B’referenza għall-miżuri li ddaħħlu fl-Avviż Legali 201/2022 dwar il-Work Life Balance, peress li l-ispejjeż tagħhom, kemm għall-impjegati tas-settur pubbliku kif ukoll għal dawk li jaħdmu fis-settur privat, se jinġarru kollha mill-Gvern sal-aħħar ta' 2023, jista’ l-Prim Ministru jgħid x’inhi l-ispiża li dawn il-miżuri se jiswew lis-settur privat mill-2024?
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra informazzjoni dwar x'tip ta' mediċini qed jingħataw mill-POYC lil persuni li jbatu mill-Fibromyalgia? Hemm pjan li dawn il-persuni jiġu mogħtija kupuni fix-xahar bħala għajnuna biex ikunu jistgħu jlaħħqu mal-ispiża li jkollhom bżonn apparti l-mediċina, fosthom pixxina, fiżjoterapija u chiropractor, għax mhux dejjem ikun vijabbli li jużaw is-servizz tal-Gvern minħabba li l-appuntamenti mhux dejjem ikunu kemm hemm bżonn u dan minħabba l-lista twila ta' persuni li qed ibatu minn din il-kondizzjoni dejjem tikber?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi għall-Fibromylagia, qed jingħataw tlett tipi ta mediċini – Amitriptyline, Tramadol u Pregabalin. Jekk persuni li jbatu mil-Fibromyalgia ikollhom bzonn fiżjoterapija din tingħata b’xejn miss-servizzi tas-saħħa.
Għawdex – Għajnsielem Triq l-Imġarr — reflective arrows
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux possibbli li jsiru reflective arrows fil-crossroad li hemm fit-tarf ta' Triq l-Imġarr, ħdejn il-Knisja ta' Lourdes, f’Għajnsielem sabiex jiġu evitati inċidenti koroh?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jindika eżattament għal liema sit qed jirreferi. Il-Ministeru ma jsibx oġġezzjoni u jilqa' kull suġġeriment biex tissaħħaħ is-saħħa u s-sigurtà ta’ pajjiżna.
Jista’ l-Ministru jagħti aġġornament dwar kif sejjer l-irkupru tas-Settur Turistiku f’pajjiżna, issa li ninsabu f’Ottubru?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li huwa stmat li din is-sena jkunu ġew f’pajjiżna aktar minn żewġ miljun turist, u li allura juri li l-irkupru miexi sew.
Barra minn hekk, l-airline seat capacity ukoll reġgħet bdiet tielgħa u dan minkejja l-isfidi kbar li qed jiffaċċjaw bosta linji tal-ajru kif ukoll bosta ajruporti madwar l-Ewropa. L-airline seat capacity, minn u lejn pajjiżi bħall-Polonja, Franza, Ungerija, Rumanija, Kroazja u Bulgarija, bħalissa hija ogħla minn dik irreġistrata qabel il-pandemija. Pajjiżi oħra bħall-Italja, id-Danimarka, l-Awstrija u l-Isvizzera qegħdin paripassu ma’ dak li kien irreġistrat qabel il-pandemija.
Meta wieħed imbagħad jara s-source markets individwali, naraw figuri inkoraġġanti b’ċertu pajjiżi bħall-Awstrija, Franza u l-Polonja diġà qabżu l-livell ta’ turisti li ġew fl-2019. Mill-Awstrija din is-sena ġew 101% aktar turisti mill-2019, minn Franza ġew 106% aktar u mill-Polonja ġew 131% aktar.
L-andament għax-xitwa li ġejja jidher wieħed pożittiv fejn l-aħħar statistika disponibbli turi li l-airline seat capacity qiegħda 89% tal-livelli ta’ qabel il-pandemija.
Jista’ l-Ministru jgħid b'liema mod qiegħed jiġi assigurat li verament nattiraw turisti ta’ kwalità lejn pajjiżna?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul din is-sena, is-settur turistiku f’Malta wera sinjali qawwija ta’ rkupru wara s-sentejn ta’ sfidi li kienu kkaraterizzati minn restrizzjonijiet kbar fil-qasam tal-ivvjaġġar.
Minn Jannar sa Settembru ta’ din is-sena n-numru ta’ turisti li ġew Malta laħaq il-1.756 miljun turist li huwa ekwivalenti għal 82% tal-volum li kien ġie milħuq fis-sena rekord tal-2019. Dawn it-turisti iġġeneraw 12.7 miljun iljieli u nefqa ta’ 1.5 biljun ewro li hija kważi 86% tan-nefqa matul l-2019. Is-sinifikat ta’ dawn ir-riżultati huwa akbar meta tqis li l-ewwel kwart ta’ din is-sena l-industrija kellha bidu diffiċli minħabba l-imxija tal-varjant Omicron.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw multi lill-akkomodazzjonijiet liċenzjati fil-perjodu tas-sajf, u jgħid għal liema raġunijiet ingħataw dawn l-istess multi?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan is-sajf instabu 20 appartament li kienu qegħdin jinkrew għal skop ta’ turiżmu u joperaw mingħajr liċenzja. Ittieħdet azzjonijiet fil-forma ta’ multi amministrattivi fil-konfront ta’ 18 minnhom, filwaqt li t-tnejn l-oħra għadhom taħt investigazzjoni. L-operaturi ġew imwissija biex jirregolarizzaw ruħhom mal-liġi billi japplikaw għal liċenzja, jew inkella jieqfu joperaw fil-qasam turistiku.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk instabux akkomodazzjonijiet li ma kinux liċenzjati mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu? Jekk iva, kemm kien hemm, u jekk dawn ġewx konformi u liċenzjati mal-liġi tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4062, ninfurmah li mill-20 każ li nqabdu, 14 minnhom irregolarizzaw ruħhom billi applikaw għal-liċenzja.
Jista’ l-Ministru jgħid x’wassal sabiex tittieħed id-deċiżjoni li jitħabbar proġett pilota ta’ assistenza fis-servizzi ta’ knis ta’ toroq lil diversi kunsilli lokali? Hemm xi talbiet oħrajn minn kunsilli lokali oħra sabiex jissieħbu f’dan il-proġett?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ammont ta’ Kunsilli Lokali osservaw li tul dawn l-aħħar snin is-servizz ta’ knis ta’ toroq residenzjali f’diversi lokalitajiet, ma kienx qed isir kif mixtieq u bi frekwenzi li jikkumplimentaw mad-domanda. Dan kellu impatt kbir kemm fuq ir-residenti kif ukoll fuq it-turisti li jżuru pajjiżna.
Dawn il-Kunsilli Lokali, minn rajhom talbu l-assistenza tad-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni biex isir proġett pilota fejn id-Diviżjoni tassisti biex jiġu stabbiliti standards fl-indafa li jirriflettu l-bżonnijiet tal-lokalitajiet. Huwa ppjanat li kif dan il-proġett pilota jilħaq il-miri tiegħu, id-Diviżjoni tibda’ tenfasizza fuq servizzi oħra ta’ tindif fosthom il-ħasil ta’ toroq aktar frekwenti, manutenzjoni ta’ ġonna u servizzi oħra. Ċertament m’hemm l-ebda ħsieb li jittieħed ix-xogħol ta’ kuntratturi li wettqu xogħolhom, però fejn ix-xogħol ma sarx kif suppost u kif mixtieq, id-Diviżjoni lesta li tintervjeni, dejjem bi ftehim mal-Kunsill Lokali.
Il-proġett pilota, li qed isir ma’ 5 Kunsilli Lokali (Birżebbuġa, Marsaxlokk, Żurrieq, Birkirkara u l-Belt Valletta), jidher li intlaqa’ tajjeb. Wara sitt xhur ta’ prova se tiġi evalwata s-sitwazzjoni biex b’hekk naraw inkunux f’pożizzjoni li noffru l-istess għajnuna lil Kunsilli Lokali oħra li qed juru x-xewqa li jiġu mgħejuna mid-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni.
Fid-dawl tat-tnedija tal-Osservatorju Malti għat-Turiżmu, jista’ l-Ministru jgħid x’ser tkun il-funzjoni ta’ dan l-Osservatorju?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tnedija tal-Osservatorju Malti għat-Turiżmu kien pass essenzjali fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija għas-Settur Turistiku għall-għaxar snin li ġejjin. It-tnedija ta’ dan l-Osservatorju huwa fattur importanti ħafna fl-eżekuzzjoni tal-Istrateġija Nazzjonali tat-Turiżmu li nemmnu li se tikkontribwixxi b’mod qawwi lejn turiżmu ta’ kwalità u sostenibbiltà.
Dan l-Osservatorju, li qed jopera fi ħdan l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, għandu l-inkarigu li jikkoordina t-twettiq ta’ din l-istrateġija permezz ta’ konsultazzjoni u diskussjoni ħolistika mal-industrija tat-turiżmu. L-Osservatorju hu inkarigat li jikkummissjona studji, jimmonitorja l-progress u jirrapporta lura lill-Industrija tat-Turiżmu permezz ta’ website apposta li se tiġi imnedija fi ftit ġimgħat oħra. B’hekk ikun qed iwitti t-triq għall-pedament sod ta’ kollaborazzjoni aktar wiesgħa u benchmarking ma’ organizzazzjonijiet simili madwar id-dinja.
Residenza San Vinċenz de Paul – tender għas-servizz ta’ sigurtà
Question
Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar it-tender li nħareġ għas-servizz ta' sigurtà ġewwa r-Residenza San Vinċenz de Paul? Jista' jgħid min kienu l-kontendenti u min intgħażel biex jagħti dan is-servizz? Jista' jgħid ukoll kemm jiswa dan il-kuntratt u jelenka s-servizzi kollha li ser ikunu qed jingħataw fir-Residenza San Vinċenz de Paul?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Inrepellanta li r-referenza tat-Tender huwa CT2206/2022 - PROVISION OF SECURITY SERVICES FOR SAINT VICENT DE PAUL LONG TERM CARE FACILITY. Il-Perjodu tal-Kuntratt huwa ta’ sena fejn fil- 5 ta’ Settembru 2022 ġiet ippublikata t-tender fuq epps u l-aħħar ġurnata meta setgħu jintbagħtu offerti fuq epps kien fit-22 ta’ Settembru 2022. Il-Kontendenti kienu:
J.F. Security & Consultancy Services Ltd – Offerta Nru. 180418
J.F. Security & Consultancy Services Ltd – Offerta Nru. 180417
C.A.M.C. Security Ltd. – Offerta Nru. 180406
EXECUTIVE SECURITY SERVICES LTD. – Offerta Nru. 180403
Signal 8 Security Services Malta Ltd – Offerta Nru. 180400
G4S Security Service (Malta) Ltd – Offerta Nru. 180359
L-offerta ta’ EXECUTIVE SECURITY SERVICES LTD. (Offerta Nru. 180403) li l-valur huwa ta’ €3,998,291.20 eskluż VAT, ġiet irrakomandata biex jagħti dan is-servizz.
Il-Kuntrattur għandu jattendi f’San Vinċenz de Paul biex jipprovdi s-servizzi liż-żoni kollha fi ħdan l-istruttura (inklużi l-parkeġġi) li jinsabu fil-faċilità. Il-Kuntrattur tas-Sigurtà se jkun meħtieġ li jipprovdi servizz li jinkludi l-prevenzjoni tal-kriminalità, il-protezzjoni tar-residenti, tal-istaff u tal-viżitaturi, il-proprjetà u t-tagħmir, u li jista’ jagħti assistenza fejn ikun meħtieġ.
Anzjan li nħareġ mill-Isptar Mater Dei bil-pulizija
Question
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħti dettalji dwar każ ta' pazjent ta' aktar minn 80 sena li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament li nhar it-3 ta' Novembru li għadda nħareġ mill-Isptar Mater Dei bil-Pulizija? Jista' jgħid għaliex dan l-anzjan twassal id-dar tiegħu bil-Pulizija? Jista' jgħid jekk il-familjari ġewx infurmati b'din id-deċiżjoni?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi għal-raġunijiet tal-protezzjoni tad-data, informazzjoni medika ta’ pazjenti individwali ma tingħatax.
Pazjenti li ma jkunux iridu joħorġu mill-Isptar wara l-ordni tar-rilaxx
Question
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x'jiġri meta jkollok pazjent li ma jkunx irid joħroġ mill-Isptar Mater Dei minkejja l-ordni għar-rilaxx mit-tabib/konsulent? Jista' jgħid jekk jiġux ikkuntattjati l-familjari bid-deċiżjoni u bl-oġġezzjoni tal-pazjent li joħroġ?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi meta l-professjonist kliniku li jkun qed jieħu ħsieb il-pazjent jiddeċiedi li l-pazjent ikun tajjeb biex jintbagħat id-dar, id-discharge liason team jagħmel l-arranġamenti necessarji kollha. F’każ fejn ikun hemm bżonn tidħol ukoll social worker sabiex tassigura li l-ambjent tad-dar tal-pazjent ikun wieħed adegwat.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn ristoranti liċenzjati f’Malta? Kemm hu s-seating capacity totali awtorizzat ta’ dawn ir-ristoranti?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3880, ninfurmah li l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu qatt ma kellha jew żammet informazzjoni f’dan ir-rigward.
Jista' l-Ministru jgħid kemm inġibdu produzzjonijiet awdjoviżwali tal-films bejn l-2018 u l-2022?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li bejn l-2018 u l-2022 inġibdu total ta’ 95 produzzjoni awdjoviżwali ta’ films ġewwa l-ġżejjer Maltin, hekk kif turi din it-tabella:
Sena
Numru ta’ produzzjonijiet
2018
9
2019
22
2020
14
2021
25
2022
25
Jista' l-Ministru jgħid kemm inġibdu produzzjonijiet awdjoviżwali tal-films bejn l-2008 u l-2012?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li bejn l-2008 u l-2012 inġibdu total ta’ 43 produzzjoni awdjoviżwali ta’ films ġewwa l-ġżejjer Maltin, hekk kif turi din it-tabella:
Sena
Numru ta’ produzzjonijiet
2008
6
2009
7
2010
11
2011
9
2012
10
Malta Film Commission – allokazzjoni ta’ fondi għall-proġetti ta’ films lokali
Question
Jista' l-Ministru jgħid il-Kummissjoni Maltija għall-Films kemm kienet talloka fondi għall-proġetti ta' films lokali bejn l-2008 u l-2012?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-fondi allokati għall-proġetti lokali mill-Kummisjoni Maltija għall-Films bejn l-2008 u l-2012, jammontaw għal €949,000 kif turi t-tabbella hawn taħt. Fis-sena 2010 ma ġew allokati l-ebda fondi.
Sena
Fondi Allokati
2008
€233,000
2009
€233,000
2010
XEJN
2011
€233,000
2012
€250,000
Jista' l-Ministru jipprovdi informazzjoni dwar kemm kienet l-udjenza dinjija tal-film Jurassic World Dominion?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-film Jurassic World Dominion qiegħed fid-49 post tal-aktar films li daħħlu flus skont il-Box Office Mojo, li hija meqjusa bħala waħda mill-aktar trackers affidabbli tal-box office.
Jista' l-Ministru jipprovdi informazzjoni dwar fiex wasal il-masterplan tal-Malta Film Studios?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Awtorità tal-Ippjanar ftit tal-ġimgħat ilu approvat il-permess tal-bini tal-ewwel Sound Stages f’Malta li ħa jikkonsisti f’super stage ta' 40,000 pied kwadru u stage ieħor biex jikkumplimentaha.
Ser ikunu mibnija wkoll ammont ta’ faċilitajiet anċillari fosthom workshops, uffiċini, prop stores, multi-purpose car park u attrazzjonijiet varji.
Dan il-proġett, li huwa parti mill-masterplan tal-Malta Film Studios, huwa l-akbar investiment infrastrutturali fl-industrija tal-films fl-istorja u ser joħloq karrieri għal kull min jixtieq ikun parti minn dan is-settur tant importanti għal ekonomija Maltija.
Kummissjoni Ewropea – Country Report dwar l-andament soċjo-ekonomiku ta’ Malta
Question
Peress li f'Ġunju li għadda l-Kummissjoni Ewropea ħarġet il-Country Report dwar l-andament soċjoekonomiku ta' Malta fejn fih qalet li jinħass nuqqas kbir ta’ ħaddiema f'Malta u l-ispariġġ fil-ħiliet huma sinifikanti fis-setturi kollha, jista’ l-Ministru jindika x’miżuri se jittieħdu sabiex dan jiġi indirizzat?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.