Legislature:
Category:
Reset
Active:

Tilqum tal-influwenza

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3424, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid għalfejn il-Gvern għażel li t-tilqim tal-influwenza se jsir mill-Gvern Ċentrali u mhux mill-Kunsilli Lokali kif isir is-soltu?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi kif diġa kelli okjazzjoni nispjega lill-Kamra, din is-sena qed jiġi rrakkomandat illi mat-tilqima tal-influwenza tingħata ukoll it-tilqima tal-varjant tal-Covid l-Omicron. Peress li din ta’ l-aħħar teħtieġ li tinħa¿en f ‘temperatura baxxa, din is-sena t-tilqim jingħata mill-Bereġ u ċentri għas-saħħa.

Belt Valletta – tender ta’ infurzar

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3425, jista' l-Ministru jgħid min hu u kemm tħallas il-kuntrattur li ħa t-tender għall-infurzar li seħħ fix-xahar ta' Ottubru 2022 fil-Belt Valletta?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor Interpellant illi l-kuntrattur li waqqa’ bosta kmamar u strutturi mibnija mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-Awtorità tad-Djar ġie mqabbad permezz ta’ Framework Agreement. Permezz ta’ din il-proċedura approvata mid-Dipartiment tal-Kuntratti, inħarġet sejħa għall-offerti lill-kuntratturi interessati jagħmlu xogħol b’rati stabbiliti mill-Awtorità tad-Djar. Għalhekk, il-ħlas lill-kuntrattur se jkun skont dawn ir-rati stabbiliti. Il-kont finali jiġi ppreparat minn Perit tal-Awtorità tad-Djar fi tmiem ix-xogħol. L-okkupanti abbużivi ilhom żmien twil infurmati sabiex jgħaddu l-pussess tal-istrutturi lill-Awtorità tad-Djar, f’liema nuqqas ġew miżmuma responsabbli għall-ispejjeż li l-Awtorità kien se jkollha tinkorri sabiex twaqqagħhom. Fil-fatt, fi tmiem il-proċess ta’ infurzar, se jinbeda proċess legali sabiex jiġu rkuprati l-ispejjeż kollha minfuqa mingħand l-okkupanti abbużivi.

Tilqim mill-Kunsilli Lokali

Question

Peress li fi żmien il-pandemija t-tilqim sar mill-policlinics minflok mill-kunsilli lokali, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hemmx pjan biex it-tilqim tal-influwenza u oħrajn mhux relatat mal-COVID-19 jerġgħu jingħataw mill-kunsilli lokali għax il-bidla fis-sistema qed tkun problematika għar-residenti minħabba l-fatt li mhemmx policlinics f’kull lokalità?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta tal-mistoqsija Parlamentari numru 3589.

Ta’ Giorni – Community Clinic

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta se jibda x-xogħol biex jinfetaħ Community Clinic f’Ta’ Giorni hekk kif kien imwiegħed sena ilu u għadu ma sar xejn?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ir-Rapport tal-Periti jindika li parti mis-saqaf għandu problemi strutturali serji li jridu jitranġaw qabel ma wieħed ikun jista jikkonsidra li jkompli bl-izvilupp tas-sit. Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkostanzi, il-Primary HealthCare qed tfittex soluzzjonijiet ulterjuri.

Palazzo Spinola — Community Centre

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’sar mill-formal request li saret lis-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u l-Komunità biex il-Palazzo Spinola jsir Community Centre li jospita fih librerija, berġa u punt ta’ informazzjoni għat-turisti?

Response (BONNICI, OWEN)

It-twegiba tinghata f'seduta ohra.

LESA – żieda fl-uffiċjali u impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm żdiedu uffiċjali u impjegati mal-LESA dawn l-aħħar ħames snin, sena b’sena?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li b’riferenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 3598 din għandha tiġi riferuta lill-Ministeru konċernat.

Għawdex – bini ta’ Qorti ġdid

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra u jindika f'liema stadju wasal il-proċess biex jinbena Qorti ġdid f'Għawdex? Jista’ jgħid x'sar f'din l-aħħar sena rigward il-bini ta’ qorti ġdid f’Għawdex?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lil Onorevoli Interpellant li qed jiġi ffinalizzat l-preliminary market consultation flimkien mal-Ministeru tal-Ġustizzja biex ikun ippublikat fil-jiem li ġejjin.

Skejjel – kmamar/spazji għal tfal b’challenging behaviour

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru bediex jew hux ser jibda diskussjonijiet mal-Ministeru għall-Edukazzjoni biex fl-iskejjel tagħna jkun hemm spazji jew kmamar għal tfal li jiġu meqjusa li għandhom challenging behaviour bħall-awtiżmu sabiex dawn it-tfal ikunu jistgħu jingħataw l-attenzjoni neċessarja? Jekk iva, fiex waslu dawn id-diskussjonijiet? Tista' l-Ministru tinforma jekk fl-iskejjel ġewwa Malta u Għawdex jeżistux dawn il-kmamar/spazji? Jekk iva f'liema skejjel jeżistu dawn il-kmamar/spazji?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fl-iskejjel Primarji u Sekondarji huma mifruxa faċilitajiet u riżorsi biex jieħdu ħsieb studenti bi ħtiġijiet varji, inklużi dawk b’diffikultajiet bl-imġiba. F’numru ta’ skejjel twaqqfu wkoll Autism Units, b’faċilitajiet apposta għal tfal b’awtiżmu u oħrajn li jistgħu jibbenefikaw minn attenzjoni speċjalizzata individwali. Rigward il-mistoqsijiet l-oħra, nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex tagħmel il-mistoqsijiet lill-Ministru kkonċernat.

Day centres għal persuni b’diżabilità

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm huma u liema huma d-day centres għal persuni b'diżabilità? Minn dawn id-day centres liema huma dawk amministrati totalment mill-Gvern u liema huma dawk li l-Gvern joffri għajnuna biex dawn ikunu jistgħu jitħaddmu? Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar jekk hux mistenni li jkun hemm żieda fin-numru ta' dawn iċ-ċentri? Jekk iva kemm ser jiżdiedu u fejn hu mistenni li dawn jiżdiedu? Kemm hu n-numru ta' persuni b'diżabilità li jagħmlu użu minn kull wieħed minn dawn iċ-ċentri? Tista' l-Ministru tinforma kemm huma dawk il-persuni b'diżabilità li qegħdin fuq il-waiting list biex jidħlu f'wieħed minn dawn iċ-ċentri?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li f’Malta u Għawdex hawn 11-il Ċentru ta’ Matul il-Jum immexxija minn Aġenzija Sapport, l-Aġenzija Nazzjonali li toffri servizzi lil persuni b’diżabilità. Ċentru ieħor f’Għawdex hu mmexxi mill-Ministeru ta’ Għawdex. Hemm ukoll 4 ċentri / programmi ta’ matul il-jum oħra f’Malta offruti minn entitajiet non-governattivi jew privati. Dawn iċ-ċentri huma mħaddma wkoll bl-għajnuna tal-Gvern permezz ta’ ftehim mal-entitajiet konċernati. Aktar informazzjoni tinsab fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Imtarfa – Day Center – rinnovvar u estensjoni

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar liema xogħlijiet tlestew sa issa fir-rinnovvar u l-estensjoni tal-Imtarfa Day Centre għal persuni b'diżabilità? Sa issa kemm intefaq f'dan l-istess ċentru għal dawn ix-xogħlijiet? Kemm hu maħsub li jkun it-total valur tax-xogħlijiet li twettqu jew li ser jitwettqu matul l-2022? Liema xogħlijiet għadhom għaddejjin preżentement f'dan iċ-ċentru u meta hu mistenni li jitlesta dan ix-xogħol? Liema xogħol ieħor hu maħsub li jsir fl-istess ċentru u meta hu mistenni li jinbeda u jitlesta? Kemm hu maħsub li jkun il-valur totali tax-xogħlijiet li ser jitwettqu matul l-2023?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proġett tal-Imtarfa wasal fil-proċess ta’ skavar, fejn dan tlesta fl-ewwel nofs ta’ din is-sena. Sa issa ntefqu €214,000. Fil-preżent ix-xogħol jinsab wieqaf sabiex jiġu diskussi pjanti ġodda għal dan is-sit fuq rakkomandazzjonijiet tas-Superintendent tal-Wirt Storiku wara li nstabu fdalijiet ta’ valur storiku fis-sit. Bħala parti mix-xogħlijiet hu pjanat li jittranġa ċint mal-periferija għal aktar sigurtà. Dan wasal fil-fażi tal-aġġudikar tat-tender. L-investiment mistenni jkun ta’ madwar €67,000. Xogħol ieħor ta’ rinovazzjoni f’partijiet oħra taċ-Ċentru baqgħu għaddejjin bħala parti mill-eżerċizzju ta’ modernizzar ta’ faċilitajiet fiċ-ċentri kollha ta’ matul il-jum.

Ħad-Dingli – proġett ta’ dar residenzjali għal persuni b’diżabilità adulti

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar f'liema stadju wasal il-proġett ta' dar residenzjali għal persuni b'diżabilità adulti f’Ħad-Dingli? Tista' tgħid kemm mill-baġit allokat għal din is-sena għal dan il-post intefaq matul l-2022? Tista' tgħid kemm hu maħsub li jkun il-valur tax-xogħlijiet li se jitwettqu matul l-2022? Kemm hu l-baġit allokat għal din is-sena għal dan il-post? X'inhi r-raġuni għad-diskrepanza bejn il-valur li kien budgeted għall-2022 u l-valur totali li fil-fatt hu maħsub li jkun intnefaq matul l-2022? X'inhuma x-xogħlijiet li huma maħsuba li jitwettqu f'dan il-proġett matul l-2023? Meta hu maħsub li jitlesta x-xogħol kollu hawnhekk?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proġett ta’ dar residenzjali għal persuni b’diżabilità f’Ħad-Dingli wasal fil-fażi fejn ġew sottomessi l-pjanti lill-Awtorità tal-Ippjanar sabiex jiġu proċessati l-permessi meħtieġa. Wara, jibda l-abbozzar tat-tenders. Il-baġit allokat għal dan il-proġett għas-sena 2022 hu ta’ €1.5 miljun. Ix-xogħlijiet jibdew ladarba titlesta l-fażi tal-abbozzar, pubblikazzjoni u għotja tat-tenders. Matul l-2023 hu mistenna li jibda xogħol strutturali fuq il-binja. Ix-xogħol mistenni jieħu madwar 3 snin.

Special Olympics – għajnuna lil sportivi b’diżabilità

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar liema għajnuna speċifika, inkluż dik finanzjarja, tingħata lil dawk l-isportivi b'diżabilità (jew lill-ġenituri tagħhom) li jkunu qegħdin jippreparaw biex jieħdu sehem fl-iSpecial Olympics? Tista' tagħti tagħrif dwar liema għajnuna speċifika, inkluż dik finanzjarja, tingħata lil dawk l-isportivi b'diżabilità (jew lill-ġenituri tagħhom) li jkunu qegħdin jippreparaw biex jieħdu sehem fil-Paralympics?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Nitlob lil Onorevoli interpellant biex jaghmel il-mistoqsija lill-Ministeru ikkoncernat.

Għawdex – Casa Amalia u Ġesu Nazzarenu – servizzi lil anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’investiment qed jagħmel għall-anzjani f'Għawdex permezz tan-night shelters u day centres ta’ Casa Amalia u Ġesu Nazzarenu? Jista’ jgħid ukoll kemm jiġi jiswa kull anzjan li juża dawn is-servizzi u li issa ilhom numru ta’ snin jaqdu l-esiġenzi tal-anzjani tagħna?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-servizz ta’ Casa Amalia jiswa €55 għal kull anzjan/a għad-Day Centre u €45 għal kull anzjan għan-Night Shelter. Fil-kaz tan-Night Shelter ‘Ġesu Nazzarenu’ il-Ministeru joffri s-servizz tat-tindif, tal-immanigjar u tal-carers.

Professjoni tal-Counselling – elenku ta’ professjonijiet komplimentari

Question

Jista’ l-Ministru jagħti iktar informazzjoni dwar ir-raġunijiet li għalihom il-Professjoni tal-‘Counselling’ tħalliet barra mill-elenku ta’ professjonijiet komplimentari għal dik tal-mediċina, peress li din is-sitwazzjoni qed tpoġġi lill-professjonisti inkwistjoni f’qagħda li ma tikkumparax ma’ oħrajn li jagħmlu xogħol simili u għalhekk huma obbligati li joħorġu rċevuta tal-VAT għax-xogħol tagħhom?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 1837.

Professjoni tal-Counselling – elenku ta’ professjonijiet komplimentari

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħti iktar informazzjoni dwar ir-raġunijiet li għalihom il-Professjoni tal-‘Counselling’ tħalliet barra mill-elenku ta’ professjonijiet komplimentari għal dik tal-mediċina, peress li din is-sitwazzjoni qed tpoġġi lill-professjonisti inkwistjoni f’qagħda li ma tikkumparax ma’ oħrajn li jagħmlu xogħol simili u għalhekk huma obbligati li joħorġu rċevuta tal-VAT għax-xogħol tagħhom?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 1837 u numru 1839.

Diretturi, Konsulenti jew impjegati oħra li qegħdin ingaġġati mal-Malta MedAir u Air Malta

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk hemmx diretturi, konsulenti jew impjegati oħra li qegħdin mal-Malta MedAir u fl-istess ħin huma wkoll impjegati mal-Air Malta?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-preżent hemm żewġ persuni illi jipprovdu xi xogħol lill-Malta MedAir u lill-Air Malta.

Konfederazzjoni tal-Għaqdiet — union

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hemmx xi intenzjoni li l-konfederazzjoni tal-għaqdiet issir Union reġistrata? Jekk le għaliex u jekk iva meta?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninforma lill Onor. Interpellant li l-Att dwar l-Impiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali jistipula li trade unions ikunu reġistrati. L-Att ma jikkontemplax li konfederazzjonijiet ta’ trade unions ikunu reġistrati. Wieħed irrid jinnota wkoll li dawn il-konfederazzjonijiet ikunu magħmula minn trade unions li huma nnifishom ikunu reġistrati skont l-Att.