Legislature:
Category:
Reset
Active:

Korp tal-Pulizija – Malta Police Transformation Strategy 2020-2025 – competency framework

Question

Peress li fil-Malta Police Transformation Strategy 2020-2025 intqal li wieħed mill-objettivi strateġiċi (Objective 7) kien li l-Malta Police Force trid tagħmel “competency framework” bil-għan li tistabbilixxi għodda li tgħin fir-reklutaġġ, it-taħriġ u l-performance ta’ kull membru fil-Korp, jista’ l-Ministru jgħid jekk dan il-performance management framework huwiex fis-seħħ u jekk iva, intużax fil-promozzjonijiet li saru fil-Korp dawn l-aħħar snin? Jekk jeżisti dan il-competency framework, jista' jpoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li dwar l-għan numru sebgħa tal-istrateġija, b’referenza partikolari għall-competency framework, fl-aħħar ġimgħat il-Korp kien iffukat fuq dan l-eżerċizzju b’assistenza mir-Renju Unit u fil-ġejjieni ser ikun qed jippubblika Competency Value Framework li ġie mħejji wara diskussjonijiet interni mad-diversi partijiet interessati, inkluż il-unions.

Korp tal-Pulizija – Malta Police Transformation Strategy 2020-2025 – exchange programmes

Question

Peress li fil-Malta Police Transformation Strategy 2020-2025 intqal li wieħed mill-objettivi strateġiċi (Objective 7) kien li jintgħażlu membri mill-Malta Police Force biex jieħdu sehem f’exchange programmes, jista’ l-Ministru jgħid jekk marrux pulizija f’dawn l-exchange programmes? Jekk iva, kemm minnhom saru u fejn marru?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li l-għan numru seba’ jenfasizza l-element ta’ skambju bejn il-Korp tal-Pulizja ta’ Malta ma’ aġenziji tal-infurzar tal-liġi oħra barranin. Bl-affiljazzjoni tal-korp mal-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija (CEPOL) fis-sena 2021, intbagħtu total ta’ ħames (5) membri ma’ din l-aġenzija Ewropeja. F’Settembru tas-sena 2021, erba’ (4) uffiċjali pparteċipaw fi skambju ġewwa il-Georġja li kien ffukat fuq Teknoloġija Forensika għall-Infurżar tal-Liġi, filwaqt li f’Novembru 2021 uffiċjal ieħor ipparteċipa fi skambju ġewwa l-Italja, li kien iffukat fuq il-Koperazzjoni Internazzjonali. Sal-lum din is-sena, il-korp laqa’ sbatax-il applikazzjoni għal tali skambji, li minnhom is-CEPOL għażlet tlett (3) membri biex jippareteċipaw fi skambju. Dawn l-uffiċjali, individwalment marru l-Irlanda u l-Bosnia f’Awwissu ta’ din is-sena, u r-Rumanija f’Settembru, din is-sena wkoll. It-temi ta’ speċjalizazzjoni kienu il-Kriminalità Organizzata f’reati kulturali u ta’ proprjetà, l-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjoni, kif ukoll metodi ta’ Data & Intelligence Collection u kooperazzjonijiet bejn aġenziji tal-infurzar tal-liġi. Fi skambju ieħor f’April din is-sena, indipendentiment minn dawk organizzati mis-CEPOL, il-Pulizija ta’ Malta pparteċipat f’Tactical Workshop, organizzat mil-GIS – Carabinieri f’Livorno l-Italja. Għal dan li skambju, il-Korp bagħat ħames membri mill-iSpecial Intervention Unit (SIU). Opportunitajiet għall-parteċipazzjoni fi programmi simili huma kontinwi u l-Korp huwa kommess li jibqa’ għaddej b’tali skambji.

Korp tal-Pulizija – Malta Police Transformation Strategy 2020-2025 – recruitment

Question

Peress li fil-Malta Police Transformation Strategy 2020-2025 intqal li wieħed mill-objettivi strateġiċi (Objective 7) kien li jinbidel ir-recruitment u l-għażla finali ta’ persuni biex jidħu fil-Korp, jista’ l-Ministru jgħid jekk dan il-proċess bediex u xi nbidel?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li rigward l-għan 7 tal-istrateġija u l-inizjattivi relatati mal-ingaġġ ta’ kuntistablijiet ġodda, il-proċess tal-għażla bħalissa jinkludi numru ta’ stadji li jrid jgħaddi minnhom l-applikant. Il-proċess jibda billi l-applikant jissottometti l-applikazzjoni flimkien mal-evidenza tal-kwalifiċi tiegħu, fuq il-portal tal-gvern. Sussegwentement isir l-ewwel eżami mediku li jiġi segwit minn eżami tal-abilta’ fiżika. Wara jsir eżami mediku aktar dettaljat li finalment iwassal għall-intervista tal-applikant minn bord imwaqqaf apposta. Dwar il-kriterji ta’ eliġibilta’, tneħħiet ir-restrizzjoni tat-tul, sar tibdil fl-eta’ massima tal-applikant, li mill-eta ta’ tletin sena telgħet għal disa’ u tletin sena. Sar ukoll tibdil minimu fuq livell akademiku għall-kwalifiċi fil-livell ta’ MQF 3 (O’Levels), fejn minn grad 6 jew D, il-livell mitlub issa huwa dak ta’ Grad 5 jew C. Dwar tal-miżuri relatati mal-ugwaljanza, tneħħew ukoll id-diskrepanzi fl-assessjar abbażi tal-ġeneru, fejn anke it-test fiżiku issa huwa wieħed ġeneriku b’livell ugwali rikjest minn kulħadd.

Siġġiewi – xogħol ta’ restawr taz-zuntier tal-Knisja Parrokkjali – allokazzjoni ta’ fondi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm fondi allokati għall-proġett ta’ riġenerazzjoni u restawr taz-zuntier tal-Knisja Parrokkjali tas-Siġġiewi?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’riferenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 4169 din għandha tiġi riferuta lill-Ministeru kkonċernat.

Università ta’ Malta – studenti li komplew bil-kors ta’ Masters

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ studenti fl-Università ta’ Malta li qed ikomplu kors ta’ Masters eżatt wara li temmew b’suċċess il-kors ta’ baċellerat? Kemm minn dawn jieħdu jew ħadu xi forma ta’ grant jew stipendju?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’kollox hemm 1,223 student li jattendu kors fil-livell ta’ Masters. L-istudenti li jibbenefikaw mill-istipendju hu skont l-artikolu 13(ċ) tal-leġiżlazzjoni (SL.605.06).

Persuni b’ċittadinanza barranija impjegati mal-amministrazzjoni pubblika

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna b’ċittadinanza barranija hija impjegata mal-amministrazzjoni pubblika (servizz pubbliku, korporazzjonijiet pubbliċi, aġenziji u settur pubbliku)?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba mogħtija fil-PQ 3130.

Reati mwettqa fuq turisti f’Malta

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra n-numru ta’ reati mwettqa fuq turisti f’Malta matul dawn l-aħħar għaxar snin maqsuma sena b’sena?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif kif mitlub mill-Onor. Interpellant ma jistax jinġabar. Is-sistema tal-Pulizija fiha t-tagħrif dwar Maltin u barranin vittmi ta’ reati, izda mhux reati fejn il-vittmi kienu turisti.

Mosta — żona magħrufa Tad-Dib – plots tal-HOS – każijiet pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jagħti indikazzjoni dwar meta se jissolvew każijiet pendenti ta’ residenti fil-plots tal-Home Ownership Schemes fil-Mosta, partikolarment fiż-żona magħrufa bħala Tad-Dib?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fiż-żona tad-Dib fil-Mosta, għad hemm każ pendenti quddiem il-Bord tal-Arbitraġġ dwar l-Artijiet u għaldaqstant l-akkwist tal-art f’dik iż-żona ma jistax jiġi ffinalizzat qabel ma jitlestew dawn il-proċeduri.

Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir — pjan

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 2053, 3729 u 4035 u jelenka l-istakeholders u/jew NGOs li ġew ikkonsultati għall-pjan ta' Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir ta' 76 paġna? Dawn kienu jinkludu xi wħud mill-istakeholders preżenti li qed jokkupaw il-port?

Response (FARRUGIA, AARON)

Il-pjan tagħna biex jiġi riġenerat il-port il-kbir huwa wieħed ‘ħaj’ u kontinwu, li se jgħolli l-livell tal-Port il-Kbir biex isir ċentru ta' attivita ekonomika, soċjali u kulturali. Dan jinkludi numru ta' proġetti li l-entitajiet li jaqgħu taħt il-ministeru qegħdin iwettqu jew qed jipjanaw li jwettqu. Fl-aħħar xhur saru diversi laqgħat mal-shipowners f'dawn l-inħawi. L-entitajiet ukoll għaddejin b'diskussjonijiet diversi. Dwar id-dokument li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant, infurmat li dan ukoll ġie ppreparat abbażi ta’ konsultazzjoni.

Uffiċjali tal-Korpi Dixxiplinati – servizz wara l-25 sena

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3874, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid meta se tkun qiegħda tidħol fis-seħħ jew tal-inqas sa meta se tidħol fis-seħħ, il-miżura li l-uffiċjali tal-korpi dixxiplinati li jkomplu jagħtu servizz tagħhom wara li jkunu taw 25 sena ta' servizz, u jistgħu jtejbu l-pensjoni tagħhom bi 23% wara erba' snin ta' servizz addizzjonali?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Din hija miżura mwegħda fil-Manifest Elettorali, u ġiet inkluża sa mill-ewwel budget sabiex minnha jgawdu l-ħaddiema tal-Korpi Dixxiplinati. Dan wara li kien dan il-Gvern li lill-Korpi Dixxiplinati tagħhom ftehim kollettiv b'kundizzjonijiet u drittijiet aħjar. Din il-miżura ser tkun implimentata matul is-sena 2023 hekk kif provdut fil-budget għas-sena 2023.

Awtorità Maltija għat-Turiżmu — Arretrati ta' liċenzji ta' operaturi turistiċi

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 574, 1842, 2466, 2817, 3157 u 3718 u jgħid l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu kemm għandha arretrati x’tiġbor f’liċenzji minn operaturi turistiċi mill-2013 sal-lum, maqsuma sena b’sena?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4032.

Liċenzja tal-Kategoriji A, B, C – logħob tan-nar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslu l-preparamenti meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jsiru korsijiet għal-liċenzji tal-Kategoriji A, B u C fix-xogħol tal-logħob tan-nar?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi matul din is-sena saru l-korsijiet tal-liċenzja Kategorija ‘A’, li ġew fi tmiemhom. Saru wkoll l-eżamijiet u re-sits relatati. Huwa mistenni li matul is-sena 2023 jsiru l-korsijiet tal-liċenzja Kategorija ‘B’ (refreshers), u bħalissa għaddejjin l-preparamenti neċessarji u previst li jsiru l-korsijiet għall-applikanti għall-liċenzja Kategorija ‘C’ ukoll. Tajjeb li nsemmu li nħatar working group sabiex jirrevedi l-metodu ta' kif isiru l-eżamijiet.

Stazzjonijiet lokali Free-to-air

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn persuni f’Malta u Għawdex u n-numru ta’ households, indikati skont il-lokalità, li għadhom jagħmlu użu minn aerial biex jaraw l-istazzjonijiet lokali free-to-air? Jista’ jgħid jekk il-Gvern hux se jwaqqaf dan is-servizz tal-istazzjonijiet televiżivi free-to-air?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Tal-linja — tracking

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3309, peress illi l-karozzi tal-linja kollha għandhom sistema ta’ GPS li turi l-pożizzjoni tagħhom f’ħin reali waqt li jkunu qed joperaw, jista’ l-Ministru jgħid għalfejn il-location f’ħin reali ma tintweriex fuq il-mappa b’mod viżwali u tiġi aġġornata kull ftit sekondi, l-istess bħal kif jagħmlu fuq applications ta’ taxis kummerċjali u pjattaformi diġitali għall-konsenja?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant l, bħalma spjegajt fir-risposta għall-mistoqsija Parlamentari 3309, bħalissa l-informazzjoni fuq l-app tiġi aġġornata b’mod frekwenti, waqt li l-operatur tat-trasport pubbliku wkoll se jkun qed jaġġorna s-sistema.

Ċimiterju tal-Annimali

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3100 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2479, jista’ l-Ministru jgħid f’liema sena tal-leġiżlatura huwa previst li jitlesta u jibda jopera ċ-Ċimiterju tal-Annimali? Peress li mill-informazzjoni li ngħatat fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 572 kien ippjanat li dan jitlesta sal-aħħar tas-sena 2022, jista’ jgħid jekk hemmx xi dewmien f’dan il-proġett? Jekk iva, jista’ jispjega r-raġuni għal dan id-dewmien?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li, ladarba l-proġett qed jitwiegħed fil-manifest elettorali li se jkun qed isir f’din il-leġiżlatura, allura nserrħilha rasha li se jitwettaq. Aktar dettalji jkunu jistgħu jitħabbru ’l quddiem.

Sussidji fuq l-enerġija

Question

Jista' l-Ministru jagħti spjegazzjoni dettaljata ta’ kif qed jintefqu l-miljuni f’sussidji fuq l-enerġija? Jista’ jagħti break down u jinkludi d-dettalji pertinenti dwar dan għas-snin 2022 u 2023?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Sussidji fuq l-enerġija

Question

Tista' l-Ministru tagħti spjegazzjoni dettaljata ta’ kif qed jintefqu l-miljuni f’sussidji fuq l-enerġija? Tista’ tagħti break down u tinkludi d-dettalji pertinenti dwar dan għas-snin 2022 u 2023?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f'seduta oħra.

Ħal Qormi — Triq id-Deheb Fin - culverts ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jitlesta x-xogħol ta’ culverts ġodda fi Triq id-Deheb Fin, Ħal Qormi?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi li x-xogħlijiet li qed jagħmel referenza għalihom tkomplew minn nhar it-Tnejn 21 ta’ Novembru 2022.

Ħal Qormi – Triq id-Deheb Fin – culverts ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jitlesta x-xogħol ta’ culverts ġodda fi Triq id-Deheb Fin, Ħal Qormi?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’riferenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 4276 din għandha tiġi riferuta lill-Ministeru kkonċernat.