Legislature:
Category:
Reset
Active:

Estimi Finanzjarji 2023 – informazzjoni dwar line item 7256

Question

Jista’ l-Ministru jagħti spjegazzjoni dettaljata dwar kif fl-Estimi Finanzjarji 2023, f’paġna 433, fl-appendiċi ‘Multi-year Projections of Capital Expenditure (excluding EU Funds) for items exceeding €5 million in 2023’, f’line item 7256 hemm miktub li għas-sena 2023 hemm allokat (stima) €11 miljun, iżda mbagħad il-Gvern innotifika lill-Kummissjoni Ewropea li lest jonfoq sa madwar €50 miljun bħala spiża kapitali għall-films barranin? Għalfejn din id-diskrepanza?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4362.

PBS – programm Love Island

Question

Peress li l-ispiża biex jittella’ l-programm Love Island tal-2006 fuq l-istazzjon ITV ġewwa l-Ingilterra, kienet ta’ £12 miljun, jista’ l-Ministru jgħid kif se jagħmel il-PBS biex isib fondi meta hu fatt magħruf li f’xahar (it-tul tal-programm) ma jistgħux jinġabru biżżejjed reklami biex ikopri spiża simili? Jista’ l-Ministru jassigura li flus il-poplu mhux se jintużaw għal dan it-tip ta’ programm, meta l-PBS ma kellux biżżejjed flus biex iżomm programmi bħal Xarabank u oħrajn?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba hija ta’ natura kunfidenzjali.

Għaqdiet Sportivi reġistrati mal-Kunsill Malti għall-Isports

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4177 u jagħti tagħrif dwar in-numru ta' għaqdiet sportivi li huma reġistrati mal-Kunsill Malti għall-Isports, lokalità b’lokalità? F'kull każ, f’liema dixxiplini sportivi huma attivi l-għaqdiet li huma reġistrati mal-Kunsill Malti għall-Isports?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Il-Mellieħa, l-Imġarr, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar – Benefiċċji Soċjali

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4178 u jgħid kemm huma l-persuni li jingħataw benefiċċji soċjali bħala single parents, fil-lokalitajiet tal-Mellieħa, l-Imġarr, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar, separatament għal kull lokalità? Jista' jgħid kemm hu t-total ta' persuni li jingħataw tali benefiċċju bħala single parents?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni mitluba minnha hija kif tidher fit-tabella t’hawn taħt: SINGLE PARENTS L-IMĠARR MELLIEĦA NAXXAR SAN PAWL IL-BAĦAR TOTAL SEPARATI DE FACTO 2 1 2 12 17 DIVORZJATI 1 0 1 3 5 LEGALMENT SEPARATI 2 3 13 38 56 XEBBA/GĦAŻEB 10 22 15 74 121 ARMEL/ARMLA 0 1 1 1 3 TOTAL 15 27 32 128 202

Eżamijiet jew assessments għal tfal bi bżonnijiet speċjali

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3903 rigward eżamijiet jew assessments għal tfal bi bżonnijiet speċjali, jista' l-Ministru jgħid jekk il-karta livellata hux se tkun standardizzata għal kull student?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Ta’ Qali – Pitkalija — investiment

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema investiment sar fil-Pitkalija ġewwa Ta' Qali, minn Jannar 2021 sal-ġurnata li qiegħda tiġi mwieġba din id-domanda parlamentari? Fiex kienu jikkonsistu x-xogħlijiet li saru? Liema xogħol ieħor hu mistenni li jsir matul is-sena d-dieħla, fl-istess pitkalija?

Response (REFALO, ANTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta li l-investimenti li saru fil- Pitkalija minn Jannar 2021 sal-lum huma dawn li ġejjin, installazjoni ta’ makkinarju ġdid, titjib ta’ faċilitajiet, titjib f’infrastruttura, titjib f’infrastruttura tal-IT u tagħmir ieħor. Għas-sena 2023 qed naħsbu li jsiru dawn l-investimenti bħal, makkinarju għall-ippakkjar tal-basal u l-patata (proċess ta’ klassifikazzjoni/gradazzjoni), provvista ġdida tan-netwerk għad-distribuzzjoni fl-istalls tal-Pitkalija, impjant tal-bojler fil-bini tal-ħasil tal-kannestri biex jitnaqqas il-konsum tal-elettriku, titjib fil-PMMS u applikazzjonijiet tal-Artificial Intelligence.

In-Naxxar – Sistemi tad-drenaġġ

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar liema partijiet tal-lokalità tan-Naxxar għandha s-sistema tad-drenaġġ tagħha mqabbda mas-sistema prinċipali li tgħaqqad is-sistema tad-drenaġġ? Tista’ tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra pjanti li juru liema partijiet minn din il-lokalità għandha s-sistema tad-drenaġġ ikkomunikata?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta tkun aktar speċifika fit-talba tagħha. Dak li qed jiġi mitlub jirrikjedi ammont konsiderevoli ta’ ħin biex l-informazzjoni tinġabar u tkun analizzata.

Il-Mellieħa – Sistemi tad-drenaġġ

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar liema partijiet tal-lokalità tal-Mellieħa għandha s-sistema tad-drenaġġ tagħha mqabbda mas-sistema prinċipali li tgħaqqad is-sistema tad-drenaġġ? Tista’ tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra pjanti li juru liema partijiet minn din il-lokalità għandha s-sistema tad-drenaġġ ikkomunikata?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta tkun aktar speċifika fit-talba tagħha. Dak li qed jiġi mitlub jirrikjedi ammont konsiderevoli ta’ ħin biex l-informazzjoni tinġabar u tkun analizzata.

Birżebbuġa – ftuħ ta’ berġa

Question

B' referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2992, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta se tinfetaħ berġa fil-lokalità ta' Birżebbuġa u fejn hi proposta li ssir għax fir-risposta tiegħu għall-mistoqsija parlamentari 2911 li għamel referenza għaliha f'din il-mistoqsija parlamentari, ma ġietx imwieġba?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari numru 2911.

Birżebbuġa – Proġett għar-Riġenerazzjoni tal-Impjant ta’ San Luċjan

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2991, tista’ l-Ministru tgħid meta se jinħareġ it-tender għall-iżmantellar tal-impjant eżistenti f'San Luċjan, meta dan l-impjant ser ikun żmantellat u konsegwentement meta jkun jista’ jibda x-xogħol fuq il-Proġett tas-Siċċa f'Birżebbuġa hekk kif kien ġie mħabbar ftit ġranet qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet?

Response (DALLI, MIRIAM)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija fil-PQ 2991 fejn hemm spjegat il-proċess li għaddej, ninsab infurmata li bħalissa għaddej il-proċess tat-tender relatat mal-ingaġġ tal-Project Managers u Health & Safety Project Supervision. Ġaladarba jkun aġġudikat it-tender, u tibda l-ħidma tal-project managers, isegwu l-preparamenti għat-tenders relatati mal-iżmantellar tal-impjant eżistenti f’San Luċjan. Infakkar li l-Outline Decommissioning Plan diġà huwa ppjanat, u maqbul mal-ERA.

Art barra ż-żoni ta’ żvilupp li hija proprjetà tal-Gvern

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2988, jista’ l-Ministru jgħid jekk mir-rekords li għandha l-Awtorità tal-Artijiet kemm mill-kirjiet li għandha ma’ individwi ta’ art agrikola tal-Gvern jew ex-knisja huma mikrijin lill-bdiewa full-timers u bdiewa part-timers?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għalkemm l-Awtorità tal Artijiet għandha r-rekords tagħha għal kull kirja li hija tagħti u dwar jekk art tkunx proprjetà tal-Gvern, Ex Knisja jew jekk din il-proprjetà tkunx mikrija jew le informazzjoni dwar jekk persuna tkunx irreġistrata bħala bidwi part-time jew full-time, ma tinżammx fi ħdan din l-Awtorità.

Art barra ż-żoni ta’ żvilupp li hija proprjetà tal-Gvern

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2988, jista’ l-Ministru jgħid mir-rekords li għandha l-Awtorità tal-Aritijiet, x'area ta' artijiet agrikoli kemm tal-Gvern u ex-Knisja qegħdin b'kirja lill-individwi?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità mhux qiegħda f’pożizzjoni li tipprovdi din l-informazzjoni għaliex is-sistema diġitali ma tippermettix tfittxija abbażi ta’ użu daqshekk preċiż u speċifiku tal-proprjetà.

Food Safety Agency – funzjoni

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2987, jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-funzjoni tal-Food Safety Agency? Kemm tħaddem nies magħha din l-Aġenzija?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sal-lum ma hemm imwaqqfa l-ebda Aġenzija għas-Sigurtà tal-Ikel, iżda Kummissjoni. Il-Food Safety Commission ġiet trasferita mill-MFH għall-Ministru li tiegħu jiena responsabbli f’April ta’ din is-sena, segwita minn pubblikazzjoni tal-Bord relevanti fil-Gazzetta tal-Gvern tas-26 ta’ Awwissu 2022. Il-funzjonijiet tal-Food Safety Commission huma elenkati fil-Kap. 449, Att dwar is-Sigurtà fl-Ikel, tat-13 ta' Settembru 2002.

Reklamar tal-prodott lokali

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsijiet parlamentari 819 u 2985, jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-baġit għat-tieni nofs ta’ din is-sena f’dak li għandu x’jaqsam ma’ reklamar tal-prodott lokali?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni ser tingħata f'xi seduta oħra.

Nies li tressqu l-Qorti fuq moħqrija tal-annimali

Question

Jista' l-Ministru, permezz tas-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akkwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, jgħid x’kien in-numru ta' nies li tressqu l-Qorti (sena b'sena mill-2019 s’issa) fuq akkużi li għandhom rabta ma' moħqrija tal-annimali? Jista' jagħti rendikont ta' x'kienu dawn l-akkużi? Jista' jindika jekk dawn il-kawżi għadhomx pendenti jew jekk ġewx ġudikati u jekk ġew ġudikati, x'kienu s-sentenzi li ngħataw?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni ser tingħata f'xi seduta oħra.

Ingaġġ ta’ Assistenti Diretturi u Diretturi

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ġew impjegati Assistenti Diretturi u Diretturi fl-aħħar erba’ snin, sena b’sena, kemm minnhom huma nisa u kemm minnhom huma rġiel? Jista’ jgħid jekk kienx hemm min twaqqaf mill-kariga ta’ Assistent Direttur f’dawn l-aħħar erba’ snin waqt il-probation jew qabel it-terminu tal-kuntratt u kemm minnhom huma nisa u kemm minnhom huma rġiel jekk huwa l-każ?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Raħal Ġdid — Pjazza Antoine de Paule – xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2928, jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-entitajiet li qed jaħdmu id f’id sabiex fl-aħħar il-Pjazza Antoine de Paule, Raħal Ġdid, tiġi rranġata kompletament?

Response (BONNICI, OWEN)

Ir-risposta tinghata f’seduta oħra.