Legislature:
Category:
Reset
Active:

MTA — ispezzjonijiet fuq imwejjed u siġġijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3716, jista’ l-Ministru jgħid kemm ittieħdu azzjonijiet riżultat tal-ispezzjonijiet li saru mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, u jindika x’azzjoni ttieħdet f’kull każ?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li kif spjegat diġà fir-risposta tal-mistoqsija parlamentari 3716, terġa’ ssir spezzjoni ulterjuri biex jiġi assigurat li l-operatur mexa mal-istruzzjonijiet li kien ingħata. Mill-ispezzjonijiet li saru kien hemm żewġ operaturi li weħlu multi amministrattivi kif stipulat fil-liġi kkonċernata.

Kemmuna Beach Concessions

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3716, jista’ l-Ministru jgħid għalfejn il-kopja tal-beach concessions fil-bajjiet ta’ Kemmuna li ntalbet biex titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra hija ta’ natura kummerċjali sensittiva?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-mistoqsija parlamentari 3716 hija dwar spezzjonijiet li għamlet l-MTA fuq imwejjed u siġġijiet u mhux dwar kuntratti. Għaldaqstant nitlobha sabiex tikkwota l-PQ korretta.

Kemmuna beach concessions – public tender

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2211, jista’ l-Ministru jgħid jekk it-tliet beach concessions fil-bajjiet ta’ Kemmuna ngħatawx permezz ta' sejħa pubblika għall-offerti? Jekk iva, jista’ jgħid meta din kienet ippubblikata?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tal-Artijiet, mill-1 ta’ Jannar 2018, kienet ikkonċediet b’kiri, is-siti referuti f’Kemmuna, lill Awtorità Maltija tat-Turiżmu. sabiex tiġġestixxihom hi. Il-kirja tkopri perjodu ta’ 15-il sena. Għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Kemmuna Beach Concessions – site plans

Question

Filwaqt li għaddejjin ir-reviżjonijiet fuq is-site plans tal-konċessjonijiet mogħtija fil-bajjiet ta’ Kemmuna, jista’ l-Ministru jippubblika s-site plans tal-konċessjonijiet li hemm bħalissa?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Santa Luċija – persuni residenti li bbenefikaw mill-In-Work Benefit

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3503 u jinforma lill-Kamra kemm persuni residenti Santa Luċija bbenefikaw mill-In-Work Benefit tul din is-sena 2022 s’issa u kemm kien l-ammont ta’ flus li ġew imħallsin?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba minnu hija kif tider fit-tabella t’hawn taħt: Lokalità Benefiċjarji tal-IWB Ammont imħallas sa 11/11/22 Santa Luċija 44 €33,644.01

Gudja – persuni residenti li bbenefikaw mill-In-Work Benefit

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3505 u jinforma lill-Kamra kemm persuni residenti l-Gudja bbenefikaw mill-In-Work Benefit tul din is-sena 2022 s’issa u kemm kien l-ammont ta’ flus li ġew imħallsin?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba minnu hija kif tider fit-tabella t’hawn taħt: Lokalità Benefiċjarji tal-IWB Ammont imħallas sa 11/11/22 Gudja 30 €18,083.22

Fgura -Triq il-Kampanella – żbroff ta’ drenaġġ

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1198, tista’ l-Ministru tgħid jekk ix-xogħol fi Triq il-Kampanella, Fgura, li ġie hemm indikat sarx jew jekk huwiex ser isir?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li fil-mument għaddejjin ix-xogħlijiet imsemmija bejn il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma b’kollaborazzjoni ma’ Infrastructure Malta.

Ħal Tarxien – Berġa tas-Saħħa – servizzi pprovduti

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm persuni attendew għas-servizz provdut fil-Berġa tas-Saħħa ta’ Ħal Tarxien tul din is-sena 2022? Jista’ jgħid x’servizzi mediċi ġew provduti u possibbilment jindika f’liema ġranet ser tkun miftuħa tul is-sena li ġejja?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-Berġa tas-Saħħa ta’ Ħal Tarxien minn meta nfetħet fid-19 ta’ Marzu 2022 sal-21 ta’ Novembru 2022 attendew 2,840 persuna. Servizzi pprovduti kienu ta' Tabib, Infermiera, Fiżjoterapija, Podjatrija, Social Worker, Nutrizzjonista, Flebotomija, Saħħa Mentali għat-Tfal u ż-Żgħażagħ u servizz tal-Iskoljożi.

Fgura – Triq il-Kampanella – xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk tul is-sena li ġejja huwiex ser isir ix-xogħol li kien previst fi Triq il-Kampanella, Fgura?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol f’din it-triq beda fix-xahar ta’ Novembru. Ix-xogħlijiet minn Infrastructure Malta biex tinbena mill-ġdid din it-triq ser jinkludu bdil ta’ servizzi tad-drenaġġ, ilma, telekomunikazzjoni u bini ta’ bankini ġodda. Wara jibda x-xogħol ta’ tqaxxir tal-wiċċ l-antik tat-triq sabiex isirilha wiċċ ġdid b’diversi saffi t’asfalt.

PBS – preżentaturi li qed jagħmlu programmi fuq TVM u TVM News

Question

Jista' l-Ministru jippubblika u jqiegħed ukoll fuq il-Mejda tal-Kamra r-remunerazzjoni li qed jieħdu l-preżentaturi, li d-dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament, li mhumiex impjegati tal-PBS iżda qed jagħmlu programmi fuq TVM u anke fuq TVM News+?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba hija ta’ natura kummerċjali.

PBS – eżerċizzju ta’ cost cutting intensiv internament

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li minn Ottubru tas-sena 2022 beda eżerċizzju ta' cost cutting intensiv internament fil-PBS biex jitnaqqsu l-ispejjeż, fejn jidher li anke l-overtime tal-ħaddiema tnaqqas drastikament? Għaliex sar dan? Jista' jkun hemm indikazzjoni li s-sena finanzjarja 2022 se terġa' tagħlaq bi żbilanċ għall-PBS?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-PBS qed issir reviżjoni tal-operat biex tiżdied l-effiċjenza u l-valur miżjud.

PBS – sistema ġdida tat-Telaixo

Question

Jista' l-Ministru jgħid minn fejn inxtrat u kemm swiet is-sistema l-ġdida tat-Telaixo li biha l-ħaddiema tal-PBS jippanċjaw b'mod elettroniku in u out, u jekk inġabrux quotes qabel intgħażlet din is-sistema? Jista jgħid ukoll mingħand min inġabru dawn il-quotes?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-PBS imxiet mal-proċeduri tal-procurement stabbiliti sabiex inxtrat is-sistema ta’ Talexio. Din kienet waħda mill-miżuri li l-PBS ħadet sabiex tiżdied l-effiċjenza.

PBS — Programm Mustaċċuni – ħlas għall-produzzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu qed jitħallsu għall-produzzjonijiet tal-programm Mustaċċuni fl-iskeda li għaddiet Ottubru 2021 - Mejju 2022? Kemm tħallsu l-producer, il-preżentatur, kontributuri u kemm kienet tiswa l-produzzjoni permezz tal-Outside Broadcasting Unit tal-PBS kull ġimgħa li sar il-programm, li issa m'għadux isir?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba hija ta’ natura kummerċjali.

PBS – spiża fuq programmi

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kemm ġew jiswew lill-PBS programmi, anke dawk li kienu b'ko-produzzjoni ma' media houses privati jew ma' producers individwali, tul l-iskeda Ottubru 2021 - Mejju 2022, is-segwenti: Lenti; Carter jirrapporta; Ninvestigaw x'qed nieklu; Moħħok hemm; Xtra; Xtra Sajf; Insights; U Ejja; Sibtek; SportLive+; Sport Għawdex; GFA Round; u Motorsmt?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba hija ta’ natura kummerċjali.

Financial Incentives for the Audiovisual Industry — korrispondenza

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-korrispondenza kollha li għaddiet bejn il-Gvern Malti u l-Kummissjoni Ewropea dwar it-tibdil li tħabbar aktar kmieni din is-sena fil-Financial Incentives for the Audiovisual Industry: Cash Rebate? Jista’ jippubblika wkoll l-approvazzjoni li ngħatat mill-Kummissjoni Ewropea?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

L-informazzjoni tingħata f’seduta oħra.

Rapporti dwar każijiet ta’ vjolenza domestika

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont ta' kemm ġew irrappurtati każijiet ta’ vjolenza domestika, sena b'sena, mill-2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Fondi allokati għal xiri ta’ vetturi elettriċi

Question

B’referenza għall-istqarrija tad-Dipartiment tal-Komunikazzjoni tas-Servizz Pubbliku, fl-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni, ta’ nhar it-Tlieta, 22 ta' Novembru 2022, jista' l-Ministru jgħid kemm hemm fondi allokati għal xiri ta' vetturi elettriċi minn dawk li qegħdin f'pożizzjoni ta' headship għas-sena 2023?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kull Ministeru u Dipartiment responsabbli għall-ġestizzjoni tal-fondi allokati fl-Estimi għall-2023, se jkun qiegħed jippjana n-nefqa tiegħu sabiex, fost infiq ieħor, jiddedika fondi neċessarji biex isir ix-xiri ta' vetturi elettriċi skont l-istqarrija imsemmija.

Kuntratti ma’ djar residenzjali privati

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratti kollha relatati mal-ftehim eżistenti vis-à-vis il-kura tal-anzjani fi djar residenzjali privati li qed jitħaddmu mill-Gvern?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma jeżistu l-ebda djar residenzjali privati li qed jitħaddmu mill-Gvern.

Kuntratti ma’ djar residenzjali privati

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratti kollha relatati mal-ftehim eżistenti vis-à-vis il-kura tal-anzjani fi djar residenzjali privati li qed jitħaddmu mill-Gvern?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Estimi Finanzjarji 2023 – informazzjoni dwar line item 7256

Question

Jista’ l-Ministru jagħti spjegazzjoni dettaljata dwar kif fl-Estimi Finanzjarji 2023, f’paġna 433, fl-appendiċi ‘Multi-year Projections of Capital Expenditure (excluding EU Funds) for items exceeding €5 million in 2023’, f’line item 7256 hemm miktub li għas-sena 2023 hemm allokat (stima) €11 miljun, iżda mbagħad il-Gvern innotifika lill-Kummissjoni Ewropea li lest jonfoq sa madwar €50 miljun bħala spiża kapitali għall-films barranin? Għalfejn din id-diskrepanza?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Baġit għal din l-iskema huwa l-massimu li jista' jiġi approvat mill-Kummissjoni Ewropea f’sena. L-allokazzjoni fil-Baġit 2023 huwa l-ammont li hu maħsub li ser jintefaq matul is-sena 2023.