Buġibba – proġett ta’ ġnien fi Triq San Ġeraldu u l-proġett ta' ħdejn is-salini
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk iż-żewġ proġetti li kienu tħabbru madwar sena u nofs ilu, u ċjoè l-ġnien fi Triq San Ġeraldu u l-proġett ta' ħdejn is-salini tal-melħ, ħdejn il-breakwater (moll) ta' Buġibba, fil-fatt hux ser isiru? Jista' l-Ministru jgħid x’kien/u in-numru/i tal-applikazzjoni/jiet mal-Awtorità tal-Ippjanar għal kull wieħed minn dawn iż-żewġ proġetti u jinforma fiex waslu dawn l-istess applikazzjonijiet? Jekk dawn il-proġetti ser isiru, meta hu maħsub li jibdew u jitlestew? Jekk mhux ser isiru, x'wassal għad-deċiżjoni li ma jsirux?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li ż-żewġ proġetti msemmija ser isiru. Fir-rigward tal-proġett ta’ tisbiħ tal-ġnien, bħalissa qegħdin isiru il-kunsiderazzjonijiet strutturali. Il-proġett ta’ ħdejn is-salini tal-melħ ġie pospost sakemm jitlesta l-proġett ferm akbar li qed isir maġenbu.
Statementing Moderating Panel – lista ta’ stennija għal LSA
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm tfal jew żgħażagħ li qed jistennew li jidhru quddiem l-iStatementing Moderating Panel sabiex ikun determinat jekk dawn ikollhomx bżonn Learning Support Assistant? Għal kull sena ta’ skola kemm huma dawk it-tfal li qegħdin fuq din il-waiting list? X’inhi r-raġuni li għaliha qed ikun hemm daqstant tfal jistennew li jidhru quddiem dan il-bord u x’qed isir biex dan id-dewmien jinqata’?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul is-sena 2021 kien hemm 722 talba għal Statementing Report u b’kollox ġew statemented 686. Filwaqt li matul l-2022, s’issa kien hemm 834 talba u li minnhom ġew statemented 602.
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra soft copy tal-abbozz tal-Pjan Lokali ta' Għawdex li kien ħareġ għall-konsultazzjoni pubblika fl-2002?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol – direct orders lil Kumpanija
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw direct orders matul din is-sena (sal-ġurnata li qed tingħata din it-tweġiba), xahar b'xahar, mill-Ministeru, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu lill-kumpanija li isimha qed jintbagħat separatament?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru għas-Saħħa – Direct orders lil Kumpanija
Question
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm ingħataw direct orders matul din is-sena (sal-ġurnata li qed tingħata din it-tweġiba), xahar b'xahar, mill-Ministeru tas-Saħħa, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu lill-kumpanija li isimha qed jintbagħat separatament?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba minnu.
Ministeru għall-Agrikoltura, Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali – direct orders lil Kumpanija
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw direct orders matul din is-sena (sal-ġurnata li qed tingħata din it-tweġiba), xahar b'xahar, mill-Ministeru, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu lill-kumpanija li isimha qed jintbagħat separatament?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-perjodu li qed jirreferi għalih, kien hemm tliet kampanji mifruxa u importanti biex il-pubbliku jkun mgħarraf dwarhom.
Waħda f’Marzu dwar il-proġett ‘EFSA Smart Monitoring of Airborne Plan’. Oħra 7 intervisti relatati mas-settur, bejn Marzu u April. Ta l-ahhar hija konsultazzjoni pubblika b’rabta mal-White Paper għar-riforma fil-qasam tar-raba’, li saret bjen Ottubru u Novembru. It-total minfuq kien ta’ €12,840.
Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali – direct orders lil Kumpanija
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw direct orders matul din is-sena (sal-ġurnata li qed tingħata din it-tweġiba), xahar b'xahar, mill-Ministeru, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu lill-kumpanija li isimha qed jintbagħat separatament?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, bħala parti minn kampanji t’għarfien indirizzati lill-pubbliku inġenerali, fil-perjodu indikat ingħataw żewġ direct orders mill-Ministeru u l-entitajiet li jaqgħu taħtu lill-kumpanija msemmija għall-ammont sħiħ ta’ €2,833.06.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il mutur (motor cycle) għandu l-Korp tal-Pulizija? Jista' jgħid f'liema sezzjoni, fergħa jew dipartiment fi ħdan il-Korp tal-Pulizija huma assenjati għall-użu l-imsemmija muturi? Jista' l-Ministru jgħid bħala medja kemm huwa n-numru ta' muturi tal-Korp tal-Pulizija li jintużaw ta' kuljum mit-Taqsima tat-Traffiku fi ħdan l-istess Korp tal-Pulizija?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi preżentement il-Pulizija tagħmel użu minn wieħed u tletin mutur, li huma assenjati fit-Taqsima tat-Traffiku ġewwa Malta. Minn dawn ikun hemm medja ta’ għaxar muturi assenjati kuljum f’ħinijiet differenti fuq doveri ta’ ronda. Dan barra tmien muturi oħra li jintużaw għal doveri simili ġewwa Għawdex, b’erba’ muturi jwettqu dan ix-xogħol kuljum. L-ammonti ta’ muturi indikati, ma jinkludux dawk li huma għat-tiswija fil-jum ta’ din it-tweġiba. L-Onor. Membru japprezza illi barra mid-doveri ġenerali ta’ ronda, fost avvenimenti u responsabbiltajiet oħra tal-komunità, l-uffiċċjali fit-Taqsima tal-Pulizija tat-traffiku bil-mutur huma responsabbli wkoll biex jinforzaw il-liġijiet tat-traffiku, jaqdu diversi doveri ta’ skorta u jattendu seduti tal-Qrati.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il mutur (motor cycles) għandha l-Awtorità għat-Trasport f'Malta? Jista' jgħid f'liema sezzjoni, fergħa jew dipartiment fi ħdan l-Awtorità għat-Trasport f'Malta huma assenjati għall-użu l-imsemmija muturi? Jista' l-Ministru jgħid bħala medja kemm huwa n-numru ta' muturi tal-Awtorità għat-Trasport f'Malta li jintużaw ta' kuljum biex isir infurzar tal-liġi u kontroll tat-traffiku fit-toroq f'Malta u f'Għawdex?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-preżent Transport Malta għandha 10 muturi li 9 minnhom huma assenjati ġewwa Malta filwaqt li wieħed huwa assenjat ġewwa Għawdex.
Dawn il-Muturi li joperaw taħt ir-responsabbiltà tad-Direttorat tal-Infurzar fi ħdan Transport Malta, 7 muturi Malta u ieħor Għawdex ikunu kuljum assenjati jagħmlu xogħol ta’ infurzar, kontroll ta’ traffiku, jintervjenu biex jimmarkaw kollużjonjiet sabiex il-vetturi involuti jitneħħew mill-aktar fis possibbli mill-karreġġjati u ma jibqgħux t’ostakolu għat-traffiku, kif ukoll jassistu f’emerġenzi li jkunu jirrekjedu skorta.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3114, jista' l-Ministru jispjega kif skont id-dokumenti li poġġa fuq il-Mejda tal-Kamra jidher li x-xogħol ta' Key Expert - Electrical Engineer, ġie sub-contracted minn kumpanija (A) li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament għal kumpanija oħra (B) li d-dettalji dwarha qed jingħataw ukoll separatament, meta skont il-clarifications li ntalbu fl-istadju tal-evalwazzjoni tat-tender, kumpanija (A) kienu kkonfermaw li l-ebda parti tat-tender mhu se tiġi sub-contracted, kif jikkonferma d-dokument li qed jingħata separatament ma' din il-mistoqsija?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fit-tweġiba li diġà ngħatat ma tissemma l-ebda kumpanija oħra apparti ta’ min rebaħ il-kuntratt. Huwa l-individwu li jiġi nominat bħala key expert skont kif jintalab fid-dokument tat-tender u dan ma jissejjaħx subcontractor imma jissejjaħ Key Expert. Il-kunċett ta’ subcontractor mhux validu fil-każ ta’ key experts li jkunu qed jintrabtu individwalment.
Ħaż-Żabbar – Triq il-Kapuċċini – Sinjali tat-Traffiku
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari bin-numru 3139 dwar sinjali tat-traffiku fi Triq il-Kapuċċini, Ħaż-Żabbar, jista’ l-Ministru ġentilment iwieġeb din il-mistoqsija u jara li jerġgħu jsiru s-sinjali mal-art, inkluż stop signs u marki sofor, peress li wara li fl-aħħar sar it-tarmak mill-ġdid fit-triq, dawn is-sinjali baqgħu ma sarux?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li tweġiba se tingħata f’seduta oħra.
B’referenza ghat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2056, jista’ l-Ministru jgħid meta kien lest ir-rapport li bħalissa qed jiġi skrutinizzat mill-entitajiet ikkonċernati? Jista’ jpoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li r-rapport kkonċernat kien lest f’Lulju tas-sena 2022. Ir-rapport imsemmi qiegħed preżentement ikun skrutinizzat mill-partijiet ikkonċernati u għal dan il-għan qiegħda ssir ħidma id f'id ma' entitajiet oħra biex isiru interventi neċessarji.
B’referenza għat-tweġiba li tat il-Ministru għall-mistoqsija parlamentari 2744, peress li fl-10 t’Ottubru li għadda l-Ministru infurmatni li x-xogħlijiet kienu ser jiġu konklużi “fil-jiem li ġejjin” u issa qegħdin f’nofs Novembru (xahar wara) u x-xogħol għadu pendenti, tista’ l-Ministru ġentilment tagħti aġġornament ta’ x’sar fl-aħħar xahar fuq dan il-proġett u meta ser ikun lest ix-xogħol min-naħa tal-Koporazzjoni kkonċernata? Taf il-Ministru li f’din il-parti tat-triq hemm mill-inqas żewġ parkeġġi riżervati għall-persuni b’diżabilita li ilhom neqsin minħabba li tneħħa t-tarmak, sa minn Marzu li għadda bil-konsegwenza li dawn il-familji qed jiffaċċjaw ħafna problemi minħabba dan id-dewmien?
Response (DALLI, MIRIAM)
Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma kkonkludiet il-parti tagħha u issa jmiss l-awtorità responsabbli biex tagħlaq ix-xogħlijiet pendenti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu fuq imwejjed u siġġijiet bejn l-ewwel ta’ Ġunju u l-aħħar t’Ottubru ta’ din is-sena?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-perjodu bejn Ġunju u Ottubru, id-Dipartiment tal-Enforcement fi ħdan l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu għamel madwar sitta u sebgħin (76) spezzjonijiet f’Malta u erbgħa u għoxrin (24) spezzjoni f’Għawdex.
Kull spezzjoni tirrikjedi almenu spezzjoni ulterjuri biex jiġi żgurat illi l-operatur jaderixxi mal-istruzzjonijiet li jkunu ngħatawlu. B’hekk effettivament saru madwar mitejn (200) spezzjoni komplessivament.
Jista' l-Ministru jgħid meta huwa maħsub li titressaq quddiem din il-Kamra liġi bbażata fuq il-white paper 'Legal Reform for the Tourism Industry' li ġiet ippubblikata fl-2016, liema riforma kellha ssir skont il-Politika Nazzjonali tat-Turiżmu għall-Gżejjer Maltin li tnediet f’Marzu 2015, u li skont it-tweġiba tal-istess Ministru għall-mistoqsija parlamentari 578, din kellha titressaq quddiem din il-Kamra għall-Ewwel Qari qabel il-vakanzi tas-sajf?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li x-xogħol fuq din ir-riforma għadu għaddej u għaldaqstant id-dokument se jitressaq għad-diskussjoni matul is-sena d-dieħla.
Awtorità Maltija għat-Turiżmu — Arretrati ta' liċenzji ta' operaturi turistiċi
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 574, 1842, 2466, 2817 u 3157, u jgħid l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu kemm għandha arretrati x’tiġbor f’liċenzji minn operaturi turistiċi mill-2013 sal-lum, maqsuma sena b’sena?
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jispjega għaliex twaqqaf iċ-ċans li nursing aide fl-Isptar Monte Carmeli jkun jista’ jaħdem sigħat żejda bħala 'time in lieu'?
Response (FEARNE, CHRIS)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika għal liema nursing aide qiegħed jirreferi.
Sptar tal-Onkoloġija u Sptar Mater Dei – servizz ta’ nurse navigator
Question
Jista' d-Deputat Prm Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta beda s-servizz ta' 'nurse navigator' fl-Onkoloġija u fl-Isptar Mater Dei? Jista’ jispjega kemm hemm infermiera ingaġġati b'dan it-titlu u minn meta bdew kull wieħed?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi s-servizz tan-Nurse Navigator beda b’servizz ta ‘Practice Nurse’ waħda tal-kanċer tal-musrana l-kbira. Dan l-ingaġġament kien f’Novembru ta’ 2016 u s-servizz beda f’Marzu ta’ 2017.
Dan is-servizz kompla jiġi estiż matul dawn l-aħħar snin u preżentament id- Direttorat tal-‘Cancer Care Pathways’ għandu ingaġġati miegħu disa' (9) Nurse Navigators – tnejn għall-kanċer tal-musrana l-kbira, waħda għall-kanċer tal-pulmun, waħda għal kanċer tal-prostata, wieħed għal kanċer uroloġiċi oħra (kidneys, bladder, penile, testes), waħda għall-kanċers tal-ġinekoloġija, waħda għall-kanċer gastro-intestinali u ħepato-biliary, waħda għall-kanċer tar-ras u l-għonq, kif ukoll waħda għall-kanċer tas-sider , skont it-tabella hawn taht mehmuża.
It-Tabella ta’ taħt turi kull servizz tan-Nurse Navigator kif ukoll meta kull servizz beda, dan wara li sar perjodu ta’ xhur ta’ taħriġ estensiv f’Malta kif ukoll barra minn Malta.
Servizzi tat-Tim tan-Nurse Navigators
Dati meta beda kull servizz tan-Nurse Navigators
Kanċer tal-Musrana l-kbira (Kolorettali)
L-ewwel Nurse Navigator
kolorettali - Marzu 2017
It-tieni Nurse Navigator
kolorettali - Ottubru 2017
Kanċer tal-Pulmun
Frar 2018
Kanċer tal-Prostata
Lulju 2018
Kanċer tal-Ġinekoloġija
Lulju 2019
Kanċer tal-Uroloġija (Kidneys, Bladder, Penile, Testes)
Mejju 2021
Kanċer r tar-Ras u l-Għonq
Frar 2021
Kanċer Gastro-intestinali u Hepato-Biliary
Marzu 2021
Kanċer tas-Sider
Bħala proġett pilota - Ġunju 2022
Malta Enterprise – servizzi ta’ għajnuna lil kumpanniji jimplimentaw l-ESG
Question
Fid-dokument tad-Diskors tal-Baġit 2023, f’paġna 56, hemm stqarrija li timplika li l-Malta Enterprise se tkun qed toffri servizzi biex tgħin lill-kumpaniji jimplimentaw l-ESG. Tista’ l-Ministru tgħid:
· X'servizzi se jiġu offruti?
· Min se jkun qed joffri dawn is-servizzi?
· Meta se jibda dan is-servizz?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħalma issa ilu jsir għal dawn l-aħħar snin, l-intrapriżi Maltin u Għawdxin ser ikunu qegħdin jirċievu l-għajnuna u l-inċentivi li għandhom bżonn sabiex jiżviluppaw prattiċi interni li jgħinuhom isiru aktar sostenibbli u jilħqu l-kriterji ESG fejn dawn ikunu applikabbli.
Dan qed nagħmluh għax nemmnu li din hija t-triq 'il quddiem sabiex l-intrapriżi Maltin u Għawdxin isaħħu l-kompetittività tagħhom mingħajr ma jitgħabba fuqhom piż żejjed li jkun kontro produttiv.
Tajjeb li ninforma lil Onor. Interpellant li lura f’Novembru 2021, nedejna pjattaforma li permezz tagħha l-intrapriżi Maltin diġà qed ikunu assistiti sabiex jipprovdu, b’mod volontarju, informazzjoni konformi mal-kredenzjali tal-ESG. Dan kien l-ewwel pass u rridu nkomplu nibnu fuq din il-ħidma li saret u li diġà attirat l-interess ta’ bosta kumpaniji Maltin.
Issa, flimkien mal-Malta Enterprise ser ikunu qegħdin niżviluppaw linji gwida biex il-kumpaniji Maltin ikunu jistgħu jilħqu l-kredenzjali tal-ESG kif stabbilit mil-Corporate Sustainability Reporting Directive. Propju fl-10 ta Novembru li għadda il-Parlament Ewropew adotta din id-direttiva li issa mistennija tiġi addottata mil-kunsill Ewropew fl-aħħar ta’ Novembru.