Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur — uffiċjali li ħadu sehem fi programm televiżiv
Question
Tista’ l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 1634 u tgħid kemm sar ħlas, u d-data, mill-Ministeru u lil min, inkluż One TV u One Productions, mill-2017 sal-lum biex uffiċjali tal-Ministeru (inkluż il-Ministru) dehru/ħadu sehem fil-programm Espresso?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru u l-entitajiet li jaqgħu taħtu ta’ spiss jagħmlu materjal informattiv fuq il-midja kemm bħala reklamar, kif ukoll bħala slots informattivi. Dan bil-għan li l-pubbliku jkun mgħarraf bl-attivitajiet / inizjattivi li jittieħdu.
B’referenza għal dak li qed jistaqsi dwaru l-Onor. Interpellant, it-tagħrif għall-perjodu mindu twaqqaf dan il-Ministeru f’Novembru 2020 hu kif ġej:
ONE Productions (Espresso): €6,230.40.
Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju ta’ xogħol ta’ kostruzzjoni wasal, fi Triq Velleran, il-Fgura? Jista’ jgħid kemm huwa kalkulat li ser iddum iktar biex tiġi finalizzata u kemm ser tiġi tiswa?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-lokalità tal-Fgura, Infrastructure Malta diġà bniet mill-ġdid u għamlet xogħlijiet fi Triq Buqexrem, Triq ġdida fi Triq l-Għarnuq, Sqaq Rjallu, Triq il-Merħba, Triq is-Sur, Triq l-Għarnuq, Triq San Xmun, Triq San Tumas, Triq San Pietru, Triq Liedna, Triq Żabbar, Triq Hompesch, Triq Anġlu u Marianna Camilleri, Triq l-Għollieq, Triq il-Falkunier u Triq Rgħajja.
Infrastructure Malta bħalissa qed twettaq proġett b’investiment ta’ madwar €400,000 biex tibni mill-ġdid f’daqqa Triq il-Velleran, Triq il-Ġojjin u parti minn Triq il-Merħba li jmissu ma’ xulxin. Ix-xogħlijiet jinkludu servizzi taħt l-art għall-ilma, drenaġġ u għall-ilqugħ tal-ilma tax-xita, bini ta’ bankini ġodda, tisħiħ tal-pedamenti u wiċċ ġdid bl-asfalt. Ix-xogħlijiet fit-triq indikata tlestew u diġà ngħatat l-ewwel saffi t’asfalt, b’dak finali se jingħata meta jitlesta l-proġett kollu.
Fil-Fgura bħalissa qegħdin isiru wkoll xogħlijiet fi Triq Mater Boni Consili, Triq San Ġorġ Preca, Triq Pace u Grasso, Triq il-Kitba u Triq Giacomo Matteotti.
Ħal Tarxien – Triq Manuel Buhagiar – xogħlijiet fuq triq
Question
Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju ta’ xogħol ta’ kostruzzjoni wasal, fi Triq Manuel Buhagiar, Ħal Tarxien? Jista’ jgħid kemm huwa kalkulat li ser iddum iktar biex tiġi finalizzata u kemm ser tiġi tiswa?
Response (BONNICI, OWEN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-interpellanza tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.
Ħal Tarxien – Triq Manuel Buhagiar – xogħlijiet fuq triq
Question
Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju ta’ xogħol ta’ kostruzzjoni wasal, fi Triq Manuel Buhagiar, Ħal Tarxien? Jista’ jgħid kemm huwa kalkulat li ser iddum iktar biex tiġi finalizzata u kemm ser tiġi tiswa?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-lokalità ta’ Ħal Tarxien, Infrastructure Malta diġà bniet mill-ġdid u għamlet xogħlijiet fi Triq is-Sorijiet, Triq iż-Żejtun, Triq Marjanu Gerada, Triq Santa Marija, Triq Paola, Triq Birbixkilla, Triq Ġużeppi Montebello, Triq Francesco Crispi, Triq San Anard, Triq Xintill, Triq l-Isqajjaq, Triq it-Tabib Jimmy Farrugia u numru ta’ sqaqien, Triq Santu Wistin, Triq il-Lampuka, Triq it-Tarzna, Triq il-Knisja, Vjal Simmons, Triq Birżebbuġa u Triq Manuel Buhagiar. L-aġenzija fetħet ukoll parkeġġ pubbliku ġdid bi spazju għal 128 vettura biswit il-Kulleġġ San Tumas More Skola Medja, inqas minn 200 metru mill-Knisja Parrokkjali. Dawk li jgħixu f’dawn l-inħawi, jew li jżuruhom, jistgħu jipparkjaw fih u jimxu l-bqija tat-triq lejn il-qalba tal-lokalità u b’hekk ikunu qed inaqqsu l-karozzi fit-toroq dojoq tal-madwar.
Triq Manuel Buhagiar tlestiet xahar ilu u l-bini mill-ġdid tagħha kien jinkludi bdil ta’ servizzi taħt l-art għall-ilma, telekomunikazzjoni u drenaġġ skont il-ħtieġa, bini ta’ bankini ġodda, tisħiħ tal-pedamenti u wiċċ ġdid b’diversi saffi t’asfalt. Huwa stmat li l-valur ta’ dawn ix-xogħliiet jammonta għal madwar €250,000.
Bħalissa għaddej il-bini mill-ġdid ta’ ħafna toroq oħrajn madwar il-pajjiż, fosthom fi Triq Sant Antnin, f’Ħal Tarxien.
Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża — Advisors
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm impjegat Advisors fil-Ministeru tagħha u kemm hu t-total tan-nefqa?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ Advisors impjegati fil-Ministeru huwa ta’ tmienja. Is-salarji huma bbażati fuq skala tlieta, għajr każ wieħed fejn is-salarju huwa ta’ skala 5.
Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni — Advisors
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm impjega Advisors fil-Ministeru tiegħu u kemm hu t-total tan-nefqa?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-Ministeru tiegħi hawn impjegati ħames (5) advisors li tnejn (2) huma fuq bażi full-time, wieħed jiġi mħallas skont skala 7 u ieħor skont skala 3. Filwaqt li t-tlett (3) advisors l-oħra huma fuq bażi part-time fejn tnejn jiġu mħallsa skond skala 3 u wieħed skont skala 5.
Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar — Advisors
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm impjega Advisors fil-Ministeru tiegħu u kemm hu t-total tan-nefqa?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-Ministeru ingaġġa 6 advisors, 3 bħala part-time u 3 bħala full-time. Dawn huma abbinati mal-iskali kif indikat hawn taħt:
2 Part Time – Skala 6
1 Part Time – Skala 7
2 Full Time – Skala 6
1 Full Time – Skala 7
Jista' l-Ministru jgħid x'qed isir biex terġa’ tiġi introdotta r-rotta tal-karozza tal-linja bin-numru X300 li kienet topera bejn il-port taċ-Ċirkewwa u l-Isptar Mater Dei, l-Università u l-Belt Valletta b'mod dirett, issa li l-iskeda tal-fast ferry bejn Għawdex u Malta mhix waħda addattata għall-istudenti u ħaddiema Għawdxin f'Malta?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari nru 2864.
Jista’ l-Ministru jara li l-bankina li hemm sfrundata u mkissra fi Triq Nikola Attard, Żejtun tissewwa billi qiegħda tikkaġuna ħsara lill-proprjetajiet privati?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’referenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 2919 din għandha tiġi riferuta lill-Ministeru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jara li l-bankina li hemm sfrundata u mkissra fi Triq Nikola Attard, Żejtun tissewwa billi qiegħda tikkaġuna ħsara lill-proprjetajiet privati?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali taż-Żejtun illi l-istess Kunsill għaddej bi programm ta’ xogħlijiet fuq sqaqien fiċ-ċentru taż-Żejtun kif ukoll fuq bankini madwar il-lokalità kollha. Infurmat li bħalissa għaddej xogħol estensiv fuq Triq San Frangisk fejn mhux biss qiegħed isir il-wiċċ tat-triq iżda qegħdin ukoll jinbidlu l-mains tad-drenaġġ u tal-ilma flimkien mas-servizzi tal-ilma tad-djar.
Infurmat li x-xogħol imsemmi qiegħed fil-lista ta’ xogħlijiet li jsir skont il-prijorità u l-urġenza mistħoqqa.
Jista’ l-Ministru jara li l-bankina li hemm sfrundata u mkissra fi Triq Nikola Attard, Żejtun tissewwa billi qiegħda tikkaġuna ħsara lill-proprjetajiet privati?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jindirizza din il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett tal-Għar ta' Calypso ġewwa x-Xagħra Għawdex, liema għar issa ilu magħluq għall-pubbliku għal diversi snin peress li kienet ċediet parti minnu? In vista tal-fatt li ż-żewġ Ministri ta' qablu ddikjaraw kemm-il darba li x-xogħol kien wasal biex jibda u li daqt jerġa’ jinfetaħ, jista’ jgħid jekk inkisbux u ġewx approvati l-permessi meħtieġa mingħand l-Awtorità tal-Ippjanar u jekk iva fiex wasal il-proċess biex ikunu jistgħu joħorġu t-tenders u jibdew ix-xogħlijiet ferm bżonjużi?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għaddej bil-konsultazzjonijiet mal-entitajiet meħtieġa biex eventwalment ikunu jistgħu jinkisbu l-permessi.
Ix-Xlendi Għawdex – Proġett ta’ Riġenerazzjoni tal-Parkeġġ
Question
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar il-proġett tar-Riġenerazzjoni tal-parkeġġ tax-Xlendi li kien tħabbar l-ewwel darba f'Jannar 2019 u baqa’ jissemma f'kull baġit iżda sal-lum baqa’ ma sar xejn minnu? Jista’ jgħid jekk ħarġux it-tenders għal dan ix-xogħol ta' riġenerazzjoni u jekk ġewx awarded? Jista’ jgħid kemm hi stmata li se tkun l-ispiża fuq dan il-proġett u meta hu ppjanat li jinbeda u jitlesta x-xogħol?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa għaddejja konsultazzjoni mal-korporazzjoni tal-ilma biex niżguraw li din l-infrastruttura tilqa’ għaż-żieda fin-numru ta’ residenti ġewwa x-Xlendi.
Art barra ż-żoni ta’ żvilupp li hija proprjetà tal-Gvern
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hawnx katast ta’ art barra ż-żoni ta’ żvilupp li hi proprjetà tal-Gvern? Kemm minn din l-art hija okkupata minn bdiewa full-time, bdiewa part-time jew individwi oħrajn li mhumiex bdiewa, separatament? Kemm minn din l-art barra ż-żona hi proprjetà tal-Gvern mhux okkupata?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tal Artijiet għandha r-rekords tagħha għal kull kirja li hija tagħti u dwar jekk art tkunx proprjetà tal-Gvern jew Ex knisja u jekk din il-proprjetà tkunx mikrija jew le.
Fir-rigward tal-bqija tad-domanda, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferiha lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jipprovdi aktar informazzjoni dwar x'se jsir fir-reviżjoni tar-rotot tal-karozzi tal-linja, liema reviżjoni ilha mwiegħda lill-Kunsill Lokali ta' Birżebbuġa għal ammont ta' żmien?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari Nru 2703.
Birżebbuġa – Proġett għar-Riġenerazzjoni tal-Impjant ta’ San Luċjan
Question
Tista’ l-Ministru tgħid meta se jibda x-xogħol fuq il-Proġett tas-Siċċa f'Birżebbuġa biex jiġi riġenerat l-Impjant ta' San Luċjan li ġie mħabbar ftit ġranet qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li diġà tħejja Outline Decommissioning Plan maqbul mal-ERA dwar kif għandu jsir id-decommissioning tal-impjant eżistenti ta’ San Luċjan sabiex is-sit ikun jista’ jiġi ppreparat għall-Proġett tas-Siċċa. Dan il-pjan se jintuża bħala bażi għat-tender li se jinħareġ għall-iżmantellar tas-sit.
Sabiex jiġi assigurat illi x-xogħlijiet isiru sew se jitqabdu Project Managers u Health & Safety Project Supervision, biex jissorveljaw ix-xogħlijiet mill-aspetti ta’ project management, kif ukoll bħala sorveljanza dwar l-aspetti ta’ saħħa u sigurtà.
Sadanittant qed jiġi ppreparat ix-xogħol għal Ground Water and Soil Investigation, Cleaning and Waste Disposal hekk kif maqbul fl-Outline Decommissioning Plan mal-ERA.
Fi kwalunkwe stadju qed jinżamm kuntatt mal-ERA.