benefiċċju dovut irid bil-liġi jitħallas f’kull waqt.

Sptar Mater Dei – Hip replacement

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2897 u jgħid kemm saru operazzjonijiet għall-hip replacement fl-Isptar Mater Dei fis-snin 2017, 2018, 2019, 2020, 2021 u 2022 (sal-lum), sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm persuni fuq il-waiting list għall-hip replacement? Jista’ jgħid ukoll kemm hu ż-żmien ta’ stennija biex dawn il-persuni jingħataw appuntament għal din l-operazzjoni?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi pazjenti li qed jistennew għal hip replacement għal aktar miż-żmien stipulat fil-Patient Charter huma 132 persuna.

Sptar Mater Dei – operazzjonijiet tal-katarretti

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2898 u jgħid kemm saru operazzjonijiet tal-katarretti fl-Isptar Mater Dei fis-snin 2017, 2018, 2019, 2020, 2021 u 2022 (sal-lum), sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm persuni fuq il-waiting list? Jista’ jgħid ukoll kemm hu ż-żmien ta’ stennija biex dawn il-persuni jingħataw appuntament għal din l-operazzjoni?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari numru 3170.

Siġġiewi – xogħlijiet ta’ toroq

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ toroq li se jsiru fis-Siġġiewi sal-aħħar ta' din is-sena u tul is-sena 2023? F’liema xahar hu pproġettat li jibdew? Kemm se jdum biex jitlesta kull proġett? Jista’ jelenka x'tip ta' xogħol se jsir f'kull triq?

Response (FARRUGIA, AARON)

Fil-lokalità tas-Siġġiewi, Infrastructure Malta diġà bniet mill-ġdid u għamlet titjib fi Triq Nikola Azzopardi, Triq it-Tiġrija, Triq is-Siġġiewi, Triq id-Dar tal-Providenza, Sqaq tal-Ħandaq, Triq ta’ Djar il-Baqar, Triq il-Fawwara, Triq San Dawdar, Triq taż-Żiri, Bur il-Kbir, Triq Mons Mikiel Azzopardi, Triq Ta’ Karlozzu, Triq Wied tal-Lewża, Bur ix-Xewk, Triq Nicolo Baldacchino, Triq Għar Lapsi (Tal-Providenza), Triq San Nikola, Triq il-Parroċċa, Triq Ta’ Bur it-Tokk, Triq Ta’ Bur Gabrun, Triq Għar Lapsi (Ta’ Srug), Sqaq iż-Żebbiegħ, Sqaq tal-Farrad, Sqaq Ta’ Ngħajsa, Sqaq it-Twil, Triq Ta’ Lawrenti, Wied Ħesri, Triq Manduka, Triq Ta’ Żmetta, Trejqe Sant’Andrija, Triq ix-Xagħra tal-Gżira u ta’ Għar Lapsi, Triq il-Vitikulturisti, triq bla isem fir-runway l-antika fl-inħawi ta’San Niklaw, tirq bla isem fl-inħawi tal-Mitħna ta’ Laroka, triq bla isem li tmiss ma’ Trejqa tal-Providenza, triq bla isem li tmiss ma’ Triq Inżul ix-Xemx, triq bla isem li tmiss ma’ Triq San Lawrenz tal-Għolja, triq bla isem li tmiss ma’ Triq is-Siġġiewi, triq bla isem li tmiss ma’ Triq Bur ix-Xewk, triq bla isem li tmiss ma’ Triq San Niklaw, triq bla isem oħra fl-inħawi ta’ San Niklaw, triq bla isem fil-limiti tal-Buskett, triq bla isem fl-inħawi tal-Ħofra u Tal-Lenza, Triq Wied Xkora. Bħalissa qegħdin isiru xogħlijiet fi Sqaq tan-Nadur, Triq Lapsi, Triq tal-Bajjad u triq ġdida fil-Mogħdija ta’ Fuq Djar il-Bniet. Infrastructure Malta ilha sa mit-twaqqif tagħha taħdem mal-Kunsilli Lokali kollha biex gradwalment tibni mill-ġdid it-toroq kollha li jinsabu fi stat ħażin. L-aġenzija għadha kemm varat proċess ta’ konsultazzjoni mal-Kunsill Lokali fejn talbithom biex sa Novembru li ġej jaġġornaw il-lista ta’ toroq, li huma ta’ prijorità għal-lokalità tagħhom, sabiex dawn ikunu jistgħu jsiru fis-snin li ġejjin skont skeda dettaljata li se tiġi diskussa u maqbula magħhom fiż-żmien li ġej.

Ħal-Luqa – xogħlijiet ta’ toroq

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ toroq li se jsiru f'Ħal-Luqa sal-aħħar ta' din is-sena u tul is-sena 2023? F’liema xahar huwa pproġettat li jibdew? Kemm se jdum biex jitlesta kull proġett? Jista’ jelenka x'tip ta' xogħol se jsir f'kull triq?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-lokalità ta’ Ħal Luqa, Infrastructure Malta diġà bniet mill-ġdid u għamlet titjib fi Triq Valletta, Triq in-Noqor, Triq Dun Giulio Muscat, Triq id-Disgħa t’April, Triq Ġorġ Zahra, Triq Indri Micallef, Triq Wiġi Briffa, Triq l-Iskola, Triq il-Ġdida, Triq Dun Pawl, triq bla isem fi Triq Garibaldi, triq bla isem fi Ħal Luqa, triq bla isem ħdejn Triq Ħal Farruġ, Triq Ħal Qormi u Triq San Tumas, ir-rotta ewlenija bejn Ħal Qormi u Ħal Luqa. Din il-lokalità ser tibbenefika mill-ikbar żewġ proġetti li Infrastructure Malta qed taħdem fuqhom din is-sena fit-toroq arterjali, il-Kirkop Tunnels and Airport Intersection Project (KTAIP) u Luqa Junction Project li ser itejbu l-junctions prinċipali ta’ Ħal Luqa u l-Gudja fir-rotta ewlenija lejn l-Ajruport. Iż-żewġ proġetti ser itejbu l-ħin tal-ivvjaġġar u jnaqqsu t-tniġġis tat-traffiku fl-inħawi tal-madwar. Infrastructure Malta ilha sa mit-twaqqif tagħha taħdem mal-Kunsilli Lokali kollha biex gradwalment tibni mill-ġdid it-toroq kollha li jinsabu fi stat ħażin. L-aġenzija għadha kemm varat proċess ta’ konsultazzjoni mal-Kunsill Lokali fejn talbithom biex sa Novembru li ġej jaġġornaw il-lista ta’ toroq, li huma ta’ prijorità għal-lokalità tagħhom, sabiex dawn ikunu jistgħu jsiru fis-snin li ġejjin skont skeda dettaljata li se tiġi diskussa u maqbula magħhom fiż-żmien li ġej.