Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm u preżentement kemm hemm ħaddiema Għawdxin jaħdmu f'Għawdex f'dipartimenti, awtoritajiet, aġenziji u entitajiet governattivi, li jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-Ministeru għal Għawdex, sena b'sena mis-sena 2013 sal-lum? Jista' jgħid preżentement dawn il-ħaddiema ma' liema dipartiment, awtorità, aġenzija u entità qed jaħdmu u xi grad huma?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li biex tiġi kkompilata l-informazzjoni kollha kif mitlub, se jispiċċa jinqabeż l-advisory cost limit.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm kien hemm u preżentement kemm hemm jaħdmu, ħaddiema Għawdxin ġewwa Malta f'dipartimenti, awtoritajiet, aġenziji u entitajiet governattivi sena b’sena, mis-sena 2021 sal-lum? Jista' jgħid preżentement dawn il-ħaddiema ma' liema entità qed jaħdmu u xi grad huma?
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar ix-xogħlijiet li fadal isir fi Triq l-Emigranti fin-Nadur? Jista' jgħid kemm-il xahar ilu li nbeda x-xogħol, u għala f'dawn l-aħħar ġimgħat ma tkompla ebda xogħol f'din it-triq? Jista’ jgħid meta ser jitkompla x-xogħol f'din it-triq u meta ser titlesta minn kollox din it-triq?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex għadda l-ewwel servizz bażiku, dak tad-drenaġġ. Sadanittant qed jittieħdu l-kunsiderazzjonijiet kollha meħtieġa, inkluż diskussjonijiet ma’ entitajiet oħra, biex jiġi prijorizzat x’servizzi oħra hemm bżonn isiru f’din it-triq.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3541 u jgħid mill-1 ta' Jannar 2020 sal-lum kemm-il triq saret mill-Ministeru tiegħu lokalità b'lokalità? Jista' jgħid f'kull każ jekk ix-xogħol hux lest jew jekk għadu mhux lest, x'fadal isir? Jista' jgħid f'kull każ kemm kienet l-ispiża totali jew l-ispiża s’issa fuq l-istess, triq bi triq?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Pedestrian Friendly Roads – fondi lill-Kunsilli Lokali
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3631, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Kunsilli Lokali Għawdxin humiex se jingħataw għajnuna mill-Ministeru għal Għawdex bħalma se jingħataw kunsilli lokali f'Malta minn Infrastructure Malta jekk jidentifikaw toroq fil-lokalitajiet tagħhom li jistgħu jkunu 'pedestrian-friendly roads'?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif għamel matul dawn l-aħħar snin, il-Ministeru għal Għawdex qed ikompli joffri għajnuna sostanzjali lil diversi Kunsilli Lokali fir-riġenerazzjoni ta’ diversi triqat u kif ukoll pjazzez. Din l-għajnuna mistennija li tkompli tingħata fix-xhur u s-snin li ġejjin.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-proġett ta' tisbiħ tal-Pjazza tas-Sannat hux se jkollu aċċessibbiltà għall-persuni b'diżabilità, partikolarment dawk f'siġġu tar-roti għall-partijiet kollha tal-Pjazza? Jista' l-Ministru jgħid jekk hux ser tiġi istallata pjattaforma tas-siġġu tar-roti? Jista’ jgħid ukoll jekk is-sejbiet storiċi li nstabu sa issa humiex se jiġu integrati f'dan il-proġett biex ikunu jistgħu jitgawdew mill-pubbliku?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tas-Sannat illi kull spazju pubbliku ta' Pjazza Santa Margerita, inkluż iz-zuntier tal-knisja, se jkun aċċessibbli għal kulħadd. Infurmat ukoll illi diġà hemm diskussjonijiet bejn il-Kunsill Lokali rispettiv u s-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali biex jiġi vverifikat jekk u kif is-sejbiet storiċi jew partijiet minnhom jistgħu jiġu integrati fil-proġett għall-apprezzament tal-pubbliku.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm applikazzjonijiet ta’ sanctioning ta’ bini illegali ġew regolarizzati? Jista’ jagħti lista ta’ x’kienu dawn l-illegalitajiet?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Jista’ l-Onor. Interpellant jispeċifika għal liema perjodu u għal liema tagħrif qiegħed jirreferi ġaladarba s-sanzjonar u r-regolarizzazzjoni huma proċeduri differenti.
Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali – deċiżjonijiet ta’ oġġezzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba s-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali ħarġet deċiżjoni ta’ oġġezzjoni biex wara biddlet id-deċiżjoni tagħha?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-Sovrintendenza hija waħda mill-konsulenti prinċipali tal-Awtorità tal-Ippjanar hekk kif stabbilit fl-Att dwar l-Iżvilupp u l-Ippjanar.
Kull applikazzjoni li tiġi sottomessa lill-Awtorità tal-Ippjanar, tintbagħat għall-konsultazzjoni għand is-Sovrintendenza. Fuq kull applikazzjoni li tirċievi, is-Sovrintendenza tagħmel ir-rakkomandazzjonijiet u/jew rimarki tagħha.
Minħabba li jkun hemm applikazzjonijiet li jimpattaw il-patrimonju kulturali, jintalbu emendi tal-pjanti u bidliet fil-proposti sabiex jiġi rispettat il-valur storiku. Jekk il-proġett jinbidel b’mod aċċettabbli, is-Sovrintendenza tista’ tkun f’pożizzjoni li taċċetta l-proġett u b’hekk ikun hemm ‘overturning’ tar-rakkomandazzjoni.
Fir-rigward ta' kemm-il darba dan isir, is-Sovrintendenza ma żżommx renidkont minħabba li l-proċess ta’ konsultazzjoni fuq applikazzjoni jista' jieħu ħafna ingaġġ u risposti.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet mill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol minn Jannar 2022 sa Settembru 2022? Jista’ jagħti lista ta’ kemm multi nħarġu u x’kienu dawn il-multi?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-perjodu msemmi l-OHSA għamlet 3,664 spezzjoni u ħarġet 385 multa għall-valur ta’ €147,000. Il-multi nħarġu għall-ksur ta’ diversi regolamenti ta’ saħħa u sigurtà fuq ix-xogħol. Barra minn hekk l-OHSA ħarġet 488 ordni biex jittieħdu miżuri, waqt li ħarġet 572 ordni biex jieqaf ix-xogħol sakemm l-affarijiet jiġu in regola. Inbdew ukoll 137 akkuża quddiem il-qorti tal-Maġistrati. Barra minn hekk, l-OHSA rċeviet u evalwat 3824 ċertifikat ta’ apparat u makkinarju biex ikun żgurat li jkunu siguri għall-użu.
Peress li l-proċeduri u l-verifiki fil-każ ta' numru ta’ spezzjonijiet għadhom ma ngħalqux, ma jistax ikun eskluż li jinħarġu multi oħra jew jinbdew proċeduri legali f’numru ta’ każijiet oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ttieħdu kontra dawk is-sidien li krew il-proprjetajiet/garages tagħhom lil dawk il-persuni li nstabu f’Malta mod abbużiv u li ntbagħtu lura f’pajjiżhom?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat illi l-Pulizija taghmel diversi ispezzjonijiet biex ma tippermettix persuni minn pajjiżi terzi li jkunu Malta b’mod abbużiv jew b’xi mod irregolari. Waqt l-ispezzjonijiet l-approċċ tal-Pulizija jkun biex irażżnu l-immigrazzjoni illegali, u għaldaqstant bosta minn dawn l-attivitajiet ikopru diversi lokalitajiet u postijiet oħra pubbliċi, u xi drabi jinkludu proprjetajiet u garaxxijiet ta’ sidien privati, meta l-informazzjoni li tkun disponibbli. Infurmat illi bħalissa hemm proċedura u metodoloġija interna, illi meta jiġu identifikati irregolaritjiet jew illegalitajiet oħra waqt dawn l-ispezzjonijiet, il-pulizija tinvolvi dipartimenti oħra skont kif jitlob il-każ, u jkun hemm okkażjonijiet fejn uffiċjali ta’ dipartimenti oħra jkunu preżenti fil-lok ta’ spezzjoni, biex fejn ikun hemm bżonn, jittieħdu passi kontra dawk is-sidien li krew il-proprjetajiet/garaxxijiet tagħhom lil dawk il-persuni li nstabu f’Malta mod abbużiv, jekk il-każ hekk jitlob. Infurmat wkoll li minbarra rapport lil diversi entitajiet, fosthom l-awtorita tad-djar, kien hemm proprjetajiet li kien sospiż is-servizz tal-elettriku.
Skema għal titjib tal-madwar tal-binjiet tal-Gvern
Question
Jista’ l-Ministru jgħid meta ser terġa’ tiddaħħal l-iskema biex jinżammu tajjeb il-madwar tal-binijiet tal-Gvern bħalma huma soft areas u ħitan ta’ passaġġi?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-iskema li qed jagħmel referenza għaliha bbenefikaw minnha madwar 15-il Kunsill Lokali sabiex jitwettqu proġetti żgħar ta’ tisbiħ fil-madwar u kienet skema ta’ darba.
Illum il-ġurnata l-Awtorità tad-Djar qed twettaq proġett kbir ta’ riġenerazzjoni tal-binjiet kollha ta’ Akkomodazzjoni Soċjali tal-Gvern, liema proġett qed jibbenefikaw minnu mijiet ta’ familji madwar Malta.
Apparti din ir-riġenerazzjoni, l-Awtorità tad-Djar qed twettaq ukoll 3 proġetti maġġuri biswit is-siti tal-Akkomodazzjoni Soċjali fil-Marsa, Santa Luċija u l-Mosta. Permezz ta’ dawn it-3 proġetti kbar, l-Awtorità mhux biss qed tipprovdi ambjent isbaħ u aktar sigur imma wkoll post ta’ rikreazzjoni fejn il-familji jistgħu jmorru mat-tfal tagħhom u fl-istess ħin insaħħu wkoll l-aċċessibilità u s-sigurtà ta’ dawn il-postijiet.
Min-naħa tagħna ninsabu impenjati li nkomplu noffru kwalità ta’ ħajja aħjar u niżġuraw li l-akkomodazzjoni soċjali qed iġġib valur miżjud fil-lokalitajiet li qed jilqgħuha.
Korp tal-Pulizija – Malta Police Transformation Strategy 2020-2025 – service-oriented approach to technology
Question
Peress li fil-Malta Police Transformation Strategy 2020-2025 intqal li wieħed mill-objettivi strateġiċi (Objective 4) kien li l-Korp tal-Pulizija jrid jimplimenta “service-oriented approach to technology”, jista’ l-Ministru jgħid jekk dawn il-prattiċi fl-immaniġġar tal-IT ġewx implimentati jew le? Jekk iva, jista’ jgħid kif ġew implimentati?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi l-istrateġija ta’ trasformazzjoni fi ħdan il-Korp tal-Pulizija, tħabbret fis-sena 2020 bil-għan li tiġi implimentata fuq ħames snin. Sal-lum, jiġifieri sentejn wara, diġà ġew indirizzati u implimentati diversi miżuri minn dawk imħabbra. F’dan il-perjodu l-Korp diġà rnexxielu jikseb diversi riżultati pożittivi fosthom bil-kriminalità tonqos, il-poplu li qed jirċievi servizz aħjar, u mhux anqas billi anke kif indikat mill-istħarriġ tal-Ewrobarometru, il-Korp kompla jkabbar il-fiduċja tal-poplu.
Kif indikat oġġettiv ieħor tal-għan numru erbgħa huwa li l-Korp tal-Pulizija jimplimenta “service-oriented approach to technology”. Anke hawn irid jingħad illi diġà sar xoghol preparattiv għall-istrateġija tal-ICT u fuq dan is-suġġett speċifiku l-Korp irċieva offerta minn servizz tal-Pulizija barrani, fejn it-taqsima diġitali ta’ dan is-servizz, offriet li tassisti biex tiġi pjanata din l-istrateġija, li l-kunċett tagħha huwa li jkun hemm 'the right information at the right time to the right person'. Infurmat illi diġà sar xogħol fil-core infrastructure tan-networks. L-Onor. Membru japprezza illi għalkemm fil-perjodu minn meta nbdiet l-istrateġija, saru diversi xogħlijiet relatati mal-IT, sistemi tal- IT jeħtieġu preparamenti bir-reqqa għal diversi raġunijiet, speċjalment anke peress illi l-mezzi ta’ informatika jitjiebu kontinwament u mportanti li wara li jiġu esegwiti l-proċeduri kollha u jiġu identifikati il-ħtiġijiet, tinkiseb l-aħjar soluzzjoni.
Korp tal-Pulizija – Malta Police Transformation Strategy 2020-2025 – eżerċizzju ta’ risk assessment
Question
Peress li fil-Malta Police Transformation Strategy 2020-2025 intqal li wieħed mill-objettivi strateġiċi (Objective 5) kien li l-Korp jagħmel eżerċizzju ta’ “risk assessment”, fejn se jiġu identifikati “priority areas” fil-“policing strategy” għall-futur, jista’ l-Ministru jgħid jekk dan l-eżerċizzju sarx? Jekk iva, jista’ jgħid jekk tħejjiex xi dokument u jqiegħed kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi l-istrateġija ta’ trasformazzjoni fi ħdan il-Korp tal-Pulizija, tħabbret fis-sena 2020 bil-għan li tiġi implimentata fuq ħames snin. Sal-lum, jiġifieri sentejn wara, diġà ġew indirizzati u implimentati diversi miżuri minn dawk imħabbra. F’dan il-perjodu l-Korp diġà rnexxielu jikseb diversi riżultati pożittivi fosthom bil-kriminalità tonqos, il-poplu li qed jirċievi servizz aħjar, u mhux anqas billi anke kif indikat mill-istħarriġ tal-Ewrobarometru, il-Korp kompla jkabbar il-fiduċja tal-poplu.
Kif jindika t-titlu tal-Istrateġija tat-Trasformazzjoni, din intenzjonata li tiġi attwata fuq firxa ta’ żmien li twassal sas-sena 2025. Kif ġie rapportat f’okkażjonijiet oħra, diġà sar ħafna xogħol fejn tidħol l-implimentazzjoni ta’ din l-Istrateġija. Fejn jirrigwarda l-għan strateġiku 5, speċifikalment li jsir eżerċizzju ta’ “Risk Assessment” fix-xhur li għaddew, il-Korp tal-Pulizija beda jwettaq dan l-assessment bl-assistenza ta’ uffiċjali mir-Renju Unit. Sar eżerċizzju estensiv illi s-sejbiet tiegħu għadhom qed jiġu finalizzati. Madanakollu, fil-preżent il-Korp għaddej b’attivitajiet preparatorji bil-għan li jiġi kompilat dan il-pjan attwali.
Korp tal-Pulizija – Malta Police Transformation Strategy 2020-2025 – outsourcing ta’ xogħol
Question
Peress li fil-Malta Police Transformation Strategy 2020-2025 intqal li wieħed mill-objettivi strateġiċi (Objective 5) kien li ser isiru diskussjonijiet ma’ aġenziji, social partners u persuni pajżana, fejn ċertu xogħol li s-soltu jsir mill-pulizija jista’ jiġi operat minn dawn l-aġenziji u b’hekk il-pulizija tkun tista’ tiffoka fuq xogħol ieħor, jista’ l-Ministru jgħid jekk sarux dawn id-diskussjonijiet? Jekk iva, ma’ liema aġenziji, social partners u persuni pajżana dawn saru? Jista’ jgħid ukoll jekk sarx outsourcing ta’ ċertu xogħol li s-soltu jsir mill-Pulizija? Jekk iva, x’ġie outsourced u lil min?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi l-istrateġija ta’ trasformazzjoni fi ħdan il-Korp tal-Pulizija, tħabbret fis-sena 2020 bil-għan li tiġi implimentata fuq ħames snin. Sal-lum, jiġifieri sentejn wara, diġà ġew indirizzati u implimentati diversi miżuri minn dawk imħabbra. F’dan il-perjodu l-Korp diġà rnexxielu jikseb diversi riżultati pożittivi fosthom bil-kriminalità tonqos, il-poplu li qed jirċievi servizz aħjar, u mhux anqas billi anke kif indikat mill-istħarriġ tal-Ewrobarometru, il-Korp kompla jkabbar il-fiduċja tal-poplu.
L-għan numru 5 tal-istrateġija hu wieħed mill-proġetti l-kbar ta’ din it-trasformazzjoni li jaqa' taħt ir-responsabilità diretta tad-Deputat Kummissarju inkarigat mill-Field and Operational Support. Dan il-proġett hu wieħed ħolistiku li jolqot diversi entitajiet oħra fis-settur pubbliku kollu u lil hinn. F’dan il-qasam inbdew ħafna proċessi, fosthom il-proġett b’kollaborazzjoni ma' servizz.gov, fejn l-applikazzjonijiet li kienu jiġu sottomessi ġewwa l-uffiċini distrettwali tal-pulizija bdew jiġu sottomessi fl-uffiċini tas-servizz.gov. F’Mejju ta’ din is-sena, dan is-servizz ġie introdot ġewwa l-Ħamrun, il-Qawra, Iż-Żejtun u Ħaż-Żabbar u ser jkompli jiġi estiż f’uffiċini oħra fil-ġejjieni.
Ili-lista ta’ servizzi li sal-lum qegħdin jiġu offruti minn servizz.gov, huma:
• Police Insurance Report & Police Generic Report
• Arm Dealer & Substitute License
• Transfer of Firearms
• Target Shooter License A/B
• Firearms - Collector A/B/Special
• Target Shooter Club, Target Shooter A/B & Range Conducting Officer Licenses
• Film Armourer & Re-enactment Group Permit
• Fireworks License A/B/C
• Letting of Fireworks & Conveyance of Fireworks
• Local Village Band Marches & Processions
• One-time events
• Application & Renewal for Special / Private Guard, Community Officer
Id-diskussjonijiet dwar dan il-proġett għaddejjin b’mod kontinwu flimkien mal-Ministeru tal-Intern, TM, LESA, MTA, OHSA u dipartimenti oħra, biex b’hekk numru ta’ servizzi identifikati bħala non-core policing, ikunu jistgħu jgħaddu għand entititajiet u dipartimenti oħra. Id-diskussjonijiet ma l-MFA biex jidħol fis-seħħ servizz ta’ stadium stewards regolat bil-liġi, u diskussjonijiet oħra dwar il-Criminal Record Office (CRO) sabiex l-ipproċessar u l-ħruġ ta’ kondotti u fedini penali jgħaddu taħt ir-responsabilita tal-Ministeru tal-Ġustizzja, qegħdin fi stat avvanzat. Tajjeb li wieħed isemmi ukoll kif f’Lulju 2021, xogħol ta’ tindif tal-binjiet kollha tal-korp ġie outsourced lil kumpanija privata wara sejħa pubblika għall-offerti. Dan kuntrarju ta’ kif kien issir qabel, fejn it-tindif kien mistenni li jsir mill-istess ufficjali tal-korp flimkien mal-kumplament tad-dmirijiet tagħhom. Hemm diversi servizzi oħra li llum isiru mill-privat, inkluż xogħol infrastrutturali u servizzi relatati kif ukoll servizzi ta’tiswija fuq vetturi, fost oħrajn.
Korp tal-Pulizija – Malta Police Transformation Strategy 2020-2025 – tqassim ta’ riżorsi
Question
Peress li fil-Malta Police Transformation Strategy 2020-2025 intqal li wieħed mill-objettivi strateġiċi (Objective 6) kien li jsir ristrutturar fil-Malta Police Force bil-għan li jkun hemm struttura organizzata fejn ir-riżorsi jkunu użati tajjeb u iktar effiċjenti, u peress li ntqal ukoll li jrid ikun hemm strateġija ċara biex ma jkunx hemm xogħol doppju bejn il-units, jista’ l-Ministru jgħid jekk din l-istrateġija fit-tqassim ta’ riżorsi saritx fi ħdan il-Korp tal-Pulizija? Jekk saret, jista’ jispjega jekk meta jkun hemm omiċidju, pereżempju, jirrikorrux fuq il-lok tad-delitt pulizija tad-Distrett, tal-RIU u tal-Iskwadra kontra l-Omiċidji?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi l-istrateġija ta’ trasformazzjoni fi ħdan il-Korp tal-Pulizija tħabbret fis-sena 2020 bil-għan li tiġi implimentata fuq ħames snin. Sal-lum, jiġifieri sentejn wara, diġà ġew indirizzati u implimentati diversi miżuri minn dawk imħabbra. F’dan il-perjodu l-Korp diġà rnexxielu jikseb diversi riżultati pożittivi fosthom bil-kriminalità tonqos, il-poplu li qed jirċievi servizz aħjar, u mhux anqas billi anke kif indikat mill-istħarriġ tal-Ewrobarometru, il-Korp kompla jkabbar il-fiduċja tal-poplu.
Dwar l-għan numru sitta tal-istrateġija, u specifikament ir-ristrutturar tal-korp, b’tali mod li jkun hemm l-użu effiċjenti tar-riżorsi, il-Korp huwa kommess li fejn jiġu identifikati oqsma, li minħabba li jkunu ġestiti minn dipartiment varji u joħolqu ċerti ineffiċjenzi, jirristrutturahom b’tali mod li dak il-qasam isir aktar kompetenti taħt dipartiment wieħed. Bħala eżempju hemm il-każ tat-taqsima tal-Gender Based Domestic Violence Unit (GBDV), fejn lejn l-aħħar tas-sena 2020, wara li ġie identifikat overlap estensiv fix-xogħol bejn dipartimenti varji, ġiet imwaqqfa din il-taqsima, u llum hi f'pożizzjoni li tieħu ħsieb reati sensittivi u ta’ natura delikata, li jaqgħu kollha taħtha. L-istess ristrutturar sar fejn jidħlu rapporti ta’ frodi permezz ta' mezzi diġitali, fejn illum il-Korp iħaddan taqsima speċjalizzata li tiffoka biss fuq reati ta’ Online Fraud. Eżempju ieħor huwa t-twaqqif u t-twessigħ tal-community policing li l-aktar tiffoka fuq il-prevenzjoni tal-kriminalita. Is-Cyber Crime Unit (CCU), ukoll huwa dipartiment li fiħ assorba element qawwi ta’ xogħol relatat ma' rapporti ta’ użu ħażin ta’ mezzi diġitali, u rapporti dwar reati li jsiru permezz tat-teknoloġija. Dan isir mhux biss b’assistenza fil-ġbir ta’ evidenza, iżda b'involviment fi stadju investigattiv ukoll. Madanakollu, il-prassi li ċertu każijiet jgħaddu għand taqsimiet speċjalizzati tibqa essenzjali fl-operat tal-Korp tal-Pulizija. Bhala eżempju, f'każijiet ta’ mwiet suspettużi, il-first responders jibqgħu il-Pulizija tad-Distrett li jkunu assistiti minn dawk tar-Rapid Intervention Unit, u eventwalment fi stadju ta’ investigazzjoni meta l-każ hekk jitlob, jiġu involuti wkoll l-uffiċjali mid-dipartiment speċjalizzat relatat, u ċjoè dak tal-omiċidji. Fl-aħħar mill-aħħar jidher, illi qed jintlaħaq l-għan ewlieni ta’ din l-inizjattiva.
Korp tal-Pulizija – Malta Police Transformation Strategy 2020-2025 – Supervisors
Question
Peress li fil-Malta Police Transformation Strategy 2020-2025 intqal li wieħed mill-objettivi strateġiċi (Objective 6) kien li ser jinħatru numru ta’ supervisors li jkunu responsabbli fuq pulizija “junior” u b’hekk tiżdied l-effiċjenza u l-koordinazjoni bejn il-units fil-Malta Police Force, jista’ l-Ministru jgħid kemm inħatru minn dawn is-supervisors u x’inhuma l-kriterji biex jinħatru u kif tinħadem din is-sistema ta’ superviżjoni ?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi l-istrateġija ta’ trasformazzjoni fi ħdan il-Korp tal-Pulizija tħabbret fis-sena 2020 bil-għan li tiġi implimentata fuq ħames snin. Sal-lum, jiġifieri sentejn wara, diġà ġew indirizzati u implimentati diversi miżuri minn dawk imħabbra. F’dan il-perjodu l-Korp diġà rnexxielu jikseb diversi riżultati pożittivi fosthom bil-kriminalità tonqos, il-poplu li qed jirċievi servizz aħjar, u mhux anqas billi anke kif indikat mill-istħarriġ tal-Ewrobarometru, il-Korp kompla jkabbar il-fiduċja tal-poplu.
Dwar l-għan numru 6 tal-istrateġija, it-terminu użat huwa Mentors u dawn jiffurmaw parti mill-Mentorship Program li l-Korp tal-Pulizija ilu jħaddan minn Frar tat-2021. Dawn l-uffiċjali jintgħażlu abbażi ta’ sejħa għall-aplikazzjoni, fejn waħda mir-rekwiżiti hija li jkunu fir-Rank ta’ Surġent jew Kuntistabbli Anzjan, ċjoè Kuntistabbli b’mill-inqas tnax-il sena servizz. Il-Proċess tal-għażla jsir abbażi ta’ intervista, fejn jekk l-applikant jgħaddi jingħata kors ta’ taħriġ li miegħu hemm marbut valutazzjoni abbażi ta’ żewġ eżamijiet tal-kitba. Is-sistema titħaddem billi kuntistabbli ġdid li għadu ħiereġ mill-Akkademja wara kors akkreditat ta’ sitt xhur jiġi għall-ewwel sentejn assenjat jagħmel xogħol ġewwa għassa jew fil-komunità ma’ wieħed minn dawn il-Mentors Kwalifikati. Il-kuntistabbli jiġi assessjat tul il-perjodu ta’ prova ta’ sentejn tiegħu. Il-Mentor ikun qed jagħti attenzjoni individwali lill-kuntistabbli fuq żewġ binarji, dak prattiku ‘on the job’, kif ukoll permezz ta’ sessjonijiet kunfidenzjali biex jiġu diskussi s-saħħiet u nuqqasijiet tal-istess kuntistabbli. Flimkien il-mentor u l-kuntistabbli tiegħu jifformulaw pjan ta’ taħriġ fattwali fix-xogħol li jinqala' minn jum għal jum. Il-Mentor huwa responsabbli li jirrapporta l-evalwazzjoni tiegħu perjodikament biex b’hekk isir monitoraġġ tal-andament tal-kuntistabbli l-ġdid. Permezz ta’ din is-sistema, mhux biss qed naraw li qed jingħata taħriġ u gwida kostantament, iżda qed issir analiżi kontinwa fuq l-attitudnijiet u l-karattri tal-istess uffiċjali ġodda. Din tista' twassal biex saħħiet u nuqqasijiet jiġu identifikati fi stadju bikri u jsiru l-emendi neċessarji.
Korp tal-Pulizija – Malta Police Transformation Strategy 2020-2025 – Business Continuity Plan
Question
Peress li fil-Malta Police Transformation Strategy 2020-2025 intqal li wieħed mill-objettivi strateġiċi (Objective 6) kien li jkun żviluppat il-“Business Continuity Plan” (BCP) biex kull membru tal-pulizija jkollu gwida u direzzjoni ċara ta’ kif il-Korp jitmexxa u b’hekk il-Korp ma jibqax jiddependi fuq numru żgħir ta’ individwi, jista’ l-Ministru jgħid jekk dan il-BCP sarx u jekk iva, meta sar?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi l-istrateġija ta’ trasformazzjoni fi ħdan il-Korp tal-Pulizija, tħabbret fis-sena 2020 bil-għan li tiġi implimentata fuq ħames snin. Sal-lum, jiġifieri sentejn wara, diġà ġew indirizzati u implimentati diversi miżuri minn dawk imħabbra. F’dan il-perjodu l-Korp diġà rnexxielu jikseb diversi riżultati pożittivi fosthom bil-kriminalità tonqos, il-poplu li qed jirċievi servizz aħjar, u mhux anqas billi anke kif indikat mill-istħarriġ tal-Ewrobarometru, il-Korp kompla jkabbar il-fiduċja tal-poplu.
Kif jindika t-titlu tal-Istrateġija tat-Trasformazzjoni, din intenzjonata li tiġi attwata fuq firxa ta’ żmienu twassal sas-sena 2025. Kif ġie rapportat f’okkażjonijiet oħra, diġà sar ħafna xogħol fejn tidħol l-implimentazzjoni ta’ din l-istrateġija. Fejn jirrigwarda l-għan strateġiku 6, speċifikament li jiġi żviluppat il-“Business Continuity Plan” (BCP), il-Korp fil-preżent għaddej b’attività preparatorja bil-għan li jiġi kompilat dan il-pjan.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm-il pazjent jiġi kkurat fl-Imtarfa Mental Health Clinic, kemm hemm ħaddiema u f’liema grad jaħdmu?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fl-Imtarfa Mental Health Clinic jiġu kkurati 1695 pazjenti u ħaddiema hemm skont it-tabella t'hawn taħt:
Nurses
1 charge nurse (full time)
2 senior staff nurses (full time)
1 psychiatric nurse (full time)
1 staff nurse (part-time)
Carers
1 senior carer (full-time)
1 carer (3 day week)
Psychologists
1 Warranted pscyhologist (full time)
1 Psychology practitioner (full time)
1 Psychology Assistant (full time )
Occupational therapists
2 occupational therapists (assigned few hours)
1 Occupational Therapist (16 hours)
Social worker
1 social worker (full-time)
Doctors
One Consultant (twice a week)
Once Consultant (Once a week)
Two Resident Specialists (3 times a week)
Two BST (3 times a week)
One doctor in Staff Grade (full time)
Servizz ta’ trasport pubbliku mill-Buskett għal Ħad-Dingli
Question
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-karozza tal-linja li biha jinqdew residenti li jgħixu l-Buskett biex jaċċessaw Ħad-Dingli spiċċat ma taħdimx b’mod frekwenti u/jew ma taħdem xejn?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta wettqet investigazzjoni fuq ir-rotta 181 permezz tad-data miġbura permezz tal-GPS li hemm fuq kull karrozza tal-linja. Jirriżulta li fil-kampjun li ntgħażel (bejn l-4 u l-11 ta’ Novembru 2022) l-affidabilità ta’ din ir-rotta kienet ta 98%. Infurmat ukoll li kien hemm tliet każijiet fejn id-data qiegħda tindika li seta kien hemm devjazzjoni mir-rotta stabbilità. Transport Malta qiegħda tinvestiga dawn il-każi.