Legislature:
Category:
Reset
Active:

Start-Ups – għajnuna fi proġetti mill-Gvern

Question

Fid-dokument tad-Diskors tal-Baġit 2023, f’paġna 53, hemm dikjarazzjoni dwar Start-Ups fejn il-Gvern iddikjara li għen 35 proġett (Start-Ups ġodda) u biex jagħmel dan investa €35 miljun. Tista’ l-Ministru tgħid: · Jekk hux possibbli li tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra, lista ta' dawn l-istart-ups u l-focus ewlieni tagħhom fl-industrija? Eżempju (AI, 3D Printing etc) · Kemm impjegaw persuni dawn l-istart-ups matul l-aħħar 12-il xahar? · X'inhuma s-salarji medji? · X'inhuma l-ħiliet speċjalizzati meħtieġa biex taħdem ma' dawn l-istart-ups? · X'inhu r-return on investment li qed jistenna l-Gvern mill-investiment ta' €22 miljun?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Air Malta — ħaddiema

Question

Matul il-preżentazzjoni tal-Baġit, il-Ministru rrefera biss għall-Air Malta f’paġni 63 u 64, fejn indika l-isfidi u r-restrizzjonijiet tal-UE, iżda ma joffri l-ebda soluzzjonijiet, għaldaqstant jista’ l-Ministru jindika: 1. X'inhu l-kalendarju (data) mistenni għall-impjegati tal-Air Malta biex verament ikunu jafu fejn qegħdin? 2. F'termini assoluti, x'se tiswa din il-problema tal-Air Malta biex tnaqqas il-ħaddiema? 3. Jista’ joffri viżibilità ta’ x’inhi l-viżjoni tal-Gvern biex jiżgura li Malta tibqa’ jkollha l-linja tal-ajru tagħha?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ladarba jkun intlaħaq ftehim mal-Kummissjoni Ewropea, il-partijiet kollha involuti jkunu mgħarrfa bit-triq ’il quddiem.

Continuous Glucose Monitoring

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jikkonferma jekk hemmx ħsieb biex is-CGM (Continuous Glucose Monitoring) tingħata lil dawk bid-dijabete ta' bejn il-21 u 35 sena? Jekk iva, meta ser tidħol fis-seħħ din il-miżura?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta tal-mistoqsija Parlamentari numru 3388.

Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir — pjan

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2053 u jelenka l-istakeholders u/jew NGOs li ġew ikkonsultati għall-pjan ta' Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir ta' 76 paġna? Dawn kienu jinkludu xi wħud mill-istakeholders preżenti li qed jokkupaw il-port?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tgħarif għadu qed jinġabar.

Lukanda Selmun Palace

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 2078, jista' l-Ministru jgħid x'sar progress s'issa? Jista' jgħid x'ħa jsir mill-Palazz? Jista' jgħid jekk il-pubbliku hux se jkollu aċċess għall-Palazz?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 2078.

Ħolqien ta’ industriji ġodda

Question

Fid-dawl li l-Ministru dejjem jinsisti li l-Gvern tiegħu ħoloq industriji ġodda matul l-aħħar għaxar snin, jista’ l-Ministru jgħid x’jifhem bit-terminu, “Ħolqien ta’ Industrija ġdida”? Jista' jgħid ukoll: 1. Liema industriji ġodda nħolqu fl-aħħar sentejn jew tliet snin? 2. Kemm inħolqu impjiegi b'valur miżjud? 3. X'inhu s-salarju medju għal dawn l-impjiegi? 4. Kemm minn dawn l-impjiegi qed iħaddmu żgħażagħ Maltin?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-aħħar snin inħolqu diversi tip ta’ industriji ġodda, fosthom f’oqsma li jużaw teknoloġiji ġodda bħal AI, Biometric technoloġies, block chain, crypto, UAV prototyping, advanced technologies u market intelligence fost oħrajn. Fejn jidħol Blockchain u Crypto, għax konna Gvern li rajna 'l quddiem fejn tista’ twassal din it-tip ta’ teknoloġija konna wieħed mill-ewwel pajjiżi fid-dinja li ħloqna qafas regolatorju fejn dawn l-industriji jistgħu joperaw bl-akbar sigurtà f’pajjiżna. l-Unjoni Ewropea qed tħares biex ikollha qasam regolatorju bħal tagħna. Dan ifisser li pajjiż ċkejken bħal tagħna jinsab qabel pajjiżi oħra f’dan il-qasam b’sitt snin. B’dispjaċir ngħid li l-Oppożizzjoni, fl-aħħar snin tant kienet medda b’diska retorika li ma nħolqux industriji ġodda li lanqas indunaw dak li ilu jiġri f’pajjiżhom stess għal diversi snin. Ftit tal-ġranet ilu f’dan il-Parlament, il-Kap tal-Oppożizzjoni qalilna li jmissna nibdew naraw industriji ġodda bħall-video game development u esports. Infakkar, lill-Onorevoli Interpellant li kien fl-2019 li nedejn strateġija dwar il-video gamed development u l-esports. U llum diġa qegħdin naraw il-frott tagħhom. Fl-aħħar jiem attendejt għall-ġurnata ta’ reklutaġġ li għamlet il-kumpanija Keyworld Studios f’pajjiżna. Din hija kumpanija li toffri assistenza teknika u servizzi kreattivi lill-kumpaniji li joħolqu l-video games. Din il-kumpanija li b’mod globali tħaddem 11,000 ruħ, tinsab f’pajjiżna u qed timpjega lin-nies. Matul dan ix-xahar stess għadha kemm itellgħet f’pajjiżna l-Playcomn, expo dwar video games u esports li minbarra l-lat kreattiv li offriet li min żarha, fl-ewwel jumejn tagħha attendew 5,000 student minn skejjel differenti f’Malta, fejn l-istudenti ngħataw l-opportunità jaraw b’għajnejhom l-opportunitajiet offruti f’dan il-qasam.

Vetturi reġistrati bil-“Y” plate

Question

Jista’ l-Ministru jgħid: 1. Kemm hawn vetturi bil-“Y” plate reġistrati Malta? 2. Kemm hemm ħsieb li se jibqgħu jiġu rreġistrati? 3. Kemm kienu reġistrati fl-aħħar ħames snin, sena sena?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa hawn 4,710 Y plate reġistrati u liċenzjati. Is-suq huwa liberu u miftuħ allura ma nkunux nafu kemm se nirċievu reġistrazzjonijiet. Fl-aħħar ħames snin ġew reġistrati hekk kif imsemmi hawn isfel: 2022 (sal-aħħar ta’ Settembru) - 732 2021 - 341 2020 - 433 2019 - 851 2018 - 640

Malta Public Transport — xufiera

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm qed jitħallsu x-xufiera tal-Malta Public Transport? Jista’ jgħid ukoll jekk huwiex minnu li hemm rati differenti bejn ħaddiema ta’ nazzjonalità Maltija u ħaddiema ta’ nazzjonalità barranija? Jista’ jgħid jekk huwiex minnu li dan l-aħħar inġibu ħaddiema mir-Renju Unit li qegħdin jitħallsu b'rati ferm ogħla minn dawk Maltin?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Malta Public Transport hija kumpanija privata u għaldaqstant hija responsabbli għall-operat tas-servizz inkluz l-ingaġġar tax-xufiera.

Floriana – Triq Sant’Anna u Triq Nazzjonali – sinjali tat-traffiku u inċidenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhu jżomm l-entità li hu responsabbli minnha biex fi Triq Sant'Anna u Triq Nazzjonali fil-Floriana jsiru tabelli u sinjali biex jagħtu indikazzjoni tal-veloċità li tista' tintlaħaq f'dawn it-tali toroq? Jista’ jgħid kemm seħħew inċidenti fi Triq Nazzjonali u fi Triq Sant'Anna fil-Floriana fl-aħħar għaxar snin?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Korpi Dixxiplinarji ta’ Malta – ex ħaddiema tas-servizzi li għadhom ma laħqux l-età pensjonabbli

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2207 u jgħid x’inhu l-ammont ta’ eks ħaddiema tas-servizzi, ċjoè Korpi Dixxiplinarji ta' Malta li huma: il-Pulizija, il-Forzi Armati, il-Faċilità Korrettiva u l-Protezzjoni Ċivili, dwar in-numru ta’ persuni li għadhom ma laħqux l-età pensjonabbli, li jirċievu biss il-Pensjoni tat-Teżor u mhux f'impjieg għas-sena 2021?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li numru ta’ eks ħaddiema tal-Korpi Dixxiplinari li għadhom ma laħqux l-età pensjonabbli u li mhumiex f’impjieg u rċevew biss Pensjoni tas-Servizz jammonta għal 617.

Atti Kriminali — żieda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm żdiedu atti kriminali ġewwa Għawdex sena b’sena f’dawn l-aħħar ħames snin?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat illi l-ammont ta’ reati kriminali rrappurtati f’Għawdex mis-sena 2018 sal-aħħar ta’ Ottubru ta' din is-sena, kienu kif jidher fit-tabella hawn taħt. Sena Rapporti ta’ każi kriminali Għawdex 2018 713 2019 816 2020 747 2021 855 2022 (sa Ottubru) 761

Special Olympics – għajnuna speċifika

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema għajnuna speċifika, inkluż dik finanzjarja, jew inċentiva tingħata lil dawk l-isportivi Għawdxin b'diżabilità (jew lill-ġenituri tagħhom) li jkunu qegħdin jippreparaw biex jieħdu sehem fl-iSpecial Olympics?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Ir-Rabat – Parkeġġ pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk hemmx pjan dwar parkeġġ pubbliku ġewwa r-Rabat, Għawdex? Jekk iva, fejn hu ppjanat li jiġi mibni u meta ser jinbeda?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’riferenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 3744 din għandha tiġi riferuta lill-Ministeru kkonċernat.

Għawdex – Ix-Xlendi — Masterplan

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju wasal il-Masterplan tax-Xlendi, Għawdex?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa għaddejjin konsultazzjonijiet mal-entitajiet ikkonċernati biex jiġu definiti s-servizzi meħtieġa fix-Xlendi, li jkunu jiriflettu d-domanda li dejjem qed tiżdied.

Persuni f’riskju ta’ faqar f’Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jindika kemm hemm familji f'riskju ta' faqar ġewwa Għawdex fil-preżent? X’qiegħed isir biex dawn il-familji ma jibqgħux f'riskju ta' faqar?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont l-Uffiċċju Nazzjonali dwar l-Istatistika, ir-rata ta’ riskju ta’ faqar ġewwa Għawdex skont is-SILC 2021 hija ta’ 12.4%, liema rata hija it-tieni l-anqas fost ir-reġjuni kollha fil-gżejjer Maltin. F’dik li hija ġlieda kontra l-faqar, il-Gvern ma jagħmilx distinzjoni bejn reġjuni fil-macro policies tiegħu, speċjalment fil-miżuri soċjali li ilhom jiddaħħlu b’mod konsistenti u sostanzjali ħafna sa mill-2014. Naturalment ġieli jkun hemm bżonn ta’ interventi jew servizzi speċifiċi għal sitwazzjonijiet partikolari li jistgħu ivarjaw skond il-lokalità, il-kategorija ta’ nies jew xi qasam soċjali partikolari. Din il-politika mħaddma mill-Gvern wasslet biex fl-aħħar 9 snin naqset b’mod sostanzjali ħafna ċ-ċaħda materjali u dik severa inkluż f’Għawdex, naqset b’mod sostanzjali wkoll id-dipendenza soċjali inkluż f’Għawdex, u naqas għal livelli rekord il-qgħad fejn anke f’Għawdex dan sar kważi ineżistenti.

Università ta’ Malta – Fakultajiet, istitut u ċentri – letturi full-time u part-time

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm letturi full-time u part-time, kemm visiting kif ukoll b’loads T u TR f’kull dipartiment ta’ kull fakultà, istitut u ċentru ġewwa l-Università ta’ Malta?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Università ta’ Malta – studenti f’kull kors

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm studenti għal kull sena ta’ kull kors eżistenti ġewwa l-Università ta’ Malta?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Klabb tal-futbol — ground

Question

Peress li fl-2013 SportMalta kienet tat lill-klabb Swieqi United FC l-użu tal-grawnd tal-futbol f’Santa Clara School għal 17-il sena u peress li l-klabb tal-futbol kiber bil-kbir matul l-aħħar snin u dak il-grawnd tal-futbol m'għadux kbir biżżejjed u għalhekk qed ikollhom jitħarrġu fil-grawnds tal-futbol li ġejjin: Ħamrun Spartans FC, Junior College, Pembroke Athleta, Sirens FC, San Ġużepp f’Santa Venera, u oħrajn, jista’ l-Ministru jispjega jekk: a. hemmx xi pjanijiet fis-seħħ biex il-grawnd tal-futbol attwali f'Santa Klara jiġi estiż, biex ikun jista' jakkomoda l-bżonnijiet ta' dan il-Futbol Klabb li qed jikber; b. jekk hemmx xi pjanijiet fis-seħħ biex tiġi lokalizzata żona oħra fil-viċinanzi tal-lokalità tal-klabb, li se tipprovdi lil dan il-Futbol Klabb b'faċilitajiet ta' taħriġ permanenti; ċ. jekk il-klabb tal-futbol inżammx/qed jinżamm infurmat b’xi diskussjonijiet relatati ma’ dan ta’ hawn fuq?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Komunità tas-Sajd bil-qasba u l-Isport – post xieraq

Question

Peress li l-Komunità tas-Sajd bil-Qasba u l-isport qed tiffaċċja kontinwament diffikultajiet biex isibu postijiet xierqa fejn jipprattikaw id-delizzju tagħhom u jorganizzaw kompetizzjonijiet tas-sajd sportivi u peress li dawn l-avvenimenti u dan l-isport għandhom ukoll il-potenzjal li jattiraw barranin lejn gżiritna, jista’ l-Ministru jispjega jekk: a. hemmx xi pjanijiet biex tinstab żona permanenti fejn din il-komunità tista' tipprattika l-passatemp tagħha u torganizza l-kompetizzjonijiet tagħhom? Jekk iva, għal kemm aktar iridu jistennew? b. jekk m'hemmx pjanijiet biex tinstab żona permanenti, hemm pjanijiet biex jinstabu żoni magħżula, fejn din il-komunità titħalla tipprattika l-passatemp tagħha u torganizza l-avvenimenti tagħha, mingħajr ma jkollha tiffaċċja diffikultajiet kontinwi biex jinkisbu l-permessi meħtieġa? Jekk iva, għal kemm aktar iridu jistennew? Jekk bħalissa m'hemmx pjanijiet biex din il-komunità sportiva tiġi megħjuna, jista' jispjega r-raġuni għaliex il-Ministru ma pprovax isib soluzzjoni għall-problema tagħhom?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fejn għandhom x’jaqsmu faċilitajiet u spazji sportivi, Sport Malta jiddiskutu ma’ assoċjazzjonijiet sportivi li jkunu qed jirrapreżentaw xi sport partikulari. Jekk issir talba dwar spazzju pubbliku biex dan jintuża għal skopijiet sportivi, jiskatta l-proċess mal-awtoritajiet konċernati sabiex eventwalment il-ftehim li jkun qed jiġi propost jitressaq quddiem il-Parlament għal approvazzjoni.