Legislature:
Category:
Reset
Active:

Staff Awards

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġiet tiswa, kull sena mill-2019 sal-aħħar li saret, l-Istaff Awards night tal-Active Aging?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni dwar in-nefqa tal-Istaff Awards Night tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Investigazzjoni fir-reklutaġġ tal-Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux qiegħda ssir investigazzjoni fir-reklutaġġ ta' Pulizija li m’għaddewx mill-eżami tal-Korp u nħatru pulizija u kemm kien hemm minn dawn il-każijiet?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Filwaqt li l-Onor. Interpellant telaq minn premessa ħażina għax l-ebda rekluta ma' jidħol fil-Korp mingħajr eżamijiet, irid jingħad li wara konsultazzjoni mal-Awtorità ta' Malta għall-Edukazzjoni Avvanżata u Ogħla u bl-approvazzjoni tal-Bord tal-Akkademja tal-Bord Dixxiplinat, ġie maqbul u mwaqqaf proċess ta' resit u 2nd resit. Għal dan il-proċess kien hemm 182 rekluta li għamlu l-ewwel resit f’xi suġġett jew ieħor u 5 li għamlu s-2nd resit f’xi suġġett jew ieħor.

Operazzjonijiet tal-katarretti

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm nies jistennew biex jagħmlu l-operazzjoni tal-katarretti u jekk hux veru li twaqqfu xi operazzjonijiet?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-operazzjonijiet tal-katarretti f’Mater Dei qegħdin isiru, waqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta tal-mistoqsija Parlamentari numru 3170.

Ministeru għal Għawdex – toroq – ħitan tas-sejjieħ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma t-toroq (isem tat-triq u r-raħal) ġewwa Għawdex li l-Ministeru għal Għawdex applika għalihom biex il-ħitan tas-sejjieħ jinbnew mill-ġdid? Jista’ jgħid liema toroq ġew aċċettati u liema ma ġewx aċċettati biex isiru matul is-snin 2022 u 2023 mill-programm 'Rural Development Programme 2014-2020 Measure 4.3 - European Agricultural Fund for Rural Development'? Jista’ jgħid ukoll kemm se jingħata flus il-Ministeru għal Għawdex minn dan il-fond għal dawn it-toroq biex il-ħitan tas-sejjieħ jinbnew mill-ġdid?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ toroq ġewwa Għawdex, li applika għalihom il-Ministeru għal Għawdex, biex il-ħitan tas-sejjieħ jinbnew mill-ġdid, ninforma lill-Onor. Interpellant li ebda sit/triq ma ġew miċħuda fl-istadju tal-applikazzjoni. L-allokazzjoni għal dawn ix-xogħlijiet jammonta għal €10,207,863.56.

Ta’ Xħajma — Korsa taż-Żwiemel – twaqqigħ ta’ stallel

Question

B'referenza għax-xogħlijiet ta' twaqqigħ ta' numru ta' stallel taż-żwiemel fil-Korsa taż-Żwiemel f'Ta’ Xħajma, minħabba li ngħad li kienu f'qagħda perikoluża li iżda sal-ġurnata qabel twaqqgħu kienu għadhom qed jintużaw mis-sidien taż-żwiemel biex fihom ipoġġu ż-żwiemel tagħhom qabel u wara t-tiġrijiet, jista' l-Ministru jgħid dan ix-xogħol kienx kopert bil-permessi tal-Awtorità tal-Ippjanar permezz ta’ applikazzjoni ta' Dangerous Structures (DS) u jekk iva, iqiegħed kopja ta' dan il-permess fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista' jgħid min għamel dan ix-xogħol ta' twaqqigħ, kif intgħażel u kemm ġie jiswa?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Animal Welfare Gozo – Persuna assenjata

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsijiet parlamentari 2811, 3428 u 3643 jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija kollha u jgħid min hi l-persuna li tpoġġiet tmexxi din it-taqsima u xi kwalifiċi għandha? Jista' jgħid ma’ liema dipartiment suppost hija impjegata din il-persuna? Jista' jgħid b'mod speċifiku kemm hemm Animal Welfare Officers f'din it-taqsima? Jista' jgħid it-tliet ħaddiema klerikali li hemm f' din it-taqsima xi grad għandhom?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġibiet li tajt fil-mistoqsijiet parlamentari bin-numri 2811, 3428 u 3643.

Mġarr, Marsalforn u x-Xlendi, Għawdex – “Tender for the management (service of tradesmen operators) of the fishers' facilities”

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 3634, rigward is-sejħa li ħareġ il-Ministeru tiegħu f’dawn l-aħħar ġimgħat “Tender for the management (service of tradesmen operators) of the fishers' facilities situated at Mġarr, Marsalforn and Xlendi, Gozo” jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija intera (kollha kemm hi) u jinforma lill-Kamra u jgħid ukoll min kien qed joffri dan is-servizz, sena b'sena, f'dawn l-aħħar ħames snin u kemm kienet l-ispiża, sena b'sena, f'dawn l-aħħar ħames snin?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din it-tender ħarġet għall-ewwel darba nhar id-9 ta’ Lulju 2022 u għalqet fit-8 ta’ Awwissu 2022. Għal din it-tender ma ġiet sottomessa l-ebda offerta. Sussegwentement din it-tender reġgħet ħarġet fid-29 ta’ Settembru 2022 u għalqet nhar l-1 ta’ Novembru 2022. Għal din is-sejħa għall-offerti ġew sottomessi tlett offerti. Bħalissa il-proċess qiegħed fi stadju ta’ evalwazzjoni.

Għawdex – Servizz Pubbliku – xogħol ta’ back office

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema back office ġdid tas-Servizz Pubbliku nġab f’Għawdex matul is-snin 2021 u 2022? Kemm hemm ħaddiema jaħdmu f’dan ix-xogħol ġdid ta’ back office f’Għawdex u minn fejn qed joperaw? Kemm minn dawn il-ħaddiema kienu jaħdmu f’Malta sa meta nġab dan ix-xogħol f’Għawdex u issa, per konsegwenza ta’ dan ix-xogħol, bdew jaħdmu f’Għawdex? X’inhu l-grad ta’ dawn il-ħaddiema? Minn fejn qed isir dan ix-xogħol ta’ back office ġdid f’Għawdex?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru qed ikompli bil-ħidma biex iħeġġeġ u jgħin Ministeri u Entitajiet jespandu l-operat eżistenti tagħhom jew jintroduċu servizzi ġodda li jingħataw minn Għawdex kemm fil-Back Office kif ukoll fil-Front Office. Wara s-suċċess li kellna bil-ftuħ tal-uffiċċji tal-MCCAA, MFSA u CPSU, bħalissa qed issir ħidma biex l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-Aġenzija tar-Reġistru tal-Artijiet u d-Dipartiment tad-Dwana jingħataw uffiċċji akbar u jkunu jistgħu jkabbru l-operat tagħhom f’Għawdex. Qed issir ukoll ħidma biex fil-ġimgħat li ġejjin tinfetaħ id-Dental Teaching Clinic. Dan kollu qed isir biex jinħolqu opportunitajiet ġodda ta’ xogħol ta’ kwalità f’Għawdex.

Ta’ Giorni housing estate – lifts

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm liftijiet ser ikunu mqiegħda u f’liema binijiet ġewwa l-housing estate ta’ Ta’ Giorni matul l-2023?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fis-sena 2023 ser tkun qed titkompla l-ħidma fuq sitt applikazzjonijiet ta’ installazzjoni ta’ lifts fil-Housing Estate Ta’ Giorni.

Awtorità tad-Djar — bord tal-allokazzjonijiet - membri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-bord tal-allokazzjonijiet tal-postijiet tal-Gvern ġewwa l-Awtorità tad-Djar? Jista’ jgħid kemm-il darba ltaqgħu matul din is-sena u kemm dawn jitħallsu?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-membri tal-bord tal-allokazzjonijiet tal-postijiet tal-Gvern ġewwa l-Awtorità tad-Djar iltaqgħu 26 darba matul is-sena 2022. Il-membri jitħallsu €75 għal kull laqgħa.

Diskors tal-Baġit 2023 — reklamazzjoni tal-art

Question

Fid-dawl li fid-Diskors tal-Baġit 2023 il-Ministru għall-Finanzi f’paġna 74 tkellem dwar reklamazzjoni tal-art, jista’ l-Ministru jgħid fejn u/jew f’liema parti ta’ Malta ser isir dan l-istudju biex ikun hemm reklamazzjoni tal-art? Jista’ l-Ministru jgħid ma’ liema stakeholders huwa biħsiebu li jikkonsulta?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Diskors tal-Baġit 2023 – diskussjoni biex servizzi jingħataw wara d-9.00 a.m.

Question

Peress li fid-Diskors tal-Baġit 2023 il-Ministru għall-Finanzi f’paġna 75 qal li “niftħu diskussjoni wiesgħa mal-istakeholders konċernati biex numru ta’ servizzi fit-toroq tagħna ma jingħatawx qabel id-9.00 a.m.”, jista’ l-Ministru jgħid min huma dawn l-istakeholders? Huwa konxju li din kienet miżura li fil-passat kienet tneħħiet mill-Gvern preżenti?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma l-Onor. Interpellant li l-istakeholders huma s-service providers stess u l-entitajiet li jirrapreżentawhom fil-fora tal-pajjż, inkluż l-imsieħba soċjali.

Pembroke/Baħar iċ-Ċagħaq – pjanijiet għall-White Rocks

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-pjanijiet għal dak li kien jissejjaħ ‘White Rocks’ ġewwa Pembroke/Baħar iċ-Ċagħaq?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’riferenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 3865 din għandha tiġi riferuta lill-Ministeru konċernat.

Mina mis-Swieqi/Pembroke għal Paceville

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju wasal il-proġett tal-mina taħt l-art mis-Swieqi/Pembroke għal Paceville li kienet marbuta bħala kundizzjoni għall-ħruġ tal-permessi għall-bini ta’ lukanda/żvilupp massiv ġewwa Paceville?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għadhom qegħdin isiru studji fuq proposti preliminari għal Triq Sant’Andrija biex jiġu analizzati soluzzjonijiet li jistgħu jkollhom impatt pożittiv fuq l-inħawi inkwistjoni.

Is-Sannat – Triq Sannat – Road markings

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3646 rigward Triq Sannat, it-triq prinċipali li twassal għar-raħal Ta’ Sannat, fejn issa għaddew iktar minn sentejn u għadhom ma sarux is-sinjal tan-nofs tat-triq biż-żebgħa li tifred karreġġjata minn oħra, u għalhekk hemm periklu kbir f'din l-imsemmija triq, jista’ l-Ministru jgħid min se jkun responsabbli għal dawn in-nuqqasijiet serji li issa ilhom snin pendenti jekk iseħħu inċidenti f'din it-triq?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tajt direzzjoni sabiex jaraw li jkun hemm line markings temporanji sakemm issir il-pjazza.

Korp tal-Pulizija – Malta Police Transformation Strategy 2020-2025 – workforce plan

Question

Peress li fil-Malta Police Transformation Strategy 2020-2025 intqal li wieħed mill-objettivi strateġiċi (Objective 6) kien li ser jiġi żviluppat workforce plan fejn jiġi allokat in-numru tal-pulizija meħtieġ f’kull qasam fil-Korp, jista’ l-Ministru jgħid jekk dan il-pjan sarx? Jekk iva, jista’ jpoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li dwar l-għan numru sitta tal-istrateġija, speċifikament li l-Korp joħroġ b’workforce plan, irid jingħad li dan hu proċess li jeħtieg diversi stadji ta’ preparazzjoni. In-natura tal-ħtigijiet tal-Korp tal-Pulizja hija waħda ferm dinamika, li xi drabi anke titqies staġonali, fejn is-sitwazzjonijiet u ċ-ċirkostanzi jistgħu jiddettaw ħtiġijiet differenti min-normal, minn ħin għal-ieħor. F'kuntest ġenerali il-Korp għandu qafas tal-kompożizzjoni adekwata tad-diversi dipartimenti fi ħdanu u abbażi tagħhom jabbozza il-pjanijiet tar-rizorsi umani tiegħu. Dan japplika l-aktar għad-dipartimenti speċjalizzati fi ħdan il-Korp. Bħalissa, għaddej studju li għandu jwassal għal pjan strateġiku, partikolarment għad-distretti.

Korp tal-Pulizija – Malta Police Transformation Strategy 2020-2025 – pjan dwar diversità u inklużjoni

Question

Peress li fil-Malta Police Transformation Strategy 2020-2025 intqal li wieħed mill-objettivi strateġiċi (Objective 6) kien li ser jiżdied il-livell ta’ diversità u inklużjoni fil-Korp tal-Pulizija biex ikun hemm rappreżentanza tajba mis-soċjetà Maltija, jista’ l-Ministru jgħid jekk dan il-pjan sarx u jekk iva, kif qiegħed jiġi implimentat?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li dwar l-għan sitta tal-istrateġija rigward l-inizjattivi biex jissaħħaħ l-livell ta’ diversità u l-inklussività, il-proċess huwa kkoordinat mill-Equality and Diversity Working Group fil-Korp, ikkoordinat mid-Direttur tar-rizorsi umani u jinvolvi l-parteċipazzjoni taż-żewġ unjins li jirrappreżentaw membri tal-Korp. Fost l-inizjattivi li dan il-Working Group ħadem fuqhom, u li llum ġew implimentati, insibu l-Anti-Discrimination and Harassment Policy ippubblikata f’Jannar 2021 li l-iskop taghha hija li ssaħħaħ l-inklużjoni fil-Korp u tiġi eliminata kwalunkwe diskriminazzjoni u fastidju li membri tal-Korp jistgħu jesperjenzaw anke minħabba karatteristiċi partikolari tagħhom. F’dan il-kuntest, f’Marzu 2021 tneħħa il-gender marker fil-Korp, u ċioe ġiet eliminata id-differenza għar-referenza, billi it-terminoloġiji Woman Police Constable u Woman Police Sergeant tneħħew u ġew dawk newtrali għal-kull ġeneru ċioe Police Constable u Police Sergeant. B’dan il-mod tneħħiet l-ittra ‘W’ mid-denominazzjoni ta’ WPC u WPS, u ġew konsolidati in-numri wkoll tant li fejn qabel il-korp kellu d-denominzzjoni ta’ PC 1 u dik ta’ WPC 1 bħala żewġ membri differenti, illum Pulizija wieħed biss jista jġorr dak in-numru. Tneħħew ukoll dawk il-miżuri kollha li jiddistingwu bejn ġeneru u ieħor, fejn jidħlu rekwiżiti għall-applikazzjonijiet, sew dawk għal-rekluti ġodda, kif ukoll għal ċaqliq orizzontali minn dipartiment għall-ieħor. Bis-saħħa ta’ dan kull test u eżami li jsir fil-Korp huwa ta’ l-istess tip, irrispettiv mil-ġeneru tal-applikant. Kull forma ta’ nomenklatura li b’xi mod jew ieħor kienet tagħmel referenza għal ġeneru partikolari tneħħiet. Barra minn dan, frott tal-impenn tal-Korp f’dan is-settur, f’Jannar li ġej il-Korp ser ikun qed jintroduċi uniformijiet ġodda li ser ikunu gender-neutral. L-impenn tal-Korp f’dan il-qasam wassal sabiex, wara proċess rigoruż, f’Diċembru 2021, il-Kummisjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) iċċertifikat lill-Korp tal-Pulizija bl-Equality Mark. Dan hu premju prestiġġjuż li jirrikonoxxi lill-Korp tal-Pulizija bħala organizzazzjoni fejn il-valuri tagħha huma ibbażati fuq ir-rikonoxximent u l-promozzjoni tal-potenzjal tal-impjegati kollha, irrespettivitament mill-ġeneru.

Korp tal-Pulizija – Malta Police Transformation Strategy 2020-2025 – delegazzjoni ta' awtorità

Question

Peress li fil-Malta Police Transformation Strategy 2020-2025 intqal li wieħed mill-objettivi strateġiċi (Objective 6) kien li ser titħaddem skema fejn jibda jkun hemm delegazzjoni ta’ awtorità f’kull livell fil-Malta Police Force, jista’ l-Ministru jgħid eżattament dan xi jfisser? Jekk qed tintuża din is-sistema, jista’ l-Ministru jgħid kif qed tintuża?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li dwar l-għan numru sitta tal-istrateġija, partikolarment l-inizjattivi li jirrigwardaw id-delegazzjoni ta’ awtorità, il-Korp huwa kommess illi jara li d-deċiżjonijiet jittieħdu minn uffiċjali f’kull livell tal-ġerarkija tal-Korp, u mhux minn uffiċjali f’karigi għolja biss. Għaldaqstant, ġiet ikkonsolidata l-organizational chart tal-Korp, dokument pubbliku li jinżamm aġġornat kontinwament b’tibdiliet li jkunu jseħħu. Bis-saħħa ta’ dan id-dokument id-dipartimenti kollha tal-Korp jinżammu aġġornati fuq il-mandati tagħhom, kif ukoll tinżamm trasparenza fil-firxa ta’ kontroll tal-uffiċjali. Dan il-għan, ikompli jissaħħaħ permezz ta’ numru ta’ laqgħat li jsiru bejn l-uffiċjali, kemm dawk f’livell għoli bejniethom, bħal Senior Executive Meetings, u anke laqgħat ta’ uffiċjali għolja ma’ dawk ta’ taħthom. Dawn il-laqgħat jippermettu li jkun hemm komunikazzjoni kontinwa interna fuq l-operat, filwaqt li jiġu indirizzati punti partikolari li jinqalgħu minn żmien għall-żmien. Bis-saħħa ta’ dan, kull uffiċjal jinżamm aġġornat fuq dak li jkun mistenni minnu u d-deċiżjonijiet li dwarhom għandu jieħu azzjoni. B’hekk, il-Korp kontinwament jara li d-deċiżjonijiet qegħdin jittieħdu minn kull min hu fid-dover li jagħmel dan, filwaqt li jassigura li dawn jaslu għal konnoxxenza tal-kapijiet tad-dipartimenti.