Legislature:
Category:
Reset
Active:

Soċjetajiet tal-Banda – azzjoni legali fil-konfront tagħhom

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma s-Soċjetajiet tal-Banda li għandhom azzjoni legali fil-konfront tagħhom, biex is-sidien tal-proprjetà li fiha hemm l-istess soċjetà jieħdu lura l-istess proprjetà? Peress li madwar sena ilu kellu jinbeda proċess li permezz tiegħu l-Gvern jixtri dawn il-proprjetajiet, jista' l-Ministru jgħid s’issa f'kemm-il każ inbdew id-diskussjonijiet dwar tali xiri u f'kemm il-każ ġew konklużi n-negozjati? Liema huma l-każini li nxtraw u f'liema lokalità qegħdin?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li prezentament dan il-Gvern qieghed fi stadju avvanzat tal-processi relattivi tant illi fil-jiem li ġejjin il-Gvern ser jkun qed jersaq il-quddiem biex juri l-intenzjoni tiegħu li jakkwista l-ewwel propjetajiet mingħand is-sidien rispettivi. Dan il-Gvern impennjat li jaghmel dak kollu possibli sabiex jissalvagwardja l-kultura fil-komunitajiet ta’ pajjizna. Intant, saru u qed jsiru laqgħat paralleli mal-kumitati li joperaw mill-istess propjetajiet sabiex jiġu diskussi l-kundizzjonijiet il-ġodda. Dan il-proċess, li hu wiehed delikat hafna, qed isir bl-ikbar kawtela sabiex jigi assigurat li l-proċess ikun ġust mal-partijiet kollha kkonċernati. F’dan l-isfond, rrid nirrimarka wkoll illi apparti l-process hawn fuq msemmi, dan il-Gvern haseb ukoll ghall-skemi t’għajnuna għal għaqdiet mużikali oħra li xtraw il-każini tagħhom b’tant sagrifiċċju. Fil-fatt, tali socjetajiet diga inghataw u ser ikunu qed jinghataw ghajnuna sabiex ikunu jistu’ jwettqu tibdil fl-operat tagħhom jew xogħlijiet ta’ restawr fil-każini rispettivi tagħhom. Dan kollu qeghdin naghmluh ghaliex tassew ghandna il-kultura ta’ pajjizna f’qalbna u ghalhekk ghandna dover u obbligu li nkomplu nirrikonoxxu s-sehem tal-volontarjat fis-soċjetajiet mużikali u l-għaqdiet tal-armar fl-ibliet u l-irħula Maltin u Għawdxin.

ITS – taħriġ lil min jaħdem fl-industrija tat-turiżmu u l-ospitalità

Question

Jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni dwar x’qiegħed jagħmel l-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS) biex iħarreġ ir-riżors uman li jaħdem fi ħdan l-industrija tat-turiżmu u l-ospitalità?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l-għan tal-Istitut tal-Istudji Turistiċi huwa li jipproduċi persuni b'ħiliet għolja għall-industrija tat-turiżmu u l-ospitalità. Dan isir permezz ta’ programmi full-time, programmi ta’ studju part-time, kif ukoll taħriġ imfassal apposta għall-kumpaniji varji fl-industrija. Għalkemm magħruf l-aktar għall-produzzjoni ta’ kokijiet b’ħiliet għolja u membri tal-persuni tas-servizz, l-Istitut tal-Istudji Turistiċi huwa wkoll responsabbli li jipproduċi numru ta’ persuni tas-sengħa fid-diversi aspetti tal-karriera fi ħdan l-industrija tat-turiżmu u l-ospitalità. Dawn jinkludu gwidi turistiċi, li jaġixxu bħala ambaxxaturi għall-Gżejjer Maltin. B'korsijiet annwali, disponibbli kemm fuq bażi full-time kif ukoll part-time, l-Higher National Diploma in Tourist Guiding hija waħda mill-aktar korsijiet imfittxija fl-ITS. Barra minn hekk, l-ITS joffri programmi ta’ studju eżempju fil-Ġestjoni tal-Ospitalità Internazzjonali, u l-Ġestjoni tal-Avvenimenti, l-Ivvjaġġar u t-Turiżmu, l-Ivvjaġġar favur il-Klima, l-Interpretazzjoni tal-Wirt u l-Ġestjoni tas-Sigurtà tal-Għadis biex insemmu biss ftit. Din is-sena, l-Istitut tal-Istudji Turistiċi nieda wkoll programm ġdid ta’ Livell 5, l-Higher National Diploma fis-Sommellerie, immirat għal dawk li jaħdmu fi ħdan din l-industrija. Dan il-programm ta’ studju se jgħolli aktar is-servizz tal-ikel u x-xorb. Tajjeb li wieħed jinnota li fl-2017, l-ITS nediet l-ewwel programmi ta’ Bachelor Degree, li rċevew numru kbir ta’ applikazzjonijiet u fil-fatt din is-sena hija sena rekord għal dan il-livell. Aktar tard, l-ITS nediet żewġ programmi ta' Master's Degree, li rriżultaw f'popolarità għolja, l-aktar ma' dawk li jaħdmu fl-industrija. Meta l-MTA nediet il-programmi ta’ boroż ta’ studju għal dawk li jaħdmu fi ħdan l-industrija tat-turiżmu u l-ospitalità matul il-bidu tal-pandemija, l-Istitut irċieva numru kbir ta’ applikanti għal numru ta’ korsijiet, l-aktar l-MBA fl-International Hospitality Management, offrut f’affiljazzjoni akkademika ma’ L-Akkademja tal-Emirates tal-Ġestjoni tal-Ospitalità. Dawn il-persuni se jkunu qed jiggradwaw fl-aħħar ta' din is-sena, u b'hekk dawn jagħmlu l-ogħla gradwati fil-livell ta' Masters s'issa. Bħala parti mill-pjan strateġiku tagħha 2021-2025, l-ITS qed tibni wkoll Skola ta’ Taħriġ bil-għan li tindirizza ir-rekwiżiti fl-industrija tat-turiżmu lokali u internazzjonali permezz tal-provvista ta’ programmi ta’ taħriġ prattiku innovattiv u ta’ kwalità għolja apposta għall-bżonnijiet speċifiċi tal-industrija.

Awtorità tal-Ippjanar – Ħruġ ta’ permessi għat-tqegħid ta’ reverse vending machines

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inħarġu permessi mill-Awtorità tal-Ippjanar għat-tqegħid ta' reverse vending machines li bdew jitħaddmu fl-14 ta’ Novembru? F'liema lokalitajiet ħarġu l-permessi u kemm hemm magni li għandhom permess f'kull lokalità, lokalità b’lokalità? Jista' jagħti tagħrif dwar kemm permessi għadhom fil-proċess li jinħarġu mill-Awtorità tal-Ippjanar għat-tqegħid ta' reverse vending machines? F'liema lokalitajiet hemm dawn l-applikazzjonijiet u għal kemm-il magna f'kull lokalità, lokalità b’lokalità?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra tabella li turi n-numru ta’ applikazzjonijiet għal reverse vending machines approvati jew pendenti għal kull lokalità.

ITS – skola ta’ taħriġ

Question

Jista’ l-Ministru jispjega x’se tkun qed tagħmel l-iskola ta’ taħriġ tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS)?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ITS qed tibni Skola ta’ Taħriġ bil-għan li tindirizza ir-rekwiżiti fl-industrija tat-turiżmu lokali u internazzjonali permezz tal-provvista ta’ programmi ta’ taħriġ prattiku innovattiv u ta’ kwalità għolja apposta għall-bżonnijiet speċifiċi tal-industrija. Din l-iskola se tkun immirata kemm lejn swieq lokali kif ukoll lejn dawk internazzjonali f’konformità mal-istrateġija ta’ internalizzazzjoni tagħha. Wieħed mill-ewwel għanijiet tal-iskola ta’ taħriġ huwa li toffri korsijiet għal individwi li jaħdmu fi ħdan l-industrija tat-turiżmu u l-ospitalità f’oqsma li jinkludu customer care, prodott turistiku, lingwa Maltija għat-turiżmu u lingwa Ingliża għat-turiżmu. Dawn il-korsijiet huma mmirati, iżda mhux limitati, għal ħaddiema internazzjonali li ġew Malta waqt il-pandemija. L-iskola ta' taħriġ se tkun qed toffri korsijiet kemm akkreditati kif ukoll mhux akkreditati u se tiffoka fuq korsijiet qosra, ibbażati fuq il-ħiliet prattici. Bħalissa, diġà qegħdin f'komunikazzjoni ma' stakeholders ewlenin fl-industrija tat-turiżmu u l-ospitalità biex ikun jista’ jiġi mħarreġ personnel għas-sajf tal-2023. Tajjeb ukoll li wieħed jinnota li matul is-snin, l-ITS ħarreġ eluf ta' persuni kemm fuq bażi full-time kif ukoll part-time. Dawn jinkludu wkoll persuni li jaħdmu fl-industrija tat-turiżmu u l-ospitalità. L-għan tal-iskola tat-taħriġ huwa li żżid dawn in-numri u toffri aktar korsijiet diretti u mitluba mill-industrija. Għalhekk dawn in-numri se jkunu qed jiżdiedu drastikament matul is-snin li ġejjin. Sena Akkademika Numru ta’ studenti Part-Time 2011/12 208 2012/13 218 2013/14 245 2014/15 166 2015/16 194 2016/17 180 2017/18 305 2018/19 909 2019/20 658 2020/21 1726 2021/22 889

Smart City – Kampus tal-ITS — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jagħti aġġornament dwar ix-xogħlijiet li qegħdin isiru fil-kampus tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS) fi SmartCity?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l-Awtorita’ tal-Ippjanar approvat il-permess għall-bini tal-kampus il-ġdid tal-Istitut tal-Istudji Turistiċi ġewwa Smart City. L-ewwel tender, dak tax-xogħlijiet ta’ tħaffir, diġà ħareġ u beda ix-xogħol ta’ tħaffir. Bħalissa qegħdin ukoll jiġu evalwati offerti relatati mal-proġett u offerti oħrajn mistennija joħorġu fil-ġimgħat li ġejjin. Il-Kampus il-ġdid tal-ITS se jkun jista’ jilqa’ sa 2500 student, li huwa aktar mid-doppju tal-ammont li jilqa’ l-kampus attwali. Barra minn hekk, il-faċilitajiet li se jkunu disponibbli fil-kampus ta’ Smart City se joffru opportunitajiet ta’ taħriġ li bħalissa mhuwiex possibbli li jingħataw. Ma jistax ikollna turiżmu ta’ kwalita’ mingħajr ħaddiema ta’ kwalita’, u ma jistax ikollna ħaddiema ta’ kwalita’ mingħajr opportunitajiet ta’ taħriġ ta’ kwalita’ għolja.

Ftehim bejn l-ITS u l-Bella Vista Institute of Higher Education tal-Isvizzera

Question

Jista’ l-Ministru jispjega fid-dettall x’ser ikun qiegħed ifisser il-ftehim bejn l-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS) u l-Bella Vista Institute of Higher Education tal-Isvizzera?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li għadu kemm ġie ffirmat ftehim bejn l-ITS u l-Bella Vista Institute of Higher Education tal-Isvizzera biex b’hekk kompliet tiżżewwaq il-kullana ta’ ftehim u affiljazzjonijiet li għandna fis-settur tal-edukazzjoni fl-ospitalita’ u t-turiżmu. Permezz ta’ dan il-ftehim, il-BVIS se tkun qed toffri korsijiet tal-ITS - prinċiparjament il-BA (Hons) International Hospitality Management u l-Masters in Business Administration ġewwa l-Isvizzera. Dan huwa l-ewwel pass li dawn iż-żewġ istituzzjonijiet se jkunu qed jagħmlu bl-għan aħħari jkun li sa meta l-ITS timxi għal kampus il-ġdid ġewwa Smart City, jkunu wkoll bdew korsijiet fil-livell ta’ Baċellerat u Masters fiż-żewġ kampusis, ċioe’ parti mill-kors issir ġewwa l-Isvizzera u parti oħra issir ġewwa l-kampus ta’ Smart City. Dan huwa it-tieni ftehim li l-ITS iffirmat u li permezz tiegħu l-istituzzjoni edukattiva Maltija stabbilixxiet kampus satellita barra minn Malta. Diskussjonijiet oħra, li jsegwu l-istess mudell, jinsabu fl-aħħar stadji biex b’hekk l-ITS tkun tista’ toffri programmi ta’ studju f’partijiet oħra fid-dinja.

Reverse Vending Machines

Question

B'referenza għall-iskema tar-rifużjoni tad-depożitu ta' 10c tal-kontenituri tax-xorb, tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar kemm hu t-total ta' reverse vending machines li bdew jitħaddmu fl-14 ta’ Novembru, 2022? Fejn jinsabu dawn ir-reverse vending machines lokalità b’lokalità? Għal kull reverse vending machine li bdiet topera, tista' l-Ministru tispeċifika jekk din ġietx installata f'supermarket jew ħanut tal-merċa, inkella f'Public Recycling Hubs?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li fl-14 ta’ Novembru 2022 il-kumpanija privata li qed tmexxi dan il-proġett s'issa għandha joperaw 173 Retail Reverse Vending Machine, u 101 Public Reverse Vending Machines ġo Public Hubs. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bid-dettalji tal-lokalitajiet u l-istabbilimenti kummerċjali kollha fejn jinsabu r-Reverse Vending Machines.

Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali – ħaddiema barranin

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx barranin jaħdmu fid-dekasteru tiegħu? Jekk iva, kemm hemm?

Response (REFALO, ANTON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ ħaddiema barranin li qegħdin jaħdmu fil-Ministeru tiegħi jammonta għal 22.

Ħal Tarxien – persuni residenti li bbenefikaw mis-sussidju fuq il-kirjiet

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kien hemm persuni minn Ħal Tarxien li tul din is-sena 2022 s’issa bbenefikaw mis-sussidju fuq il-kirjiet li saru wara u qabel l-1995 u kemm kienet l-ispiża? Jista’ wkoll jinforma lill-Kamra kemm hemm persuni li rrikorrew għall-assistenza wara li ġew żgumbrati jew li qegħdin fil-proċess li jiġu żgumbrati?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-2022 l-Awtorità tad-Djar kellha 61 persuna minn Ħal Tarxien li bbenefikaw mis-sussidju fuq il-kirjiet li saru wara u qabel l-1995. L-ispiża kienet ta’ €101,356.40c. Ma kienx hemm persuni minn Ħal Tarxien li rrikorrew għall-assistenza wara li ġew żgumbrati jew li qegħdin fil-proċess li jiġu żgumbrati.

Ħal Tarxien – persuni residenti li bbenefikaw mill-In-Work Benefit

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm persuni residenti Ħal Tarxien ibbenefikaw mill-In-Work Benefit tul din is-sena 2022 s’issa u kemm kien l-ammont ta’ flus li ġew imħallsin?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Santa Luċija – persuni residenti li bbenefikaw mis-sussidju fuq il-kirjiet

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kien hemm persuni minn Santa Luċija li tul din is-sena 2022 s’issa bbenefikaw mis-sussidju fuq il-kirjiet li saru wara u qabel l-1995 u kemm kienet l-ispiża? Jista’ wkoll jinforma lill-Kamra kemm hemm persuni li rrikorrew għall-assistenza wara li ġew żgumbrati jew li qegħdin fil-proċess li jiġu żgumbrati?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-2022 l-Awtorità tad-Djar kellha żewġ persuni minn Santa Luċija li bbenefikaw mis-sussidju fuq il-kirjiet li saru wara u qabel l-1995. L-ispiża kienet ta’ €6,413.93c. Ma kienx hemm persuni minn Santa Luċija li rrikorrew għall-assistenza wara li ġew żgumbrati jew li qegħdin fil-proċess li jiġu żgumbrati.

Santa Luċija – persuni residenti li bbenefikaw mill-In-Work Benefit

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm persuni residenti Santa Luċija bbenefikaw mill-In-Work Benefit tul din is-sena 2022 s’issa u kemm kien l-ammont ta’ flus li ġew imħallsin?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Gudja – persuni resident li bbenefikaw mis-sussidju fuq il-kirjiet

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kien hemm persuni mill-Gudja li tul din is-sena 2022 s’issa bbenefikaw mis-sussidju fuq il-kirjiet li saru wara u qabel l-1995 u kemm kienet l-ispiża? Jista’ wkoll jinforma lill-Kamra kemm hemm persuni li rrikorrew għall-assistenza wara li ġew żgumbrati jew li qegħdin fil-proċess li jiġu żgumbrati?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-2022 l-Awtorità tad-Djar kellha 18-il persuna mill-Gudja li bbenefikaw mis-sussidju fuq il-kirjiet li saru wara u qabel l-1995. L-ispiża kienet ta’ €36,878.88c. Hemm persuna waħda mill-Gudja li qegħda fil-proċess li tiġi żgumbrata.

Gudja – persuni residenti li bbenefikaw mill-In-Work Benefit

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm persuni residenti l-Gudja bbenefikaw mill-In-Work Benefit tul din is-sena 2022 s’issa u kemm kien l-ammont ta’ flus li ġew imħallsin?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

MCCAA — Ħaddiema li telqu

Question

Tista’ l-Ministru telenka kemm staff ta’ grad professjonali telqu minn mal-MCCAA xahar b’xahar mill-2020 s’issa? F’kull każ tista’ tgħid jekk saritx sejħa għal replacement, kemm dam il-proċess u x’kien l-eżitu finali?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din li ġejja hija l-lista ta’ impjegati li rriżenjaw mill-Awtorità, kif ukoll id-dettalji biex jinstab replacement. Date since position was vacant Position Replacement of Position Apr-20 1 COO No - Position of COO was abolished Jun-20 1 Professional Officer Yes - Replaced on April 2022 Nov-20 1 Professional Officer Yes - Replaced on October 2021 Dec-20 1 Professional Officer No - Transferred to another entity, along with duties portfolio. Dec-21 1 Professional Officer Yes - Replacement in progress Jan-22 1 Professional Officer Yes - Replaced on December 2021 Mar-22 1 Professional Officer Yes - Replaced on April 2022 Mar-22 1 Director Yes - Replaced on July 2022 Jun-22 1 Manager Yes - Replacement in progress Nov-22 1 Professional Officer Yes - Replacement in progress