Legislature:
Category:
Reset
Active:

Formularju tal-Gvern – Alendronic Acid 70 mg

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb jew meta se jkunu inklużi fil-Formularju tal-Gvern, l-Alendronic Acid 70 mg tablets?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li din is-sena fil-formularju tal-Gvern daħlet il-kategorija mediċinali ta’ ‘ oral bisphosphonate ’. Bħalissa, il-mediċina li qed tinxtara minn din il-kategorija hija l-‘Ibandronic acid’.

Baġit – Nefqa fuq promozzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa totali li saret għall-promozzjoni tal-Baġit 2026, inklużi l-ispejjeż relatati mar-reklamar fuq il-midja tradizzjonali u diġitali, il-midja soċjali, materjal stampat u kwalunkwe kampanja ta’ komunikazzjoni oħra relatata ma’ dan il-Baġit?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Il-Buskett – Toilets pubbliċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk bdewx ix-xogħlijiet li kellhom isiru fuq it-toilets pubbliċi fil-Buskett? Jekk le, jista’ jgħid x’inhi r-raġuni għaliex ix-xogħol għadu ma bediex minkejja li l-permess għal tiswija ta’ ħsarat strutturali u rikostruzzjoni kien approvat is-sena li għaddiet?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor Interpellanta tagħmel il-mistoqsija tagħha lill-Ministeru kkonċernat.

Skejjel - Nuqqas ta’ skrivani

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 31764 u 32144 u jgħid kemm hemm skejjel li għandhom nuqqas ta’ skrivani, u jindika minn liema sena ilu hemm dan in-nuqqas?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li, għalkemm ma hemmx rekwiżit speċifikat li f’kull skola għandu jkun hemm skrivan, fil-prattika qed isir użu regolari mis-servizz ta’ skrivan.

Overpass lifts – Rapporti ta’ ħsarat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba ġie rrappurtat li l-lift għall-pedestrian overpass ma kienx qed jiffunzjona bejn Jannar 2024 u l-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, u jaqsam din l-informazzjoni separatament għal kull lift?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minn Jannar 2024 s’issa, il-ħsarat irrapurati fl-overpass lifts kienu s-segwenti: Marsa Junction A3 Tower 31 darba Blata l-Bajda 10 darbiet Mcast 16-il darba Marsa Junction 22 darba Yellow Bridge 20 Il-lift fil-Marsa Ħamrun Bypass huma magħluq minħabba vandaliżmu li sar fuqu.  Dawn huma fil-proċess li jiġu mibdula, u għandhom ikunu finaliżżati sal-aħħar tal-ġimgħa d-dieħla, ġaladarba spezzjonijiet ta’ kwalita’ u sigurta’ ikunu konformi.

Overpass lifts

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk il-pedestrian overpass lifts li mhumiex jiffunzjonaw bħalissa?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li wara spezzjoni li saret nhar it-26 ta’ Novembru 2025, irriżuta li l-uniċi lifts li nstabu mhux jiffunzjonaw huma dawk tal-Marsa Junction (biswit il-One Complex) u li bħalissa qed isiru xi tiswijiet fuqhom.

Sistemi Fotovoltajċi – Skemi għall-bdiewa

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 32545 u jgħid jekk hemmx xi pjan għall-implimentazzjoni ta’ xi skema ta’ sistemi fotovoltajċi għall-bdiewa?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li fil-preżent m’hemmx pjanijiet għall-implimentazzjoni ta’ xi skema ta’ sistemi fotovoltajċi għall-bdiewa.

Baġit 2026 – Line Item 5079

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 32544 u tgħid jekk is-somma ta’ €11.2 miljun, taħt Line Item 5079 – Domestic Battery Storage Scheme fil-Baġit 2026, tkoprix biss skemi kompletament ġodda jew hux se jintuża wkoll għall-back log ta’ dawn il-batteriji minn snin preċedenti?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li s-somma ta’ €11.2 miljun, taħt Line Item 5079 – Domestic Battery Storage Scheme fil-Baġit 2026 hija għal skemi ġodda li jinħarġu fl-2026.

Post għar-rwol ta’ Senior Teacher

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 32468 u jgħid meta ser toħroġ il-post għar-rwol/grad ta’ Senior Teacher, hekk kif maqbul fil-ftehim kollettiv li ġie konkluż qabel ma bdiet is-sena skolastika 2024-2025?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Infurmat li bħalissa għaddejin id-diskussjonijiet neċessarji sabiex tinħareġ is-sejħa.

Il-Furjana - Triq l-Indipendenza - Restawr ta’ lapida

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex possibbli li l-lapida fi Triq l-Indipendenza l-Furjana taħt il-mina int u sejjer lejn il-Belt,  tiġi restawrata billi bl-elementi sofriet detorjorament?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Furjana li jeħtieġ indikazzjoni eżatta tal-lapida li qed issir referenza għaliha sabiex tkun tista’ tingħata l-informazzjoni mitluba.

Ix-Xgħajra - Restawr ta’ lapida

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex possibbli li l-lapida li hemm fil-ġnien bejn l-aħħar parti ta’ Triq Qaċċawiet u Dawret ix-Xatt fix-Xgħajra, tiġi restawrata billi bl-elementi sofriet detorjorament?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tax-Xgħajra li r-restawr tal-lapida f’dan il-ġnien ser tiġi diskussa fil-laqgħa tal-Kunsill li jmiss.

Ix-Xgħajra - Restawr ta’ lapida

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex possibbli li l-lapida li hemm fix-Xgħajra int u sejjer lejn il-Kalkara, tiġi restawrata billi bl-elementi sofriet deterjorament?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tax-Xgħajra li r-restaw tal-lapida f’din it-triq ser tiġi diskussa fil-laqgħa tal-Kunsill li jmiss.

Heritage Malta - Offerta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-pożizzjoni ta’ Heritage Malta u x’passi ttieħdu senjatament dwar l-offerta li saret mill-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament dwar fdalijiet misjuba f’Għar Dalam?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li Heritage Malta wieġbet għal din l-istqarrija pubblikament, u t-tweġiba tagħha ġiet ippubblikata fil-ġurnali lokali. Id-diskussjonijiet mal-Prof. Aida Gómez-Robles komplew, tant li din il-Professoressa tagħmel parti minn tim ta’ esperti minn istituzzjonijiet intrenazzjonali, li flimkien ma’ Heritage Malta, is-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali u l-Universita ta’ Malta qed iwettqu’ għadd ta’ studji tekniċi u speċjalizzati fuq dawn il-fdalijiet. Dawn l-istudji għadhom għaddejjin u jiġu ppubblikati meta jkunu lesti.

Sorsi għat-tifi tan-nar

Question

Jista' l-Ministru jispjega s-sorsi differenti ta' ilma u foam użat għat-tifi tan-nar u jispeċifika jekk il-maġġoranza tal-ilma użat huwiex ilma ħelu? Jekk iva, jista' jgħid xi prekawzjonijiet jittieħdu biex il-provvista tal-ilma għal inċidenti kbar (bħal dak li rajna fl-iscrapyard tal-Marsa) tkun assigurata?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li li l-ilma  li jintuża mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili huwa ilma ħelu, u jittieħed minn fire hydrants installati apposta jew minn lokazzjonijiet indikati mill-WSC sabiex ikun żgurat li ma titnaqqasx il-provista lejn il-pubbliku. F'okkażjonijiet ta' inċidenti industrijali liema siti huma biswit il-baħar jista jintuża ilma tal-baħar imma wara l-operazzjoni irid jinħasel it-tagħmir, pompi, vetturi u manek għaliex il-melħ huwa ta’ detriment kbir għat-tagħmir.

Baġit 2026 - Malta Arts Fund

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar il-Line item 5527 ‘Malta Arts Fund’ imsemmi fl-estimi finanzjarji tal-Baġit għas-sena 2026?  Jista’ jgħid ukoll fejn ser imorru l-€450,000 li huma allokati għalih?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-Line Item 5527 Malta Arts Fund huwa wieħed mill-voti li jintuża mill-Kunsill Malti għall-Arti għall-portafoll ta' skemi ta' finanzjament tiegħu.

Baġit 2026 - Arts and Culture Events

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar il-Line item 5484 ‘Arts and Culture Events’ imsemmi fl-estimi finanzjarji tal-Baġit għas-sena 2026 u jsemmi xi wħud minnhom li għas-sena d-dieħla qed ikun allokat għalihom il-fond ta’ €1.7 miljun?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-lista tal-avvenimenti finanzjati minn LV 5484 hija kif ġej: Il-Karnival ta’ Malta Festghana Malta International Arts Festival Malta Jazz Festival Dance Festival Malta Il-Karnival tas-Sajf Valletta Guitar Festival

Baġit 2026 - Intangible Cultural Heritage Programme u Tangible Cultural Heritage Programme

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar il-Line item 5263 ‘Intangible Cultural Heritage Programme’ u Line item 5264 ‘Tangible Cultural Heritage Programme’ imsemmija fl-estimi finanzjarji tal-Baġit għas-sena 2026 u x’sar diġà? Jista’ jgħid ukoll x’inhuma l-għanijiet u l-kisbiet li saru s’issa fuq dawn iż-żewġ programmi rispettivament?

Response (BONNICI, OWEN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Baġit 2026 - Valletta Management Plan

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar Line item 5169 ‘Valletta Management Plan’ imsemmi fl-estimi finanzjarji tal-Baġit għas-sena 2026 li ser ikunu allokati għalih €1.2 miljun? Jista’ jgħid ukoll min ser jitħallas biex jinkiteb dan il-pjan, jekk hux kumpanija jew individwu/i?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-Kumitat jaħdem b’ mod indipendenti permezz ta individwi fuq bażi ex-ufficio, ċioe ma jitħallsux. Il-fondi allokati jiġu diretti biss lejn inizjattivi li jkun qed jieħu l-Kumitat għall-ġid tal-Belt Kapitali, fosthom li jiġu onorati MOUs jew kuntratti iffirmati diġa ma diversi entitajiet pubbliċi. L-ebda nefqa ma ssir jekk mhux bl-approvazzjoni tal-kumitat. Ninnota ukoll li matul l-2026 parti kbira mil-bilanċ allokat se jkunu qed jintuża għal żamma aktar nadifa tal-istess Belt Valletta, liema ħidma ta’ tindif qablu miegħu unanimament l-Kunsilliera kollha tal-Belt. L-ghanijiet tal-Kumitat joħorġu minn rekwiżit stipulati mill-UNESCO għal kull sit elenkat fil-Lista tal-Wirt Dinji.

Birkirkara - Kulleġġ Santa Tereża, Mrieħel – Servizz ta’ canteen

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex matul din is-sena skolastika ma hemm l-ebda servizz ta’ canteen fil-Kulleġġ Santa Tereża, Mrieħel, f’Birkirkara u li bħalissa hemm biss magni tal-bejgħ awtomatiku li ma jipprovdux ikel sħun?  Jista’ jgħid ukoll jekk l-iskola hix se tikkunsidra soluzzjonijiet alternativi, jew li jerġa’ jibda jopera l-canteen sabiex l-istudenti jkunu jistgħu jixtru jew ikollhom aċċess għall-ikel matul il-breaks?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Community Police

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32262, jista’ l-Ministru jipprovdi l-lista tal-lokalitajiet li fihom jinsabu l-Community Police u jgħid kemm-il uffiċjal hemm assenjat f’shift wieħed f’kull lokalità? Jista’ wkoll jipprovdi l-ħinijiet ta' shift wieħed u jaqsam din l-informazzjoni lokalità b’lokalità?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Qatt f’pajjiżna, qabel dan il-Gvern, ma l-Pulizija kienu viċin tal-komunita daqs kemm huma llum. Dan fost oħrajn bl-introduzzjoni tal-Community Police li ninforma lill-Onorevoli membru li dan is-servizz huwa provdut fil-lokalitajiet kollha ta’ madwar Malta u Għawdex u issa wkoll l-Police Patrol and Community Support Officers li wara li tħarġu issa qegħdin narawhom iterqu fit-toroq tagħna. Dan jinghaqad max-xoghol iehor li jsir fil-komunitajiet primarjament mill-Pulizija tad-Distrett flimkien ma skwadri ohra fostom ir-Rapid Intervention Unit. Ninsab infurmat li l-ħinijiet tal-Community police huma mis-7:30 ta’ filgħodu sad-9.30 ta’ filgħaxija fix-xhur tax-Xitwa u bejn April u Settembru joperaw sal-11:30 ta’ billejl. Huma jkunu assenjati skont il-ħtieġa biex iċ-ċittadini tagħna jingħataw l-aqwa servizz