B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2321 dwar Ġnien iċ-Ċiniżi f’Santa Luċija, tista’ l-Ministru tindika f’liema stadju tinsab l-evalwazzjoni indikata u kemm hemm flus allokati sabiex jiġi esegwit
ix-xogħol?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-proċess tal-evalwazzjoni għandu jkun lest fil-ġimghat li ġejjin. Il-proġett huwa stmat li jiswa madwar nofs miljun ewro.
Żejtun – persuni residenti li bbenefikaw mis-sussidju fuq il-kirjiet
Question
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kien hemm persuni miż-Żejtun li tul din is-sena 2022 s’issa, ibbenefikaw mis-sussidju fuq il-kirjiet li saru wara u qabel l-1995 u kemm kienet l-ispiża? Jista’ wkoll jinforma lill-Kamra kemm hemm persuni li rrikorrew għall-assistenza wara li ġew żgumbrati jew li qegħdin fil-proċess li jiġu żgumbrati?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor Interpellant li fl-2022 l-Awtorità tad-Djar kellha 100 persuna miż-Żejtun li bbenefikaw mis-sussidju fuq il-kirjiet li saru wara u qabel l-1995. L-ispiża kienet ta’ €177,309.45c. Hemm persuna waħda miż-Żejtun li bħalissa qiegħda fil-proċess li tiġi żgumbrata.
Żejtun – persuni resident li bbenefikaw mill-In-Work Benefit
Question
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar kemm persuni residenti ż-Żejtun ibbenefikaw mill-In-Work Benefit tul din is-sena 2022 s’issa u kemm kien l-ammont ta’ flus li ġew imħallsa?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba minnu huwa kif jidher fit-tabella t’hawn taħt:
Lokalita
Benefiċjarji tal-IWB
Ammont imħallas sa 11/11/22
Żejtun
210
€ 140,216.88
Il-Fgura – Triq Romano Carappecchia – problema ta’ ġrieden
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 2337 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali u li issa ġiet riferuta lilu, jista’ l-Ministru jindika jekk ġietx għall-attenzjoni tal-Ministeru l-problema ta’ ġrieden kbar li hemm fi Triq Romano Carappecchia, Fgura?
Response (FEARNE, CHRIS)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari numru 3135.
Wied il-Għajn – persuni residenti li bbenefikaw mis-sussidju fuq il-kirjiet
Question
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kien hemm persuni minn Wied il-Għajn li tul din is-sena 2022 s’issa bbenefikaw mis-sussidju fuq il-kirjiet li saru wara u qabel l-1995 u kemm kienet l-ispiża? Jista’ wkoll jinforma lill-Kamra kemm hemm persuni li rrikorrew għall-assistenza wara li ġew żgumbrati jew li qegħdin fil-proċess li jiġu żgumbrati?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-2022 l-Awtorità tad-Djar kellha 255 persuna minn Wied il-Għajn li bbenefikaw mis-sussidju fuq il-kirjiet li saru wara u qabel l-1995. L-ispiża kienet ta’ €438,351.33c. Ma kienx hemm persuni minn Wied il-Għajn li rrikorrew għall-assistenza wara li ġew żgumbrati jew li qegħdin fil-proċess li jiġu żgumbrati.
Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol – nefqa fuq reklamar tal-Baġit 2023
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm nefaq il-Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol fir-reklamar tal-Baġit 2023, b’referenza partikolari għar-reklamar fuq il-mezzi soċjali?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta illi l-Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol nefaq is-somma ta' €35 fir-reklamar tal-Baġit 2023 fuq il-mezzi soċjali.
Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol – nefqa fuq il-Konferenza Stampa tal-Baġit 2023
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm nefaq il-Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol fir-reklamar tal-Baġit 2023, b’referenza partikolari għall-konferenza stampa li saret quddiem Kastilja wara d-diskors tal-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol?
Response (CARUANA, CLYDE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 3442.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm nefaq il-Gvern fir-reklamar tal-Baġit 2023, b’referenza partikolari għall-konferenza stampa li saret quddiem Kastilja wara d-diskors tal-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol?
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar allegazzjonijiet li ħarġu f'Lulju 2017 dwar korruzzjoni jew nuqqasijiet oħra fil-bini ta' toroq f'Għawdex ġewx konklużi?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Il-Ministru ma jkunx infurmat bl-investigazzjonijiet.
B'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 3111, u b'referenza wkoll għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 1168, peress li jidher li mit-tagħrif mogħti almenu żewġ ħatriet tal-membri tal-Bord tar-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS) ser jiġu fi tmiem dan ix-xahar (Novembru 2022), tista’ l-Ministru tispjega għalfejn il-kriterji tal-għażla għadhom ma ġewx ippubblikati?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-kriterji għall-ħatra tal-Bord tar-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS) se jiġu ppubblikati fil-jiem li ġejjin.
Xagħra, Għawdex — proġett ta' bini mill-ġdid taċ-Ċentru Ċiviku
Question
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra rigward il-proġett tal-bini mill-ġdid taċ-Ċentru Ċiviku ġewwa x-Xagħra, Għawdex, liema proġett kien tħabbar sena ilu? Jista' l-Ministru jgħid meta huma ppjanati li jibdew ix-xogħlijiet fuq dan il-proġett? Jista' jgħid meta hu mistenni li dan il-proġett ikun lest?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tax-Xagħra li preżentament it-tender dwar l-imsemmi proġett jinsab fil-fażi ta’ evalwazzjoni.
Jista’ l-Ministru jgħid x’ħidma saret jew qed issir fir-rigward tal-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2022/2065?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-diversi dispożizzjonijiet tar-Regolament inkwistjoni qed jiġu analizzati. Dan biex fl-ewwel lok jiġu identifikati x’miżuri hemm bżonn li jittieħdu għat-twettiq effettiv tal-istess Regolament, kemm minn perspettivi amministrattivi kif ukoll minn dawk leġiżlattivi, u jiġi assigurat ukoll li l-implimentazzjoni tiegħu tiġi mwettqa fiż-żmien stipulat mill-istess Regolament.
Dgħajjes irreġistrati bħala MFC minn persuni residenti f’Għawdex
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2869 u jgħid kemm kien hemm dgħajjes irreġistrati bħala MFC minn persuni residenti f’Għawdex fl-aħħar tas-sena 2015 u kemm kien in-numru ta' dawn id-dgħajjes irreġistrati f'Għawdex fl-aħħar ta' kull sena minn dakinhar sal-lum? Jista’ wkoll jgħid fil-preżent kemm hemm dgħajjes irreġistrati bħala MFC minn persuni residenti f'Għawdex?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’referenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 3678 din għandha tiġi riferuta lill-Ministeru kkonċernat.
Ix-XLENDI GĦAWDEX — Proġett ta’ riġenerazzjoni tal-Parkeġġ
Question
Tista’ l-Ministru tinforma lill-Kamra dwar fiex jikkonsistu u meta bdew u fiex waslu u meta ħa jispiċċaw il-konsutazzjonijiet bejn il-Ministeru għal Għawdex u l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma rigward il-proġett tar-riġenerazzjoni tal-parkeġġ tax-Xlendi?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa għaddejjin diskussjonijiet bejn il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u l-Ministeru t’Għawdex fuq kif ser tiġi integrata l-infrastruttura tad-drenaġġ tal-Korporazzjoni mal-proġett tar-riġenerazzjoni tal-parkeġġ tax-Xlendi.
Id-diskussjonijiet bdew madwar xahar ilu u l-proċess tal-konsultazzjoni jingħalaq meta jintlaħaq ftehim reċiproku.
Mtarfa Day Centre – xogħlijiet ta’ rinnovar u estensjoni
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 3637 dwar xogħlijiet ta’ rinnovar u l-estensjoni tal-Imtarfa Day Centre għall-persuni b'diżabilità, tista’ l-Ministru tgħid fiex intefqu l-€214,000 imsemmija? Meta hu mistenni li jibda u jitlesta ċ-ċint mal-periferija għal aktar sigurtà? Matul l-2022 kemm kienet in-nefqa fuq xogħol ieħor ta’ rinovazzjoni f’partijiet oħrajn taċ-ċentru u kemm hi stmata li tkun nefqa simili sal-aħħar tal-2022 u matul l-2023, b’mod separat għal kull perjodu? S’issa kemm intefaq f'dan l-istess ċentru għal dawn ix-xogħlijiet? Kemm hu maħsub li jkun il-valur totali tax-xogħlijiet li twettqu jew li se jitwettqu matul l-2022? X’inhuma r-raġunijiet għad-diskrepanza bejn il-valur li kien budgeted għall-2022 u l-valur totali li fil-fatt hu maħsub li jkun intefaq matul l-2022? Kemm hu maħsub li jkun il-valur totali tax-xogħlijiet li se jitwettqu matul l-2023?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-€214,000 imsemmija fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 3637 koprew spejjeż marbuta ma’:
§ Twaqqigħ ta’ binja
§ Skavar tas-sit
§ Xogħol marbut mal-preparazzjoni ta’ pjanti u permessi
§ Spejjeż ta’ professjonisti
§ Studji arkeoloġiċi u monitoraġġ
§ Saħħa u sigurtà
§ Tindif tas-sit u ġarr ta’ materjal
Ix-xogħlijiet fuq iċ-ċint mal-periferija hu mistenni jibda ladarba jispiċċa l-proċess kollu konness mal-aġġudikar u l-approvazzjoni tat-tender.
Xogħlijiet oħra ta’ rinovazzjoni f’partijiet oħrajn taċ-ċentru fl-2022 apparti dan il-proġett u dawk proġettati għas-sena 2023 huma kif imsemmija fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 3657.
Id-diskrepanza bejn il-valur tal-flus ivvutati għas-sena 2022 u dak li mistenni jintefaq hi riżultat tal-waqfa fix-xogħlijiet, sabiex jiġu diskussi pjanti ġodda wara li nstabu fdalijiet ta’ wirt storiku, kif innutat fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 3637.
Skejjel – kmamar għal tfal b’challenging behaviour
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru bediex jew hux se jibda diskussjonijiet mal-Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur biex fl-iskejjel tagħna jkun hemm spazji jew kmamar għal tfal li jiġu meqjusa li għandhom challenging behaviour bħall-awtiżmu, sabiex dawn it-tfal ikunu jistgħu jingħataw l-attenzjoni neċessarja? Jekk iva, fiex waslu dawn id-diskussjonijiet? Jista' jgħid jekk fl-iskejjel ta’ Malta u Għawdex jeżistux dawn il-kmamar/spazji? Jekk iva, f'liema skejjel jeżistu dawn il-kmamar/spazji?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawn is-servizzi u faċilitajiet għal tfal b’challenging behaviour diġà jeżistu fl-iskejjel. Skejjel Primarji bħal ta’ Ħal Lija, Fgura, San Ġwann, Pietà, Birkirkara, Senglea, Birżebbuġa, Żebbuġ, Pembroke, Qawra u Marsaskala huma diġà mgħammrin bi kmamar Multi Sensorjali. Għaddej ukoll xogħol ieħor biex jiżdiedu aktar “Autisim Classes” fl-iskejjel Sekondarji u Medji.
Benefiċċji għal persuni b’diżabilità/għaqdiet volontarji relatati mal-bini
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 3530, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kull każ imsemmi fit-tweġiba fejn ġie applikat ir-regolament imsemmi fl-istess tweġiba? Fiex kienet tikkonsisti kull applikazzjoni u kemm kien il-valur li gawdiet minnu kull għaqda matul l-2022? Dawn l-għaqdiet jistgħu jerġgħu jibbenefikaw permezz ta’ dan ir-regolament matul l-2023 u s-snin sussegwenti?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fis-sena 2022 kien hemm erba' każijiet fejn l-Awtorità tal-Ippjanar applikat dan ir-regolament.
PA 5585/22
- "San Blas; Foundation for the Rehabilitation of Drug Abusers (Caritas Malta).
" Development Permit Fee għal special buildings għandha rata fissa ta’ €145.00 għal kull unita proposta. B’hekk ġew iffrankati €116.88.
PA 2281/22 – "
The Eden & Razzett Foundation, To sanction variations from PA/03851/92
.’’ Development Permit Fee għal special buildings għandha rata fissa ta’ €145.00 għal kull unita proposta. B’hekk ġew iffrankati €1984.64.
PA 2653/22 – "
The Scout Association of Malta, Proposed alterations and additions to make the building accessible for all, which includes new lift and access ramp. Proposed excavation to form a basement level. Proposed extension of two rooms at first floor, and replacement of existing roof structure.’’
Development Permit Fee għal special buildings għandha rata fissa ta’ €145.00 għal kull unità proposta. B’hekk ġew iffrankati €717.68.
RG 0628/22 –
“Parroċċa tal-Għasri - To regularise parish centre as built.”
Fil-każ ta’ Regularisation ma’ hemmx Development Permit Fee . Dan ifisser li ma kien hemm l-ebda tnaqqis. Madankollu, f’dan il-każ wieħed jista’ jagħmel paragun mal-kategorija kummerċjali minħabba li kieku l-Avviż Legali ma kienx jipprovdi għall-kategorija soċjali, l-iżvilupp kien jitqies bħala wieħed kummerċjali (minħabba li mhux wieħed ta’ natura residenzjali jew agrikolu). F’dan il-każ ġew iffrankati €3100.
Huwa evidenti li għaqdiet volontarji jikkwalifikaw għal tali rati speċjali kif diġà sar din is-sena u għalhekk tali rati jkunu jistgħu japplikaw anke għall-permessi ta’ żvilupp fis-sena 2023.
Benefiċċji għal persuni b’diżabilità/għaqdiet volontarji relatati mal-bini
Question
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 3530, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk persuni b'diżabilità jew qraba tagħhom, igawdux minn xi benefiċċju bħal tnaqqis ta’ ħlasijiet, jekk japplikaw għal xi permessi relatati mal-bini? Jekk iva, x’benefiċċji għandhom, kemm-il persuna gawdiet minn tali skemi matul l-2022 u min gawda minn tali skemi matul l-2022? Jista' jgħid jekk għall-2023 hux se jkun hemm possibbiltà ta’ benefiċċji għall-persuni b'diżabilità jew qraba tagħhom jekk japplikaw għal xi permessi relatati mal-bini u fiex jikkonsistu tali benefiċċji?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-eżenzjonijiet b’rati speċjali fi ħlasijiet tal-ippjanar japplikaw f’każ ta’ għaqdiet kif imsemmi fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 3530 u mhux fuq persuni individwali.
Ħad-Dingli – Proġett ta’ dar residenzjali għall-persuni b’diżabilità
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 3638 dwar il-proġett ta' dar residenzjali għal persuni b'diżabilità adulti f’Ħad-Dingli, tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar kemm mill-Baġit allokat għal din is-sena għal dan il-post intefaq matul l-2022 u fiex intefaq? Tista' tgħid kemm hu maħsub li jkun il-valur tax-xogħlijiet inkluż servizzi li se jitwettqu matul l-2022 u fiex inhu maħsub li dan il-valur se jkun intefaq? X'inhi r-raġuni għad-diskrepanza bejn il-valur li kien budgeted għall-2022 u l-valur totali li fil-fatt hu maħsub li jkun intefaq matul l-2022?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-baġit allokat għall-proġett ta’ dar residenzjali f’Ħad-Dingli fl-2022 intefqu €19,639. Dawn kienu spejjeż marbuta ma’ xogħol meħtieġ għall-preparazzjoni ta’ pjanti u sottomissjoni tal-applikazzjoni mal-Awtorità tal-Ippjanar.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3638, ix-xogħlijiet jibdew ladarba titlesta l-fażi tal-abbozzar, pubblikazzjoni u għotja tat-tenders wara li joħorġu l-permessi meħtieġa u għalhekk mhux proġettat li jkun hemm l-ebda nefqa oħra sal-aħħar tal-2022.