Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jinforma lill-Kamra f’liema stadju jinsab ix-xogħol fuq Paola Hub, kemm intefqu flus s’issa u meta mistennija tkun lesta?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi c-Ċentru Reġjonali Ċensu Moran ta’ Raħal Ġdid mistenni jibda jilqa' l-ewwel pazjenti fis-sajf li ġej. Bħalissa qiegħed isir ittestjar ta’ internal partitioning u installazzjoni tas-servizzi elettriċi u dawk mekkaniċi. L-investiment totali għal dan il-hub mistenni jilħaq l-€40 miljun, li 80% minnhom ġejjin minn fondi tal-UE.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 2320 dwar il-Ġnien tar-Rinella fil-Kalkara, tista’ l-Ministru tindika kemm intefqu flus u kemm dam biex jiġi esegwit ix-xogħol?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalma tħabbar pubblikament, l-investiment li sar f’xogħlijiet li saru fi Ġnien Rnella, jammonta għal madwar €1.1 miljun.
Dawn jinkludu kostruzzjoni ta’ latrina pubblika, tqegħid ta’ servizzi u pavimentar, restawr tal-bjar, istallazzjoni ta’ sistema tal-irrigazzjoni, tħawwil ta’ siġar u arbuxelli, istallazzjoni ta’ sistema solari fil-pavimentar, tqegħid ta’ bankijiet smart, smart bins, drinking fountain u kiosk informattiv.
Sar ukoll xogħol ta’ restawr fuq l-oqbra u l-ħitan tal-perimetru kollu. Ix-xogħol tlesta f’14-il xahar.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 405 u 1969 u jagħti n-numru ta' CEOs li huma impjegati mill-Gvern li jaqgħu taħt id-dekasteru rispettiv tal-Ministeru tiegħu u fejn huma impjegati? Jista' jagħti s-salarju li kull CEO rispettiv jitħallas u l-lista ta' benefiċċji allokati lil kull wieħed?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali — CEOs
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 400 u 1918 u jagħti n-numru ta' CEOs li huma impjegati mill-Gvern li jaqgħu taħt id-dekasteru rispettiv tal-Ministeru tiegħu u fejn huma impjegati? Jista' jagħti s-salarju li kull CEO rispettiv jitħallas u l-lista ta' benefiċċji allokati lil kull wieħed?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Tista’ l-Ministru tgħid eżatt liema proposti ambjentali u marbuta mat-tibdil fil-klima tal-Baġit 2023 se jkunu funded mill-Fondi Ewropej?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-azzjonijiet ambjentali u marbuta mat-tibdil fil-klima mhumiex biss inklużi taħt il-Ministeru li jien responsabbli minnu, u peress li l-ġestjoni ġenerali ta’ fondi Ewropej f’Malta taqa’ fir-responsabiltà ta’ Ministeru ieħor, nitlob lill-Onor. Interpellant tirreferi l-mistoqsija tagħha lill-Ministru kkonċernat.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm żdiedu l-emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju (CO2) f’Malta f’dawn l-aħħar għaxar snin, maqsuma sena b’sena?
Response (DALLI, MIRIAM)
Qiegħda npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba li tindika varjanzi minn sena għall-oħra li mhumiex neċessarjament żidiet.
Fil-fatt fis-sena 2020, kellna tnaqqis ta’ 38.6% CO2 fuq is-sena 2010.
Setturi li kkawżaw l-aktar emissijiet tal-Carbon Dioxide
Question
Tista’ l-Ministru tgħid liema setturi kkawżaw l-aktar emissjonijiet ta’ dijossidu tal-karbonju (CO2) dawn l-aħħar għaxar snin u kemm żdiedu sena b’sena?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-aktar settur li ikkawża emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju huwa s-settur ‘Enerġija’ li jinkludi ukoll l-użu ta’ fjuwils konvenzjonali u t-trasport fit-territorju Malti.
Qiegħda npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella b’data dwar l-emissjonijiet ta’ dan is-settur għas-snin 2010 sa 2020.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm qed jitħallsu pagi fil-WasteServ bħala somma totali u tagħti break down tal-pagi tal-membri tas-senior management?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-wage bill ta’ Wasteserv (Malta) Ltd. jammonta għal ftit inqas minn żewġ miljun ewro fix-xahar.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-pagi tal-membri tas-Senior Management. Fir-rigward tal-paga tal-Kap Eżekuttiv, nitlob lill-Onor. Interpellanta sabiex tirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari 404.
Sottomissjoni ta’ pjan aġġornat għat-tibdil fil-klima
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Gvern issottomettiex pjan aġġornat għat-tibdil fil-klima qabel il-COP27 hekk kif kien miftiehem fil-Paris Agreement?
Response (DALLI, MIRIAM)
Għal skopijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (il-UNFCCC) hija l-Unjoni Ewropeja li tressaq il-pjan aġġornat dwar l-azzjonijiet fuq it-tibdil fil-klima quddiem il-Konvenzjoni u dan fil-forma ta’ pjan kollettiv għall-istati membri kollha tal-Unjoni Ewropeja.
Taħt il-Ftehim ta’ Pariġi l-pajjiżi membri fil-Konvenzjoni kellhom sal-aħħar tal-2022 sabiex jissottomettu pjanijiet iktar ambizzjużi dwar l-azzjoni kontra t-tibdil fil-klima. Irrid infakkar li taħt l-istess Ftehim ta’ Pariġi l-Unjoni Ewropea kienet diġa issottomettiet pjan sabiex tnaqqas l-emissjonijiet tagħha u tal-istati membri b’40 fil-mija sal-2030 meta mqabbel mal-1990. B’deċiżjoni tal-Kunsill fl-aħħar tal-2020 din l-ambizzjoni kienet miżjuda mill-Unjoni Ewropea għal-livell ta’ tnaqqis ta’ 55% sal-2030 u f’dan ir-rigward kien anke sottomess pjan aġġornat lill-Konvenzjoni. Sadanittant bħalissa fi ħdan l-Istituzzjonijiet Ewropej relevanti qed isiru d-diskussjonijiet finali dwar il-pakkett leġiżlattiv tal-Fit for 55.
Hekk kif dan ikun approvat l-Unjoni Ewropea terġa’ tissottometti lill-Konvenzjoni pjan aġġornat kif ikun il-każ.
Sadanittant infakkar lill-Onor. Interpellant li bħala parti mill-isforzi kollettivi tal-istati membri kollha tal-UE Malta fasslet pjan ambizzjuż ħafna, il-Low Carbon Development Strategy, li ser iwassalna biex aħna nwettqu l-parti tagħna fil-mira kollettiva Ewropea għall-2030.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jibda l-proġett ta' pixxina terapewtika ġewwa l-Ispecial Unit fl-Iskola Ta' Sannat? Jista' jgħid ukoll jekk inħariġx tender u jekk iva lil min ingħata? Jista’ jgħid x'sar f'din l-aħħar sena rigward dan il-proġett u kemm intefqu flus f'din l-aħħar sena fuq dan il-proġett?
Ir-Rabat Għawdex – Pjazza San Franġisk – nefqa fuq pavimentar u xogħol ieħor
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa finali/globali tal-proġett ta' pavimentar u xogħol ieħor ta' Pjazza San Franġisk fir-Rabat Għawdex? Jista' jgħid kif kienet maqsuma din in-nefqa?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-nefqa finali tal-Pjazza ta’ San Franġisk kienet dik ta’ €2,604,560.35.
Marsalform – promenade u l-Menqa – bankijiet għall-Pubbliku
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta ser jitpoġġew bankijiet għall-pubbliku fil-promenade u fil-Menqa ġewwa Marsalforn li kienu ġew inawgurati iktar minn sena ilu?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li diġà hemm installati numru ta’ bankijiet fil-promenade u l-Menqa ta’ Marsalforn. Il-pjan hu li n-numru ta’ bankijiet mistenni jiżdied għax-xhur tar-rebbiegħa u s-sajf.
Triq li twassal għall-Bajja tal-Ħondoq — xogħlijiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'qed isir fil-parti tat-triq li twassal għall-bajja ta' Ħondoq li bdiet tisfronda? Peress li din it-triq kien sar xogħol fuqha fi żmien il-Ministru Refalo iżda ftit wara bdiet tisfronda, jista' jgħid għaliex ix-xogħol għadu ma bediex biex tiġi rranġata din it-triq?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet huma ppjanati li jsiru ladarba jiġu pproċessati t-tender.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3306, tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx kunflitt ċar bejn li s-CEO tar-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS) jiġi appuntat minnha waqt li suppost dan iwieġeb lejn il-Bord tar-REWS u li għalhekk għandha tinbidel il-liġi biex din il-ħatra ssir mill-Bord u mhux mill-Ministru?
Response (DALLI, MIRIAM)
Il-proviżjonijiet tal-liġi li jirregolaw l-affarijiet imsemmija huma ċari.
B'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 3111, tista’ l-Ministru tgħid jekk hux se ssir sejħa pubblika għall-ħatriet taċ-Chairman u l-membri tal-Bord attwali meta jiġu fi tmiem il-ħatriet tagħhom rispettivi, dan ukoll meta wieħed iqis li l-Att dwar ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma, Kap. 545 jgħid b’mod ċar li “Il-membri tal-Bord tar-Regolatur għandhom jinħatru abbażi ta’ kriterji oġġettivi, trasparenti u ppubblikati, fi proċedura indipendenti u imparzjali, li tiżgura li l-kandidati jkollhom il-ħiliet u l-esperjenza meħtieġa.”?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kwalunkwe ħatriet ġodda fuq il-Bord tar-regolatur se jsiru f’konformita mal-liġi.
B'referenza għad-Diskors tal-Baġit 2022, speċifikament fis-sezzjoni bl-isem “Għajnuna lit-tfal vulnerabbli”, jista' l-Ministru jgħid kemm kienet effettivament in-nefqa s’issa, u kemm hu ppjanat li jkun hemm aktar infiq matul l-2022 għal dan l-iskop? Liema skejjel ibbenefikaw jew hu ppjanat li jibbenefikaw minn din l-iskema? Kemm hu l-valur li ntalab minn kull skola u għal liema affarijiet (bħal ikel jew riżorsi bażiċi) intalab?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-nefqa marbuta ma' skema 9 matul din is-sena kienet ta' €423,457, filwaqt li l-investiment għas-sena 2023 huwa ta' €800,000. Apparti dan, il-kapijiet ta' kull skola se jingħataw €10,000 fis-sena (b'total ta' €1 miljun) biex jiżguraw li t-tfal ma jkun jonqoshom affarjiet bażiċi fosthom ikel u riżorsi. L-investiment totali għal 2023 jammonta għal €1.8 miljun.
Jista' l-Ministru jgħid liema skemi kellu l-Ministeru għat-Turiżmu biex permezz tagħhom każini tal-baned, soċjetatjiet mużikali, għaqdiet tal-festa, u organizzazzjonijiet volontarji oħra jistgħu jibbenefikaw biex ikunu ta' attrazzjoni għat-turiżmu, inkluż il-festi, fil-lokalitajiet differenti? Kemm-il organizzazzjoni bbenefikat minn dawn l-iskemi minn Jannar 2021 sal-lum? Liema kienu dawn l-organizzazzjonijiet u f'kull każ minn kemm fondi bbenefikaw?
Tista' l-Ministru tgħid kif titħaddem l-iskema ta' aċċessibilità tal-każini tal-banda? Tista' tgħid jekk hemmx il-ħsieb li din l-iskema tiġi estiża wkoll għal każini oħra?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-iskema Soċjetajiet Mużikali aktar inklussivi tinfetaħ darba fis-sena. Jistgħu japplikaw għal din l-iskema soċjetajiet mużikali li huma konformi mal-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji kif ukoll membri mal-Għaqda Soċjetà mużikali li huma eliġibbli skont it-termini u kundizzjonijiet tal-iskema.
Din is-sena l-iskema tnediet fl-14 ta’ Ġunju u bħalissa għaddej il-proċess ta’ evalwazzjoni biex jintgħażlu l-proġetti rebbieħa.
Qawra – skola primarja – applikazzjonijiet mal-Awtorità tal-Ippjanar
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet mal-Awtorità tal-Ippjanar li jikkonċernaw l-iskola primarja tal-Qawra? Min kien/u l-perit/periti li ssottomettew kull applikazzjoni u taħt liema entità/dipartiment eċċ. għamlu dan? Għal kull applikazzjoni, jista’ jgħid meta ġiet sottomessa, meta ġiet approvata u meta ħareġ il-compliance certificate? X'kienet ir-raġuni għal tibdil fil-perit bejn applikazzjoni u oħra?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.