Peress li kien hemm bosta lmenti mingħand ġenituri ta’ studenti u edukaturi fi ħdan l-Iskola Primarja tas-Siġġiewi għall-fatt li s-sala prinċipali qed tintuża bħala store għal tagħmir mediku, jista' l-Ministru jgħid meta s-sala tal-Iskola Primarja tas-Siġġiewi se tkun tista’ terġa’ tibda tintuża b’mod regolari għall-attivitajiet edukattivi u soċjali kemm mill-Edukaturi kif ukoll mill-istudenti?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa għaddejja ħidma intensiva biex is-swali tal-iskejjel, inkluż dik msemmija, jitbattlu kollha.
Ġenituri li ntbagħtu l-ħabs wara li nstabu ħatja ta' ksur tal-kodiċi kriminali dwar nuqqas ta' ħlas ta' manteniment
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm missirijiet u ommijiet effettivament intbagħtu l-ħabs wara li nstabu ħatja ta' ksur tal-Kodiċi Kriminali (Kap. 9 tal-Liġijiet ta' Malta) artikolu 338(z) dwar in-nuqqas ta' ħlas tal-manteniment, u artikolu 338 (11), dwar in-nuqqas ta' aċċess ta' wlied minuri, matul is-sena 2021?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra
Ġenituri li nstabu ħatja ta' ksur tal-kodiċi kriminali dwar nuqqas ta' ħlas ta' manteniment
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm missirijiet u ommijiet effettivament nstabu ħatja ta’ ksur tal-liġi kriminali Kap. 9 tal-Liġijiet ta’ Malta, artikolu 338(z) dwar in-nuqqas ta’ ħlas tal-manteniment u artikolu 338 (ll) dwar in-nuqqas ta’ aċċess ta’ wlied minuri u kemm weħlu twissijiet, multi jew ħabs sospensiv, matul is-sena 2021?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3257, jista’ l-Ministru jgħid liema huma r-raġunijiet kummerċjali b’tali mod li art pubblika tingħata b’konċessjoni lill-privat?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jikkjarifika d-domanda tiegħu.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tas-sejħa pubblika li saret, fejn tistieden lill-pubbliku inġenerali biex jista’ jitfa’ l-offerta jew juri interess għal dawn il-konċessjonijiet ġewwa Kemmuna?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sejħa qiegħda tiġi finalizzata u se tiġi ppublikata fiż-żmien li ġej.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra s-site plans tal-konċessjonijiet mogħtija fil-bajjiet ta’ Kemmuna? Jista’ jgħid sa fejn dawn l-istess encroachments iwasslu?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qegħdin isiru reviżjonijiet u s-site plans ta’ tali konċessjonijiet qegħdin jiġu finalizzati.
Jista’ l-Ministru jgħid kif il-Ministeru qiegħed jara li l-kundizzjonijiet mogħtija tal-encroachments ġewwa l-bajjiet ta’ Kemmuna qed ikunu mħarsa? Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba kien hemm żjarat mill-infurzar ġewwa l-bajjiet f’Kemmuna?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġejt infurmat li uffiċjali tal-Infurzar fi ħdan l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu kienu qed ikunu Kemmuna ta’ kuljum, minn kmieni filgħodu sa tard waranofsinhar, sabiex jiżguraw li jitħarsu l-kundizzjonijiet imposti ġewwa Blue Lagoon.
Fid-dawl li l-Ministru għal diversi drabi tkellem u qal li ser ikun hemm pjan biex id-deckchairs u umbrelli jkunu regolarizzati, jista’ l-Ministru jgħid fejn wasal dan il-pjan?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qegħdin isiru reviżjonijiet u s-site plans ta’ tali konċessjonijiet qegħdin jiġu finalizzati bil-għan li tiġi ppublikata sejħa fiż-żmien li ġej.
Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol — infiq f'reklamar fuq media
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2757 u jgħid kemm tħallsu flus mill-Ministeru, mill-2017 sal-lum, lill-Media.link, NET TV, NET FM u/jew lill-Partit Nazzjonalista għal reklamar f’xandiriet tal-istess entitajiet?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi mill-2017 sal-lum tħallsu €129,497.21 lil Media Link għal reklamar.
Pjazza tal-Mellieħa — proġett ta' tisbiħ - aċċessibilità għall-persuni b'diżabilità
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-proġett ta' tisbiħ tal-Pjazza tal-Mellieħa hux se jkollu aċċessibiltà għall-persuni b'diżabilità, partikolarment dawk f'siġġu tar-roti għall-partijiet kollha tal-Pjazza? Jista' l-Ministru jgħidilna jekk hux ser tiġi istallata pjattaforma tas-siġġu tar-roti?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jindirizza l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm mill-embrijuni mhux se jintużaw u jekk jintużaw, wara kemm?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħsieb hu li l-embrijuni kollha jiġu implantati. Waqt li hemm 4 embrijuni fil-proċess għal addozzjoni, il-ġenituri prospettivi l-oħra li għandhom l-embrijuni ffriżati kollha wrew ix-xewqa li jagħmlu użu mill-embrijuni f’ċikli ssusegwenti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet fi rziezet fejn jitrabbew l-annimali mill-2021 sal-lum? Jista' jgħid kemm instabu kontravvenzjonijiet f'dawn l-irziezet, u x’miżuri ttieħdu biex jitranġaw?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Direttorat għar-Regolazzjoni Veterinarja mill-2021 sal-aħħar ta’ Settembru 2022 għamel 4,237 spezzjoni.
Fl-2021, kien hemm 8 kontravenzjonijiet fi rziezet ta’ ruminanti żgħar (inħarġet ittra ta’ penali u 7 ittri ta’ twissija). Kien hemm 2 kontravenzjonijiet fi rziezet tat-tiġieġ (inħarġu 2 ittri ta’ twissija). Ma kienx hemm kontravenzjonijet fl-irziezet ta’ bovini, fniek, naħal u majjal.
Sal-aħħar ta’ Settembru 2022 kien hemm biss kontravenzjoni waħda fi rziezet ta’ ruminanti żgħar (inħarġet ittra ta’ twissija), oħra fil-bovini (inħarġet ittra ta’ twissija) u 19-il kontravenzjoni fl-irziezet tat-tiġieġ (inħarġu 19 ittri ta’ twissija). Ma kienx hemm kontravenzjonijet fl-irziezet ta’ fniek, naħal u majjal.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il razzett tal-annimali hawn irreġistrat?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi f’Malta u Għawdex hawn 2,492 razzett tal-annimali li huma rreġistrati mad-Direttorat għar-Regolazzjoni Veterinarja.
San Pawl il-Baħar sal-Mellieħa — Toroq Alternattivi
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 660, li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid jekk hemmx pjanijiet għal rotta alternattiva minn San Pawl il-Baħar sal-Mellieħa, dan għaliex minbarra Telgħat ix-Xemxija, kemm il-Manikata u l-Imbordin mhumiex mibnija għall-influss tat-traffiku li jeżisti bejn San Pawl il-Baħar u l-Mellieħa?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorita tal-Ippjanar m'għandha ebda applikazzjoni f'dan ir-rigward.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 658, jista' l-Ministru jagħti l-informazzjoni mitluba għal kull tip ta' rmiġġ f'kull port ta' Malta?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-proċess tal-permessi tal-irmiġġi hemm żewġ stadji. L-ewwel tiġi sottomessa applikazzjoni mill-individwu għal Irmiġġ u wara, jekk dan jiġi approvat wara l-verifiki neċessarji, joħroġ l-Irmiġġ Temporanju (Temporary Mooring Permit – TMP). Temporanju għaliex dan il-permess mhuwiex wieħed permanenti iżda joħroġ għal perjodu ta’ sena, u jiġi mġedded kull sena. L-ebda permess Temporanju ma jitneħħa sakemm jitħallas it-tiġdid jew sakemm l-individwu ma jikser l-ebda kundizzjoni tal-permess jew xi regolamenti relatati.
Il-proċess tal-applikazzjoni (l-ewwel stadju) u tal-ħruġ tal-Irmiġġ Temporanju (it-tieni stadju) japplika għal kull żona u f’kull port ta’ Malta u Għawdex, kemm għall-irmiġġi poppa l-art mal-mollijiet, dawk li bl-ingliz jissejħu stern-to moorings kif ukoll għall-irmiġġi fuq mazri fil-baħar.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 657, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ġustizzja u li issa ġiet riferuta lilu, u jagħti n-numru ta’ tilwim li nstemgħu fit-Tribunal Industrijali bejn l-2017 u l-2022 u kemm damu biex jinqatgħu? Jista' jagħti l-medja ta' żmien biex każ jiġi finalizzat fit-Tribunal Industrijali?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab infurmat kif ġej:
Tilwimiet fit-Tribunal Industrijali.
Mill-2017 sal-10 ta’ Ottubru 2022 daħlu 12-il Tilwima.
2017
4
3 deċiżi u waħda ċeduta
2018
1
Abbandunata
2019
3
1 irtirata, 1 deċiża u 1 sine die
2020
1
Pendenti
2021
1
Pendenti
2022
2
Pendenti
Medja tilwima tieħu mat-tliet (3) snin sabiex tiġi deċiża.
Laqgħat ta’ Konċiljazzjoni
Sena
Numru ta’ Laqghat
Intalaħaq Ftehim bejn il-partijiet
2017
25
19
2018
35
26
2019
40
32
2020
64
55
2021
35
31
2022 (sal- 10 ta’ Ottubru)
27
20