Sptar Mater Dei – Pubblikazzjoni tal-activity report
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta ġie ppubblikat l-aħħar activity report tal-Isptar Mater Dei u meta se jiġi ppubblikat dak li jmiss?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li activity report tal-Isptar Mater Dei jiġi ppubblikat internament darba fix-xahar.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk kienx hemm xi rinovar strutturali jew żieda ta' ħaddiema fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta sabiex ilaħħaq mad-domanda minħabba l-għeluq taċ-Ċentru tas-Saħħa f'Birkirkara?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi staff, inkluż it-tobba full-time, li kienu jaħdmu fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Birkirkara ġew rilokati temporanjament fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta.
Jista' l-Ministru jgħid kemm tħallsu l-esperti li ġew magħżula għall-grupp li twaqqaf madwar sentejn ilu, dwar l-operat fil-Korp għall-Analisi ta’ Informazzjoni Finanzjarja (FIAU), partikolarment il-mod ta' kif qed jingħataw il-multi lil numru ta' subject persons?
Response (CARUANA, CLYDE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba mogħtija f’PQ 4049.
Jista’ l-Ministru jara li l-pjan għat-turiżmu f’Wied il-Għajn, li ilu diġà numru ta’ snin biex jiġi ppreżentat mill-Ministeru, jiġi effettivament preżentat? Jekk le, jista’ jgħid x’inhuma d-diffikultajiet relattivi?
Jista’ l-Ministru jassigura li jkun hemm iktar pulizija u iktar rondi fit-toroq ta’ Wied il-Għajn billi qed jinħass in-nuqqas tal-preżenza tal-forza tal-ordni?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi permezz tat-taqsimiet tal-RIU u tat-Traffiku kif ukoll dawk tad-distrett, il-Pulizija tagħmel ronda regolari ġewwa Wied il-Għajn u tkompli tagħmel dak kollu possibbli biex bħal lokalitajiet oħra l-preżenza tagħha tiżdied. Intant, f’dawn l-aħħar ġimgħat, uffiċjali tal-Korp kienu qed jieħdu t-taħriġ meħtieġ biex fi ftit jiem oħra jkunu jistgħu jagħtu servizz tagħhom bħala Pulizija tal-Komunità fl-istess lokalità, fejn ser tinbeda din l-inizjattiva.
B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari numri 22929, 24201 u 24038 li saru fl-aħħar leġiżlatura, jista’ l-Ministru jgħid jekk ix-xogħlijiet fil-blokka tal-flats indikata, f’Santa Luċija, effettivament sarux u jekk il-lift huwiex jaħdem u minn meta?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett inkluż il-lift ingħataw lir-residenti fit-23 ta’ Settembru 2022.
Ħaż-Żabbar – Triq il-Farfett tal-Fejġel – ispezzjonijiet
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2927, tista’ l-Ministru tara li s-sit fi Triq il-Farfett tal-Fejġel, Ħaż-Żabbar, jiġi ispezzjonat b'mod iktar regolari billi hemm wisq materjal li qed jiġi depożitat b’inkonvenjent?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li minn spezzjonijiet li saru fuq dan is-sit ma nqabad ħadd jabbuża mill-Bring-In-Sites. Mill-ġimgħa li ġejja uffiċjali mill-ERA ser ikunu qed jispezzjonaw dan is-sit bi skeda regolari.
Ħaż-Żabbar – Triq il-Farfett tal-Fejġel – ispezzjonijiet
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2925, jista’ l-Ministru jara li s-sit fi Triq il-Farfett tal-Fejġel, Ħaż-Żabbar, jiġi ispezzjonat b'mod aktar regolari billi hemm wisq materjal li qed jiġi depożitat?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żabbar illi t-tindif madwar il-bring-in sites isir spiss u b’mod regolari.
Għawdex — Fondi Ewropej (Programming period 2014-2020) – fondi mogħtija u mitlufa
Question
Jista' l-Minsitru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3868 u jikkonferma kemm Fondi Ewropej ġew mogħtija u mitlufa fuq proġetti ġewwa Għawdex matul il-'programming period' 2014-2020?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-‘programming period’ 2014-2020 għadu miftuħ u għaldaqstant allokazzjonijiet ta’ fondi għadhom fil-perjodu ta’ eliġibbiltà b'ebda telf irreġistrat.
Special Olympics – għajnuna lil sportivi Għawdxin b’diżabilità
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3743 u jagħti tagħrif dwar liema għajnuna speċifika, inkluż dik finanzjarja, jew inċentiva tingħata lil dawk l-isportivi Għawdxin b'diżabilità (jew lill-ġenituri tagħhom) li jkunu qegħdin jippreparaw biex jieħdu sehem fl-iSpecial Olympics?
Santa Venera – xogħol ta’ rinnovar fi blokk ta’ appartamenti
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta se jkun qed jitlesta x-xogħol ta' rinnovar fil-blokk ta’ appartamenti f’Santa Venera li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol ta’ rinovar taħt Skema 2 fil-blokk imsemmi tlesta iktar kmieni din is-sena, fejn l-Awtorità ħallset is-somma ta’ €6,000 lill-amministratur tal-blokka. Barra r-rinovar tal-komun permezz ta’ Skema 2, l-Awtorità wettqet rinovar ulterjuri fuq il-bejt ta’ din il-blokka għas-somma ta’ madwar €13,000.
Jista' l-Ministru jgħid x'benefiċċji qed jingħataw fl-isponsorship deal li hemm bejn il-Manchester United FC u VisitMalta, speċifikament jekk humiex jingħataw xi perkaċċi jew tnaqqis fil-prezz fil-biljetti tal-logħob tal-imsemmi klabb?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ftehim mal-Manchester United jipprovdi għal numru ta’ biljetti għal logħob tal-kampjonat Premier u FA Cup li jintlagħbu ġo Old Trafford. Dawn il-biljetti jintużaw sabiex l-MTA tospita ġurnalisti, influencers, prize-winners, aġenti tal-ivjaġġar, operaturi turistiċi u organizzaturi ta’ konferenzi barranin bħala promozzjoni għall-pajjiżna u sabiex insaħħu l-koperazzjoni professjonali ta’ VisitMalta magħhom.
Jista' l-Ministru jipprovdi reġistru ta' kuntratti li l-Gvern kien parti fihom fis-sena 2022, u fl-istess reġistru juri u jispjega, jekk ikun il-każ, x'modifikazzjonijiet li jkunu saru fl-istess kuntratti tal-Gvern?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba ġiet ippubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern, u tinstab ukoll disponibbli fuq is-sit tat-tenders tal-Gvern, skont Regulation 79(2)(k) tas-Sectoral Procurement Directorate (SPD).
Tista' l-Ministru tgħid x'nuqqasijiet jew diffikultajiet qiegħda ssib jew tipprevedi li se jżommu milli Malta tilħaq il-pjan ippubblikat f'Diċembru 2019 bit-titolu ‘National Energy and Climate Plan (ENCP)’ liema miri suppost jintlaħqu sas-sena 2030?
Response (DALLI, MIRIAM)
Sfidi dejjem jeżistu, imma l-isfidi ma jaqtgħulniex qalbna. Anzi sfida naraw kif nistgħu noħorġu opportunità minnha u għalhekk li għal kull sfida naraw kif naħdmu għal soluzzjoni.
Pereżempju ċ-ċokon ta’ pajjiżna ma jippermettilniex nagħmlu proġetti estensivi ta’ enerġija rinnovabbli fuq l-art. Ma jfissirx iżda li mhux qed inħarsu lejn soluzzjonijiet differenti minkejja l-fatt li pereżempju għandna baħar fond ħafna madwar Malta u sfidi bħal limitazzjoni ta’ ‘wind speeds’ f’ċertu istanzi.
Sfida oħra pereżempju huma l-prezzijiet tal-karozzi li ma jniġġsux, bħalissa primarjament karozzi elettriċi. Imma anke hawn il-Gvern qed jagħti fost l-akbar għotja fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropeja sabiex ninċentivaw ix-xiri tal-karozzi li ma jniġġsux.
Fis-settur tal-iskart hemm sfidi wkoll, imma hawnhekk għandna pjanijiet ċari bi proġetti ta’ aktar minn nofs biljun Ewro li se jwassluna biex ikollna anke faċilità li minnha niġġeneraw l-enerġija minn skart li mhux riċiklabbli.
Tajjeb infakkar ukoll li ras għal ras aħna l-Membru Stat tal-Unjoni Ewropea bl-anqas emissjonijiet.
Forsi l-akbar sfida hija li kulħadd jirrealizza li din hija issue nazzjonali, 'il bogħod mill-partiġjaniżmu żejjed. U allura kulħadd irid jagħmel il-parti tiegħu biex jagħti sehmu ħalli nilħqu dawn il-miri kemm fis-settur pubbliku kif ukoll dak privat. Għalhekk li nagħmlu kampanji kontinwi ta’ informazzjoni u edukazzjoni u nagħtu fost l-aqwa għotja ta’ inċentivi u grants fis setturi li jgħinu t-tibdil fil-klima b’mod prominenti fl-effiċjenza tal- enerġija, dik rinnovabbli u lejn trasport aktar nadif.
Il-viżjoni tagħna hija ċara u l-ambizzjoni tagħna wkoll u nemmen li flimkien bħala pajjiż kapaċi naslu.
Tista' l-Ministru tgħid jekk hux minnu illi nqalgħu kanali tal-ilma u qsari tal-ġebel u lapidi storiċi kommemorattivi fil-Ġnien Romeo Romano u li ħafna minnhom saritilhom ħsara waqt dawn ix-xogħlijiet?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li matul ix-xogħlijiet ingħatat importanza li jiġi rispettat il-karattru storiku ta' dan il-ġnien, inklużi l-kanali tal-ilma. Il-kanali tal-ilma li kienu f'kundizzjoni tajba nżammu jew ġew installati mill-ġdid fuq il-post, filwaqt li l-kanali tal-ilma nieqsa jew bi ħsara irreparabbli ġew replikati. Qed isir ukoll kull sforz biex materjal ta’ valur li kien fi stat ta’ telqa jiġi ntegrat mal-bqija tal-proġett.
Tista' l-Ministru tgħid għalfejn il-kanali tal-ilma u qsari tal-ġebel u lapidi storiċi kommemorattivi fil-Ġnien Romeo Romano ma tħallewx fil-post u ġew irrestawrati b’mod li jkunu inklużi max-xogħol ġdid illi kien hemm bżonn isir?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li diġà tajt għall-mistoqsija parlamentari 4152.
Għawdex –Taxxa miġbura minn lukandi u akkomodazzjonijiet oħra
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2169, jista' l-Ministru jgħid kemm mid-dħul tat-taxxa fuq kull lejl fil-hotels u akkomodazzjonijiet oħrajn minn indirizzi reġistrati f’Għawdex ġie investit f'Għawdex stess?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li filwaqt li l-fond imsemmi mhux amministrat minn dan il-Ministeru, ħdimna kontinwament flimkien mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA), fi ħdan il-Ministeru għat-Turiżmu, biex Għawdex jibqa’ jkun destinazzjoni ta’ eċċellenza u distinta minn Malta. Fost oħrajn sar ħafna xogħol u investiment f’diversi bajjiet u żoni turistiċi oħrajn, inkluż scuttling tal-vapur Hephaestus fl-inħawi tax-Xatt l-Aħmar biex iservi ta’ attrazzjoni ġdida ma’ dawk li diġà hemm għall-benefiċċju tas-settur tad-diving, niċċa turistika ta’ importanza kbira u li qabdet sew f’Għawdex. Aktar ħidma simili ppjanata għaż-żmien li ġej.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx ippjanat upgrade fin-network ta’ distribuzzjoni tal-elettriku fis-Siġġiewi?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li r-rinfurzar fis-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku huwa proġett kontinwu li jsir skont il-prijoritajiet li jiġu indikati mill-inġiniera u t-tekniċi tal-Enemalta.
Fis-Siġġiewi fl-aħħar xhur saru diversi xogħlijiet kemm fuq is-sistema tal-vultaġġ għoli kif ukoll fis-sistema tal-vultaġġ baxx u oħrajn huma ppjanati għax-xhur li ġejjin.
Il-provvista tal-elettriku fis-Siġġiewi ser tkompli tissaħħaħ is-sena d-dieħla b’żewġ cables tal-11kV li ser jgħaqqdu ċ-Ċentru ta’ Distribuzzjoni ta’ Ħal Kirkop ma substations fis-Siġġiewi.
Fost il-proġetti li saru hemm tliet feeders ġodda tal-400V fi tliet substations u hemm ippjanati żewġ feeders oħra.
Xogħlijiet oħra ta’ rinfurzar saru f’dawn it-toroq fis-Siġġiewi. Triq Santa Margerita, Triq l-Iskola, Triq Nikol Zammit, Triq Dun Anton Vella, Triq is-Salib, Sqaq il-Parroċċa, Triq il-Parroċċa, Triq San Nikola, Triq il-Qasira, Triq tan-Nofs, Sqaq numru 4 fi Triq tan-Nofs, Triq id-Dejqa, Triq il-Ġdida, Triq Dun Manwel Zammit, Triq Salvu Corso u parti mit-Triq Mons. Mikiel Azzopardi.
Ħal Qormi — Upgrade fin-network tad-distribuzzjoni tal-elettriku
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx ippjanat upgrade fin-network ta’ distribuzzjoni tal-elettriku f’Ħal Qormi?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rinfurzar fis-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku huwa proġett kontinwu li isir skont il-prijoritajiet li jiġu indikati mill-inġiniera u t-tekniċi tal-Enemalta.
F’Ħal-Qormi fl-aħħar xhur saru diversi xogħlijiet kemm fuq is-sistema tal-vultaġġ għoli kif ukoll fis-sistema tal-vultaġġ baxx. Hawnhekk tlestew sitt feeders tal-400kV f’żewġ substations.
Hemm ippjanati wkoll sitt feeders oħra fit-tliet substations oħra ta’ din il-lokalità. Il-Provvista tal-elettriku għar-residenti u n-negozji f’Ħal-Qormi ser tissaħħaħ wkoll b’żewġ cables tal-11kV.
Saru wkoll xogħlijiet ta’ infurzar fuq il-linji tal-elettriku f’dawn it-toroq: Triq Bartolomew, Triq Bertu Hyzler, partijiet minn Triq il-Vitorja, Triq San Edwardu, Triq Aniċi u Triq il-Kbira, Vjal De La Cruz, Triq ir-Rebbieħa, Triq il-Plajja, Triq il-Ħelsien, Triq tal-Ħlas, Triq Wenzu Gafa’.