Legislature:
Category:
Reset
Active:

AUM – ftuħ — ġurnalisti

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk il-ġurnalisti kinux mistiedna għall-ftuħ tas-sena akkademika tal-Università Amerikana ta’ Malta (AUM), li għalih il-Prim Ministru stess attenda nhar it-28 ta’ Settembru 2022?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Uffiċċju tal-Prim Ministru mhux l-organizzatur tal-ftuħ tas-sena akkademika tal-entità li qed tirreferi għaliha.

Tal-linja — tracking

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-karozzi tal-linja humiex tracked bil-GPS f’ħin reali? Jekk iva, jista’ jgħid għalfejn din l-informazzjoni ma tintweriex fuq it-Tallinja App?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-karozzi tal-linja kollha huma mgħammra b’sistema ta’ GPS li turi l-pozizzjoni tagħhom waqt il-ħin kollu li jkunu qed joperaw. Il-karozzi tal-linja jibagħtu l-Ġeo-location tagħhom kontinwament, b’intervall ta’ bejn 3 u 5 sekondi, u b’hekk isir il-moniteraġġ mill-Kamra tal-Kontroll tal-operatur. Din l-informazzjoni tintbagħat ukoll lis-sistema ta’ Tallinja App, li ġġedded l-informazzjoni tagħha b’intervalli ta’ bejn 30 u 40 sekonda. Id-diffikulta tinqala’ meta minħabba ċirkustanzi mhux previsti, bħall devjazzjonijiet li jiltaqgħu magħhom ix-xufiera waqt li jkunu fuq ir-rotta, is-servizz tat-trasport pubbliku jista’ jiġi affetwat u jkun hemm sitwazzjonijiet li informazzjoni preċiża ma tintweriex fuq Tallinja App. Ta’ min jinnota li t-teknoloġija li tintuża fl-app, li tintuża f’ħafna pajjiżi u bliet oħra, ma kinitx iddisinjata biex tilqa’ għal devjazzjonijiet u xogħlijiet fit-toroq. Infurmat mill-Operatur tat-Trasport Pubbliku li din is-sistema li tħaddem l-App qegħda tiġi aġġornata u dan sabiex ikollha aktar informazjoni dwar id-devjazzjonijiet.

Home Ownership Schemes — Każijiet solvuti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid sena b’sena mill-2020 sal-lum kemm-il każ solviet l-Awtorità tal-Artijiet fejn akkwistat mingħand is-sidien oriġinali artijiet li fuqhom inbnew djar ta' Home Ownership Schemes, u li mbagħad għaddiet it-titolu għand l-Awtorità tad-Djar? Jista’ għal kull każ jindika kemm ingħata kumpens lis-sidien oriġinali, u jindika n-numru ta’ każijiet solvuti u l-kumpens imħallas lokalità b’lokalità?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista mill-2020 sal-lum ta’ kemm-il ka¿ tal-Home Ownership Scheme tal-Awtorità tal-Artijiet ġew solvuti.

Ġonna f’Malta li l-amministrazzjoni tagħhom taqa’ taħt il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża

Question

Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-elenku tal-ġonna kollha li jinsabu f’idejn l-amministrazzjoni u kura tal-Ministeru u dawk fuq oħra separata li huma f’idejn il-Kunsilli Lokali f’Malta?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, fir-rigward tal-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża, qed inpoġġi lista bl-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra. Min-naħa l-oħra, f’dak li jirrigwardja l-Kunsilli Lokali, nitolbu sabiex iressaq il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Ġonna f’Għawdex u Kemmuna li l-amministrazzjoni tagħhom taqa’ taħt il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża

Question

Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-elenku tal-ġonna kollha li jinsabu f’idejn l-amministrazzjoni u kura tal-Ministeru u dawk fuq oħra separata li huma f’idejn il-Kunsilli Lokali f’Għawdex u Kemmuna?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, f’Għawdex u Kemmuna, l-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża m’huwa responsabbli għall-ebda ġnien. Madankollu, l-entita’ Wasteserv (Malta) Ltd, li wkoll tifforma parti minn dan il-Ministeru, hija responsabbli għas-sit tal-ex-miżbla tal-Qortin fix-Xagħra, fejn sit ta’ ħamsin elf metru kwadru nbidel minn ġerħa ambjentali għall-park naturali li llum jista’ jitgawda mill-familji. Min-naħa l-oħra, f’Kemmuna, il-Ministeru qed iwettaq interventi permezz ta’ Ambjent Malta. Dawn l-interventi huma marbutin mal-pjan ta’ ġestjoni għal siti Natura 2000 u fl-aħħar snin kienu jinkludu t-tneħħija ta’ speċi invażivi u t-tħawwil ta’ siġar u arbuxelli indiġeni f’ammont li jeċċedi l-għoxrin elf. Barra minn hekk, fil-Bajja ta’ Santa Marija saru xogħlijiet ta’ restawr ambjentali li, fost l-oħrajn, jinkludu t-tneħħija ta’ materjal u l-formazzjoni mill-ġdid ta’ għadajjar b’ilma salmastru li jservu ta’ kenn għall-għasafar li jpassu fl-inħawi. Tneħħew ukoll strutturi tal-konkos u arbli tad-dawl li ma kinux qed jintużaw u ssewwew ħitan tas-sejjieħ li jservu ta’ lqugħ għall-ħamrija. Rigward ġonna li jinsabu f’idejn l-amministrazzjoni u kura tal-Kunsilli Lokali f’Għawdex u Kemmuna, il-mistoqsija għanda ssir lil Ministru konċernat.

Ġonna f’Għawdex u Kemmuna li l-amministrazzjoni tagħhom taqa’ taħt il-Ministeru għal Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-elenku tal-ġonna kollha li jinsabu f’idejn l-amministrazzjoni u kura tal-Ministeru u dawk fuq oħra separata li huma f’idejn il-Kunsilli Lokali f’Għawdex u Kemmuna?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ġonna li jaqgħu taħt il-Ministeru għal Għawdex huma dawk elenkati hawn taħt: · Ġnien Villa Rundle (Rabat) · Ġnien Ċensu Sciberras (Kerċem) · Il-Bosk ta` taħt Chambray (Għajnsielem) · Ulysses Grove (Xewkija) · Mixtla tad-Dawwara · Buskett tax-Xewkija · Ta` Isopu · Three Hills Garden u l-madwar (Marsalforn)

Għawdex – Kerċem — għadira ta’ San Raflu - xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet qed isiru barra mill-għadira ta’ San Raflu fil-limiti ta’ Kerċem Għawdex?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninsab infurmat li dawn ix-xogħlijiet qegħdin isiru mill-Kunsill Lokali ta’ Kerċem u għalhekk, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li għal aktar dettalji għandu jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Katakombi ta’ Għar Għerduf (Kerċem Tombs)

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stat jinsabu llum dawk li huma indikati bħala Kerċem Tombs (Katakombi ta’ Għar Għerduf) u jekk hux qed jiġu protetti u kkurati?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dan l-aħħar sar studju preliminari tal-istat ġeoloġiku li jinsab fih l-Katakombi ta’ Għar Gerduf. Irriżulta li l-għar jeħtieġ li jsirulu interventi fih u madwaru minn barra sabiex ma jkomplix jiċċaqlaq. Ladarba dan kollu jseħħ u jkunu ttieħdu l-prekawzjonijiet kollha, ikunu jistgħu jibdew l-istudji arkeoloġiċi neċessarji fih.

Wied is-Sewda — tindif

Question

Tista’ l-Ministru tara hux possibbli li l-ambjent ta’ dak li huwa msemmi bħala Wied is-Sewda jiġi mnaddaf aħjar billi mhuwiex miżmum sewwa?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li dan il-wied hu taħt sorveljanza kontinwa u jsiru interventi ta` tindif kull ġimgħa. Fil-fatt din is-sena, saru diversi interventi ġewwa dan il- Wied b` mod partikulari fil- perjodu tas-Sajf fejn l-attività ekoloġika tkun waħda minima , fejn tneħħa madwar 50 tunnellata ta’ ħmieġ, skart ta` kostruzzjoni, kif wkoll skart ieħor kemm bioloġiku u domestiku. Dawn ix-xogħlijiet ta’ tindif huwa mportanti peress li l-materjal mormi fil-wied jwassal għall-għargħar li jħalli impatt fuq il-mogħdijiet u l-għelieqi tal-madwar li jwassal f’telf ta’ ħamrija u telf ta’ prodotti agrikoli.

Rabat – Vjal il-Ħaddiem

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk Vjal il-Ħaddiem, ir-Rabat, hijiex triq arterjali/distributorja u jekk din hijiex koerenti man-North West local plan?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-programm tat-Tramuntana NWTR7 li kien sar fl-2006 kien pjan lokali propost fil-kuntest ta’ programm ta Struttura. Din il-proposta relatata ma’ Vjal il–Ħaddiem qatt ma kienet aċċettata/diskussa mal-Awtoritatjiet u issa l-pjan ġie mibdul bil-Pjan Strateġiku għall-Ambjent u Żvilupp. Vjal il-Ħaddiem mhux klassifikata la bħala triq arterjali u lanqas distributorja f’dan il-pjan.

Persuni ta’ nazzjonalità barranija li jaħdmu fi sptarijiet jew kliniċi Maltin — kuntratt ta’ xogħol

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jispjega jekk ħaddiema ta' nazzjonalità barranija jkollhomx kuntratt ta' xogħol għal sena jew definit/indefinit meta jibdew jaħdmu fl-isptarijiet/kliniċi Maltin?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ħaddiema ta' nazzjonalità barranija jkollhom kuntratt indefinit, sakemm ma jkunux tobba li ġew impjegati għal-perjodu definit sabiex jimlew vakanza b’mod temporanju

Ħal Qormi – Triq l-Aħwa Zammit – tindif

Question

Jista’ l-Ministru jara hux possibbli li Triq l-Aħwa Zammit, f’Ħal Qormi, ikollha tindif iktar regolari matul il-ġimgħa?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi li Triq l-Aħwa Zammit titnaddaf skont l-iskeda tal-knis ta’ toroq f’Ħal Qormi.

Ħal Qormi – Triq M.A. Vassalli – tindif

Question

Jista’ l-Ministru jara hux possibbli li Triq M.A. Vassalli, f’Ħal Qormi, ikollha tindif iktar regolari matul il-ġimgħa?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi li Triq M.A.Vassalli titnaddaf b’mod regolari skont l-iskeda tal-knis ta’ toroq f’Ħal Qormi.

Ħal Qormi – Triq tal-Bajjada – tindif

Question

Jista’ l-Ministru jara hux possibbli li Triq tal-Bajjada, f’Ħal Qormi, ikollha tindif iktar regolari matul il-ġimgħa?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi li Triq tal-Bajjada titnaddaf b’mod regolari skont l-iskeda tal-knis ta’ toroq f’Ħal Qormi.

Ħal Qormi — Pjazza Federico Maempel

Question

Jista’ l-Ministru jara hux possibbli li ż-żona ta’ Pjazza Federico Maempel, f’Ħal Qormi, ikollha tindif iktar regolari matul il-ġimgħa?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi li t-tindif fi Pjazza Federico Maempel isir darbtejn fil-ġimgħa, mill-kuntrattur responsabbli mit-tindif tal-ġonna.

Siġġiewi – Triq Nicolo’ Baldacchino – tindif

Question

Jista’ l-Ministru jara hux possibbli li Triq Nicolo’ Baldacchino, fis-Siġġiewi, ikollha tindif iktar regolari matul il-ġimgħa?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi li bħalissa l-Kunsill qiegħed fil-fażi ta’ evalwazzjoni għat-tender tal-knis. Infurmat ukoll illi l-knis tat-toroq isir bi skeda u l-Kunsill Lokali huwa kommess li jara li din l-iskeda tiġi rispettata.

Siġġiewi – Triq il-Muża – tindif

Question

Jista’ l-Ministru jara hux possibbli li Triq il-Muża, fis-Siġġiewi, ikollha tindif iktar regolari matul il-ġimgħa?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi li bħalissa l-Kunsill qiegħed fil-fażi ta’ evalwazzjoni għat-tender tal-knis. Infurmat ukoll illi l-knis tat-toroq isir bi skeda u l-Kunsill Lokali huwa kommess li jara li din l-iskeda tiġi rispettata.

Benefiċċji għal persuni b’diżabilità/għaqdiet volontarji relatati mal-bini

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk persuni b'diżabilità u għaqdiet volontarji jgawdux minn xi benefiċċju, bħal tnaqqis ta’ ħlasijiet, jekk japplikaw għal xi permessi relatati mal-bini? Jekk iva, x’benefiċċji għandhom, kemm-il persuna u għaqda volontarja gawdiet minn tali skemi matul l-2022, u min gawda minn tali skemi matul l-2022? Jista' l-Ministru jgħid jekk għall-2023, hux ser ikun hemm possibbiltà ta’ benefiċċji għal persuni b'diżabilità u għaqdiet volontarji jekk japplikaw għal xi permessi relatati mal-bini, u fiex jikkonsistu tali benefiċċji?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skont il-Leġislazzjoni Sussidjarja 552.12 Regolamenti Dwar Ħlasijiet tal-Ippjanar tal-Iżvilupp, Regolament ( 2) "Bini Specjiali", jinkludi; istituzzjoni, klabb, soċjetà, jew organizzazzjoni oħra ta’ natura reliġjuża, kulturali, filantropika, sportiva jew ta’ natura soċjali, li ma tkunx tinkludi Dipartimenti tal-Gvern jew parastatali, bil-faċilitajiet meħtieġa biex tilħaq l-għanijiet tagħha, inklużi skejjel, ospizji, djar tax-xjuħ, sptarijiet u bini ieħor jew utilitajiet simili, meta l-istituzzjoni, klabb, soċjetà jew organizzazzjoni oħra tkun dikjarata bħala meħlusa mit-taxxa mill-Ministru responsabbli għall-finanzi f’regolamenti li jsiru għal dak il-għan. Dawn kollha jgawdu min tnaqqis tal- ‘’Ħlasijiet tal-Ippjanar tal-izvilupp’’ Skont Skeda 1, Kategorija B fl’istess Regolamenti, b’rata mnqassa u fissa ta’ €145.00 għal kull unita proposta. Fis-sena 2022 kien hemm erba’ każijiet fejn l- Awtorita’ applikat dan ir-regolament. L-applikanti kienu l- Parroċċa tal-Għasri, San Blas Therapeutic Community , The Eden and Razzett Foundation u The Scout Association of Malta.

Fuljett dwar il-Baġit 2023 — nefqa

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont tan-nefqa li saret b'rabta mal-fuljett dwar il-baġit għas-sena 2023 maħruġ mill-Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol u li ġie mqassam fid-djar f'Malta u Għawdex? Jista' l-Ministru jgħid f'liema lokalitajiet ġie mqassam bieb bieb l-imsemmi fuljett?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-fuljett hu parti minn kampanja mifruxa biex il-poplu Malti u Għawdxi jkun mgħarraf bil-mi¿uri ta’ fejda fl-akbar allokazzjoni finanzjarja li qatt saret fl-istorja permezz tal-Baġit 2023. In-nefqa għall-istampar tal-fuljett hi ta’ €35,480, waqt li dik għat-tqassim tiegħu fil-lokalitajiet kollha ta’ Malta u Għawdex hi ta’ €25,620.

Dewmin fil-proċeduri — dritt għas-smigħ

Question

Jista' l-Ministru jgħid sena b'sena mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari f'kemm-il kawża nstab li kien hemm dewmien fil-proċeduri u konsegwentement ġie vjolat id-dritt għal smigħ xieraq fi żmien raġjonevoli kif protett mill-artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u/jew l-artikolu 39 tal-Kostituzzjoni? Jista' l-Ministru jagħti l-okkju ta' kull sentenza u jindika wkoll l-ammont ta' danni li l-Gvern ġie kkundannat li jħallas f'kull waħda mill-imsemmija kawżi u b'mod separat jindika wkoll l-ammont ta' spejjeż li l-Gvern ġie kkundannat li jħallas f'kull waħda mill-imsemmija kawżi?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni għada qed tinġabar.