Jista’ l-Ministru jgħid meta se jitlesta x-xogħol fuq Triq l-Imnarja, f'Birżebbuġa peress li affettwa b'mod negattiv ir-rotot tat-trasport pubbliku?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li biex tibni mill-ġdid it-triq indikata, Infrastructure Malta għamlet tibdil u titjib tas-sistemi taħt l-art għad-distribuzzjoni tas-servizzi tal-ilma u dawl, kif ukoll ilqugħ għall-ilma tax-xita u bini mill-ġdid tal-bankini. Waqt dawn ix-xogħlijiet dejjem tħalla aċċess għat-trasport pubbliku. It-triq waslet fl-istadju li qed jissaħħu l-pedamenti u jsirilha wiċċ ġdid b’diversi saffi t’asfalt u għandha titlesta fil-ġimgħat li ġejjin.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2268 tista’ l-Ministru tgħid:
a. jekk hemmx il-ħsieb li ssir sejħa pubblika (public call) għall-ħatriet li jmiss li jsiru fir-rigward taċ-Chairman u l-membri tal-Bord tar-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS); u
b. tamplifika dwar il-proċess li ser jiġi segwiet biex jintgħażlu l-membri tal-Bord tar-REWS?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nassigura lill-Onor. Interpellant li kwalunkwe ħatriet ġodda fuq il-Bord tar-Regolatur se jsiru f’konformità sħiħa mal-provvedimenti tal-Kap. 545 tal-Liġijiet ta’ Malta. Il-kriterji tal-għażla se jkunu ppublikati fil-mument opportun.
Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) – talbiet biex issir investigazzjoni
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2290, tista’ l-Ministru tgħid:
a. liema kienet l-entità li għamlet it-talba; u
b. x’kien l-eżitu sussegwenti għat-talba li saret?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi b’referenza għat-tweġiba parlamentari 2290, it-talba sabiex l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni jinvestiga saret minni fit-2 ta’ Ġunju 2022 bħala l-Ministru responsabbli għall-affarijiet tal-kompetizzjoni u mhux minn xi entità. It-talba saret rigward it-tariffi mħabbra mill-kumpaniji tat-telekomunikazzjoni. L-investigazzjoni tal-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni għadha għaddejja.
Wieħed ta’ min jirrimarka li wara sensiela ta’ laqgħat li kellu l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni mal-operaturi tas-settur bħala parti mill-investigazzjoni, f’Awwissu li għadda, il-kumpaniji tat-telekomunikazzjoni, kienu reġgħu naqqsu l-prezzijiet għal dawk il-konsumaturi li ma kinux iħallsu bid-direct debit sabiex dawn jibqgħu jħallsu l-istess ammont li kienu jħallsu qabel ma ġew introdotti t-tariffi l-ġodda.
B’referenza għad-diversi mistoqsijiet dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva (UE) 2020/1828 diġà magħmula – inkluż mistoqsija parlamentari 1359 - tista’ l-Ministru tgħid x’ħidma saret s’issa, u b’mod partikolari jekk hux ser issir konsultazzjoni pubblika dwar il-miżuri leġiżlattivi li hemm bżonn li jsiru l-aktar meta wieħed iqis li din id-Direttiva tolqot mill-viċin l-interessi u d-drittijiet tal-konsumatur?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol rigward it-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva qiegħed fi stadju avvanzat u l-konsultazzjoni pubblika għandha ssir fi żmien qarib.
Awtorità Maltija tat-Turiżmu — Arretrati ta' liċenzji ta' operaturi turistiċi
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 574, 1842, 2466 u 2817 u jgħid l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu kemm għandha arretrati x’tiġbor f’liċenzji minn operaturi turistiċi mill-2013 sal-lum, maqsuma sena b’sena?
Persuni reġistrati bħala bdiewa residenti fl-Imġarr Malta
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2822 u jagħti rendikont ta’ kemm kien hemm persuni reġistrati bħala bdiewa residenti l-Imġarr (Malta) full-time u part-time matul dawn l-aħħar għaxar snin, maqsuma sena b’sena u skont is-sess?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li biex tiġi kkompilata l-informazzjoni kollha, kif mitlub, se jispiċċa jinqabeż l-advisory cost limit.
Persuni reġistrati bħala bdiewa residenti fir-Rabat, Malta
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2823 u jagħti rendikont ta’ kemm kien hemm persuni reġistrati bħala bdiewa residenti r-Rabat (Malta) full-time u part-time matul dawn l-aħħar għaxar snin, maqsuma sena b’sena u skont is-sess?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li biex tiġi kkompilata l-informazzjoni kollha, kif mitlub, se jispiċċa jinqabeż l-advisory cost limit.
Ħal Far – proġett tat-trakka tal-karozzi — konsultazzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2483 u jgħid ma’ min saret konsultazzjoni, inkluż NGOs, fuq il-proġett tat-trakka tal-karozzi f’Ħal Far?
Tista’ l-Ministru tgħid kemm se jkun hemm Reverse Vending Machines (RVMs) installati bħala parti mill-iskema ta’ Rifużjoni tal-Kontenituri tax-Xorb f’Ħaż-Żebbuġ, ir-Rabat (Malta), Ħad-Dingli, l-Imtarfa, u l-Imġarr (Malta), indikati raħal b’raħal u bl-informazzjoni dwar il-postijiet fejn se jiġu installati?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-operatur liċenzjat għandu l-obbligu jinstalla 320 Reverse Vending Machines (RVMs) madwar Malta u Għawdex.
L-iskema hija obbligata tiġbor u tirriċikla kontenituri tax-xorb tal-plastik, azzar, aluminju jew ħġieġ. Dawn il-fliexken jew bottijiet, li jvarjaw minn 0.1 litri sa 3 litri, jinkludu;
(a) ilma u flavoured water;
(b) luminati bil-gass jew bla gass;
(d) cider, birer u xorb tax-xgħir (malt beverages);
(e) kafè lest biex jiġi kkonsmat;
(f) xarbiet alkoħoliċi aromatizzati li jkollhom livell ta’ kontenut alkoħoliku li ma jaqbiżx il 5%;
(g) dilutables.
Inbejjed, spirti, u meraq tal-frott (juices) huma esklużi mill-Iskema.
Qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2940 u jgħid kemm kien hemm persuni reġistrati bħala bdiewa residenti Ħal Luqa, full-time u part-time, tul dawn l-aħħar għaxar snin u possibbilment sena b’sena?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li biex tiġi kkompilata l-informazzjoni kollha, kif mitlub, se jispiċċa jinqabeż l-advisory cost limit.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2941 u jgħid kemm kien hemm persuni reġistrati bħala bdiewa residenti is-Siġġiewi, full-time u part-time, tul dawn l-aħħar għaxar snin u possibbilment sena b’sena?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li biex tiġi kkompilata l-informazzjoni kollha, kif mitlub, se jispiċċa jinqabeż l-advisory cost limit.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2943 dwar ħsarat fi Triq San Tumas f’Ħal Tarxien li kienet indirizzata lill-Ministru responsabbli mit-toroq, peress li l-Ministru rreferieni għand il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien għaliex dawn għandhom ir-riżorsi meħtieġa sabiex ikomplu jagħmlu t-tiswijiet temporanji u manutenzjoni li kull triq teħtieġ minn żmien għal żmien, jista’ l-Ministru jgħid meta l-Kunsill Lokali msemmi ser jagħmel il-manutenzjoni tant meħtieġa (patching estensiv) fit-triq imsemmija?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien li l-istess Kunsill se jagħmel rikjesta mal-entità kkonċernata sabiex Triq San Tumas tinbena mill-ġdid is-sena d-dieħla. Infurmat ukoll li fil-frattemp, il-Kunsill Lokali se jibqa’ jagħmel manutenzjoni regolari tat-triq sabiex itaffi l-inkonvenjenza.
Il-Fgura – Vjal Kottoner – parti minn triq li qed tisfronda
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 2944 dwar il-parti minn Vjal Kottoner li qed tisfronda, filwaqt li nifhem li bħalissa qed isiru xogħlijiet ta’ toroq ġewwa l-Fgura, jikkonsidra l-Ministru li tal-inqas il-parti ta’ din it-triq li qed tisfronda tingħata prijorità u tiġi rranġata malajr kemm jista’ jkun u qabel isir xi inċident li jista’ jkun fatali?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet fi Vjal Kottoner mistenni jibdew fil-ġimgħat li ġejjin.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 2945 dwar ħsarat fi Triq l-14 ta’ Diċembru 1945 li kienet indirizzata lill-Ministru responsabbli mit-toroq, peress li l-Ministru rreferieni għand il-Kunsill Lokali tal-Fgura għaliex dawn għandhom ir-riżorsi meħtieġa sabiex ikomplu jagħmlu t-tiswijiet temporanji u manutenzjoni li kull triq teħtieġ minn żmien għal żmien, jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra meta l-Kunsill Lokali msemmi ser jagħmel il-manutenzjoni tant meħtieġa (patching estensiv) fit-triq imsemmija?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Fgura li t-triq imsemmija jeħtieġ li ssir mill-ġdid u għaldaqstant saru diversi rikjesti mill-Kunsill lill-entità kkonċernata sabiex din issir.
Infurmat li patching żgħir qed isir min-naħa tal-Kunsill Lokali iżda patching estensiv mhux qed isir minħabba r-raġuni surreferita.
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 2947, filwaqt li nassigura lill-Ministru li m’hemm ebda intenzjoni li ma nħallix l-istituzzjonijiet jaħdmu, anzi qed nipprova nara li din l-istituzzjoni taħdem, jista’ l-Ministru jirrispondi punti A u B tal-mistoqsija parlamentari oriġinali? Hemm xi raġuni partikolari għaliex il-Ministru qed jipprova jevita li jirrispondi dawn il-punti li huma fl-interess pubbliku u li jpoġġu lill-Awtoritajiet akkontabbli lejn il-pubbliku għall-kariga pubblika li qed jokkupaw u l-ħlas li qed jieħdu minn fondi pubbliċi?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li f’dan l-istadju m’għandi xejn xi nżid mat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 2947.
Lukandi, Ristoranti, Open Air Venues jew stabbilimenti kummerċjali – liċenzja għal daqq ta’ mużika
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hemmx lukandi, ristoranti, open air venues, jew xi tipi oħra ta’ stabbilimenti kummerċjali li għandhom liċenzji speċjali biex idoqqu l-mużika wara l-11p.m.? Jekk hemm, kemm hemm u f’liema lokalitajiet jinsabu dawn l-istabbilimenti?
Mellieħa – xogħol li se jitwettaq mill-Ministeru għat-Turiżmu
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema xogħol hu maħsub li jitwettaq mill-Ministeru għat-Turiżmu, jew minn xi awtorità/entità/dipartiment li taqa’ taħtu, bħall-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta (MTA), matul is-snin 2022 u 2023, fil-lokalità tal-Mellieħa?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-proġetti ppjanati fil-Mellieħa mill-Ministeru b’kollaborazzjoni ma’ Infrastructure Malta huma r-riġenerazzjoni tal-Pjazza tal-Mellieħa kif ukoll l-immodernizzar tal-promenade tal-Bajja tal-Għadira.
Barra minn hekk, fuq bażi regolari, il-Fondazzjoni għaż-Żoni Turistiċi twettaq tiswijiet u manutenzjoni f’diversi partijiet tal-Mellieħa fuq turġien, bankini, għamara tat-toroq u spazji miftuħa. Dawn ix-xogħlijiet isiru dejjem f’assoċjazzjoni mal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa.
Naxxar – xogħol li se jitwettaq mill-Ministeru għat-Turiżmu
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema xogħol hu maħsub li jitwettaq mill-Ministeru għat-Turiżmu, jew minn xi awtorità/entità/dipartiment li taqa’ taħtu bħall-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta (MTA) matul is-snin 2022 u 2023, fil-lokalità tan-Naxxar?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li huwa ppjanat li l-Parroċċa tan-Naxxar tiġi megħjuna biex isir dawl ġdid madwar il-Knisja Parrokjali.
Barra minn hekk, fuq bażi regolari, il-Fondazzjoni għaż-Żoni Turistiċi twettaq tiswijiet u manutenzjoni fil-Pjazza tan-Naxxar u t-toroq tal-madwar. Dawn ix-xogħlijiet isiru dejjem f’assoċjazzjoni mal-Kunsill Lokali tan-Naxxar.