Jista’ l-Ministru jgħid preżentement kemm hemm LSEs u għalliema tal-Kindergarten, tal-Primarja u tas-Sekondarja, li kienu jaħdmu Malta u minħabba raġuni medika jew ta’ confinement qegħdin jaħdmu f’Għawdex? Jista’ jgħid ukoll f’liema skola qed jaħdmu?
Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta’ karozzi li jistgħu jipparkjaw fil-parkeġġ ta’ Pjazza Assedju l-Kbir fir-Rabat, Għawdex, fil-preżent?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-pjazza l-Assedju ta’ Għawdex hemm żewġ livelli ta’ parkeġġi. L-ewwel livell jikkonsisti f’69 parkeġġ ta’ karozzi, filwaqt li l-livell ta’ fuq jikkonsisti fi 48 parkeġġ.
Bord ta’ Reviżjoni tal-Kuntratti Pubbliċi – Appelli pendenti
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31907 li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar u jgħid fil-preżent kemm hemm appelli pendenti biex jinstemgħu quddiem il-Bord ta’ Reviżjoni tal-Kuntratti Pubbliċi (PCRB) u kemm ilu pendenti biex jinstema’ kull wieħed minnhom? Jista’ jgħid ukoll b’liema ordni dawn jinstemgħu quddiem il-PCRB?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bħalissa hemm 25 każ pendenti li jikwalifikaw għal medja ta’ 107 ġurnata, pendenti.
Minn dawn il 25 każ, 19 huma skedati li jinstemgħu sa l-aħħar ta’ Jannar 2026.
L-ordni li biha l-Board jisma l-appelli hija dejjem ibbażata fuq u skont l-esiġenzi u tenut kont ukoll differimenti rikjesti minn xi partijiet.
Il-Board jieħu inkonsiderazzjoni wkoll tan-numru kbir ta’ appelli u l-komplessita ta’ ċertu appelli, li xi kultant ikunu jridu attenzjoni speċifika.
Il-materja u l-priorita ta’ ċertu appelli bħal per eżempju, appelli li jeħtieġu speditezza minħabba fondi allokati b’terminu prefiss mill-Unjoni Ewropeja.
Għawdex, Triq l-Imġarr, - Inċidenti tat-traffiku – Miżuri — ghaw
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31910 u ċhoè: Fid-dawl tal-inċidenti, anki serji, li seħħew f’dawn l-aħħar xhur, ġimgħat u anki f’dawn l-aħħar ġranet fi Triq l-Imġarr li mill-Port tal-Imġarr twassal sar-Rabat Għawdex, u li tgħaddi minn Għajnsielem u x-Xewkija, jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri ta’ traffic calming measures qed jittieħdu jew beħsiebhom jittieħdu mill-Gvern jew l-entitajiet tiegħu fl-immedjat sabiex tiġi indirizzata l-problema ta’ sewqan eċċessiv jew abbużiv f’dawn it-toroq?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li f’din l-arterja prinċipali ta’ Għawdex il-Ministeru - flimkien mal-awtoritajiet kompetenti - għaddej bi pjanijiet biex sakemm u sa fejn huwa possibli jiġu mplimentati miżuri u anke fejn meħtieġ, modifiki fit-triq, sabiex jitnaqqas s-sewqan eċċessiv. Sadanittant, b’mod sistematiku, qed issir sorveljanza ta’ infurzar mill-awtoritajiet responsabbli.
Jista’ l-Ministru jgħid liema modi biex ikun kontrollat il-ħamiem selvaġġ (li qed jikkawża problemi f’diversi lokalitajiet) qed jiġu awtorizzati mill-Kumitat ORNIS, jew xi awtorità oħra li taqa’ taħtu? Jista’ jgħid ukoll kif il-qbid ta’ ħamiem qed ikun ikkontrollat?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-irwol tat-Taqsima tar-Regolamentazzjoni għall-Għasafar Selvaġġi mhuwiex li tikkontrolla l-popolazzjoni tal-ħamiem. It-Taqsima tista’ tawtorizza deroga mill-metodi projbiti li huma elenkat f’paragrafi (a) sa (e) ta’ regolament (4) ta’ L.S. 549.42.
(Informazzjoni Addizzjoni: Ara Dokument PL6292 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'Seduta 418, nhar l-Erbgħa 3 ta' Diċembru 2025)
L-Awtorità tal-Ippjanar - Policies dwar użu ta’ fondi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità tal-Ippjanar biddlitx il-policies tagħha dwar il-mod ta’ kif jistgħu jintużaw il-fondi li jinġabru minħabba n-nuqqas ta’ parkeġġi pprovduti minn binjiet li jkunu qed jinbnew? Jista’ jgħid ukoll kif hu mistenni li policies dwar in-nefqa ta’ dawn il-flus jinbidlu?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-mod kif jintużaw l-imsemmija fondi huwa direzzjonat miċ-Ċirkulari tal-Awtorita bir-referenza PA Circular 1/22. Din iċ-Ċirkolari hija pubblikata fil-websajt tal-Awtorita’ tal-Ippjanar.
(Informazzjoni Addizzjoni: Ara Dokument PL6291 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'Seduta 418, nhar l-Erbgħa 3 ta' Diċembru 2025)
Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex f’pożizzjoni li jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-iStatutory Financial Statements tal-Air Malta plc, mill-2019 ’il quddiem? Jekk le, jista’ jispjega għaliex u jgħid x’passi biħsiebu jieħu f’dan ir-rigward?
Response (CARUANA, CLYDE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija fil-Mistoqsija Parlamentari Numru 32720.
KM Malta Airlines – Statutory Financial Statements
Question
B’referenza għat-tweġba tal-mistoqsija parlamentari 32480, jista’ l-Ministru jispjega għaliex mhux qed issir referenza għall-artikolu 182(3) tal-Kap. 386 tal-Liġijiet ta’ Malta ai termini ta’ liema “Meta l-ewwel żmien tal-kontijiet tal-kumpanija jkun żmien ta’ iktar minn tnax-il xahar mid-data tar-reġistrazzjoni tagħha, iż-żmien li xort’oħra jkun permess għat-tqegħid quddiem il-kumpanija u l-approvazzjoni f’laqgħa ġenerali ta’ kontijiet annwali jitnaqqas bin-numru ta’ jiem li bihom iż-żmien tal-kontijiet rilevanti jkun itwal minn tnax-il xahar.” ? Jista’ l-Ministru jikkonferma li in vista ta’ dan l-artikolu tal-liġi li japplika fiċ-ċirkostanzi tal-Każ tal-KM Malta Airlines Plc, l-iStatutory Financial Statements kellhom jiġu approvati sal-31 ta’ Awwissu 2025 u sottomessi lill-Malta Business Registry sat-12 ta’ Ottubru 2025, liema perjodu fil-fatt skada u mhux kif erroneament indikat fl-istess tweġiba?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’Seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-iStatutory Financial Statements tal-Air Malta plc, mill-2019 ’il quddiem?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-istatements finanzjarji qed jiġu awditjati sabiex kif jitlestew il-kumpanija tiġi likwidata s-sena d-dieħla.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32543 dwar jekk il-policy l-ġdida tal-INDIS imħabbra fil-Baġit 2026, tfissirx aktar skemi għall-privat biex jinstallaw sistemi fotovoltajċi, jista’ l-Ministru jagħti d-data ta’ meta ser tiġi ppubblikata l-informazzjoni fuq din il-policy?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma l-Onor. Interpellant li m’għandix x’inżid ma’ t-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija Parlamentari 32543.
Tista’ l-Ministru tgħid liema siti ta’ Natura 2000 huma rregolati permezz ta’ Management Plan u liema permezz ta’ Ordni ta’ Konservazzjoni bħalissa? Tista’ wkoll tipprovdi informazzjoni dwar id-data tal-approvazzjoni tal-pjan/ordni għal kull sit, u d-data għar-reviżjoni li jmiss?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ tabelli li juru kemm is-siti li huma regolati permezz ta’ Management Plan kif ukoll is-siti li huma koperti b’Ordni ta’ Konservazzjoni. It-tabelli jinkludu wkoll id-data ta’ approvazzjoni u meta hu ppjanat li ssir ir-reviżjoni.
Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar lista uffiċjali tas-siti kollha ta’ Natura 2000, flimkien mal-mapep li jindikaw il-boundaries rispettivi u l-iStandard Data Form għal kull sit? Tista’ tgħid ukoll x’inhuma l-għanijiet ta’ konservazzjoni attwali u liema huma l-habitats u l-ispeċi kwalifikanti ewlenin għal kull sit?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li s-siti Natura 2000 huma koperti bil-liġi Maltija taħt S.L.549.44 bħala Żoni Speċjali ta’ Konservazzjoni – Siti ta’ Importanza Internazzjonali jew bħala Żoni ta’ Ħarsien Speċjali. Dawn jinsabu bħala listi, flimkien mal-mapep, f’dawn li ġejjin:
· Żoni Speċjali ta’ Konservazzjoni – Siti ta’ Importanza Internazzjonali: G.N. 682 of 2018 (baħar), G.N. 1522 of 2019 (art)
· Żoni ta’ Ħarsien Speċjali: G.N. 682 of 2018 (baħar), G.N. 1522 of 2019 (art), G.N. 1843 of 2025 (art)
Is-siti jiffurmaw parti min-Network Natura 2000 skont il-passi meħtieġa mill-Kummissjoni Ewropea. Għaż-Żoni Speċjali ta’ Konservazzjoni hemm proċess legali li jwassal għal Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni; l-aħħar waħda għall-Mediterran hija (UE) 2025/257 tas-7 ta’ Frar 2025 li tadotta t-tmintax-il aġġornament tal-lista ta’ siti ta’ importanza Komunitarja għar-reġjun bijoġeografiku tal-Mediterran – https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?uri=OJ:L_202500257. Għaż- Żoni ta’ Ħarsien Speċjali, dawn isiru parti min-Network hekk kif il-pajjiż membru jibgħat l-iStandard Data Form skont il-proċess meħtieġ.
L-iStandard Data Forms (SDFs), flimkien mal-mapep, jinsabu f’dawn li ġejjin:
· Is-sit fejn jiġu sottomessi lill-Kumissjoni Ewropea: https://cdr.eionet.europa.eu/mt/eu/n2000
· Is-sit tal-Environment & Resources Authority: https://era.org.mt/topic/natura-2000-datasheets-maps/
L-ambjenti naturali u l-ispeċi għalxiex sit ġie kwalifikat jinsabu fl-iStandard Data Form. L-għanijiet ta’ konservazzjoni huma msejsa skont dawn l-ambjenti naturali u speċi li għalihom ikun ġie magħzul sit speċifiku. Għaldaqstant, ikun hemm il-proċess fejn jiġu identifikati l-objettivi u miżuri ta’ konservazzjoni. Dawn insibuhom kif ġej:
· Siti tal-art: https://era.org.mt/topic/natura-2000-management-planning-for-terrestrial-sites-in-malta-gozo/. Bħalissa, l-ERA għaddejja b’eżerċizzju biex ikunu riveduti l-objettivi u l-miżuri ta’ konservazzjoni. F’dan l-istadju huma lesti u addottati dawk għal 13-il sit: https://era.org.mt/wp-content/uploads/2021/03/SET-1_Natura-2000-Conservation-Objectives-Measures_DIGITAL.pdf. Fl-istess waqt għadu kif kien hemm konsultazzjoni pubblika dwar 10 siti oħra (ta’ Għawdex): https://era.org.mt/public-consultation-conservation-objectives-and-measures-for-maltas-terrestrial-natura-2000-sites-set-2-gozo/. L-objettivi u l-miżuri qed jiġu riveduti għas-siti l-oħrajn, fi gruppi – u se joħorġu għall-konsultazzjoni pubblika matul ix-xhur li ġejjin.
· Siti tal-baħar: https://era.org.mt/wp-content/uploads/2023/02/MPAs-Conservation-Objectives-and-Measures_final_Feb2023.pdf
Qed inpoġġi screenshots tal-links kollha fuq il-Mejda tal-Kamra.