Legislature:
Category:
Reset
Active:

San Ġiljan u Paceville – persuni taħt l-età fi stabbilimenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid il-pulizija kemm sabu persuni taħt l-età fi stabbilimenti ġewwa Paceville u San Ġiljan?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Għawdex – Ir-Rabat – Triq San Ġużepp Labrè – barriers u tape tal-pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3633 u ċjoè: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22600, tal-leġiżlatura preċedenti, li ngħatat fid-9 ta' Novembru, 2021 dwar ir-raġunijiet għala fix-xhur li għaddew kien hemm il-barriers tal-pulizija u għad hemm it-tape tal-pulizija mdawwar mas-siġar u anke tpoġġew il-blokki tal-konkos f'parti mill-parking biswit Triq San Ġużepp Labrè fir-Rabat Għawdex minħabba raġunijiet ta’ sigurtà pubblika minħabba struttura perikoluża, fejn kien ġie mwieġeb li “ ninformah li d-dipartimenti konċernati qed jaraw li din l-istruttura tissewwa mill-aktar fis possibbli”, jista’ l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet għala għaddew iktar minn 11-il xahar (issa għaddiet sena) u għadu ma sar xejn? Jista' jgħid jekk intbagħatx perit biex jispezzjona l-periklu li hemm? Jekk iva, jista' jqiegħed kopja tar-rapport fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Perit tal-Gvern intbagħat janalizza l-ħsarat. Mill-ewwel osservazzjonijiet jidher li l-ħsarat huma estensivi. Għal dan il-għan dawn ix-xogħlijiet ta’ konsolidazzjoni u ristrutturar mistennija jkunu inkorporati fi pjan iktar vast għaċ-ċentru tar-Rabat.

Għawdex – Kunsill Lokali taż-Żebbuġ – Tender biex jiġu rranġati Triq tal-Ħluq, Triq tat-Tutiet u Triq Sagħtrija

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra u jispjega għala s-sejħa li ħareġ reċentement il-Kunsill taż-Żebbuġ u li kellha tagħlaq f'dawn il-ġranet biex jiġu rranġati Triq tal-Ħluq, Triq ta' Tutiet u Triq is-Sagħtrija ġewwa ż-Żebbuġ, Għawdex ma għadhiex tidher fuq il-website tat-tenders: www.etenders.gov.mt?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali taż-Żebbuġ (Għawdex) illi s-sejħa li qed jagħmel referenza għaliha l-Onor. Interpellant fil-mistoqsija tiegħu, kellha titneħħa sabiex id-dokumenti relatati mas-sejħa ġew aġġornati skont l-aħħar templates hekk kif maħruġa mid-Dipartiment tal-Kuntratti, u l-offerta reġgħet ġiet ippubblikata fuq is-sistema EPPS (Ref: ZGLC/07/2022). Intant infurmat li tali sejħa ser tagħlaq nhar is-16 ta’ Jannar 2023.

Għawdex – Ir-Rabat – kampjuni tal-arja

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm-il post f'Għawdex hemm, fejn bħalissa qed jittieħdu kampjuni tal-arja biex tiġi studjata l-kwalità tal-arja? Tista' tgħid fl-aħħar ħames snin kemm-il darba ttieħdu kampjuni tal-arja miċ-ċentru tar-Rabat, Għawdex u b'mod partikulari minn Triq ir-Repubblika? Tista' tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-riżultati ta' dawn il-kampjuni li ttieħdu?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li f’Għawdex hemm tnax il-sit (12) u dawn jinsabu f’Għajnsielem, Xewkija, Victoria, Munxar, Xlendi, Fontana, Żebbuġ, Marsalforn, Xagħra, Nadur u żewġ siti fl-Għarb. Dan il-proċess isir permezz ta’ ‘diffusion tubes’ li huma esposti għal erba’ (4) ġimgħat. Wieħed minn dawn it-tubi jinsab fi Triq ir-Repubblika fir-Rabat fejn l-Awtorità ilha tissorvelja dan is-sit mill-bidu tas-sena 2014. Fl-aħħar ħames snin, l-Awtorità mmonitorjat il-maġġor parti tas-siti għal ħamsa u sittin (65) darba. Minbarra dan it-tip ta’ monitoraġġ, l-ERA tagħmel ukoll monitoraġġ kontinwu f’sit rurali fl-Għarb. Qiegħda npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-data tal-aħħar ħames snin kif mitluba għas-siti kollha f'Għawdex.

Qrati – Magisterial Inquiries dwar inċidenti fuq il-postijiet ta’ kostruzzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ kemm kien hemm magisterial inquiries fuq inċidenti fuq il-postijiet ta’ kostruzzjoni mill-2017 sal-lum? Jista’ jgħid jekk hemmx każijiet pendenti li għadhom sejrin?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi mis-sena 2017 sat-22 ta’ Novembru 2022 kien hemm 59 Inkjesti Maġisterjali fuq inċidenti fuq il-postijiet ta’ kostruzzjoni; liema minnhom 25 ġew magħluqa u 34 għadhom pendenti.

Qrati – Persuni mixlija li kkawżaw ħsara jew mewt fuq ħaddiema fuq il-postijiet tal-kostruzzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tressqu persuni quddiem il-Qorti mixlija li kkawżaw ħsara jew mewt fuq ħaddiema fuq il-postijiet tal-kostruzzjoni mill-2017 sal-lum? Jista’ jagħti lista ta’ x’kienu dawn is-sentenzi u x’multi u/jew kumpens ingħataw lill-vittma jew familjari tal-vittmi, jekk ingħataw?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninsab infurmat illi din it-tip ta’ statistika ma tinżamx u sabiex tinġabar tirrikjedi ħafna ħin u riżorsi.

Inċidenti fuq siti ta’ kostruzzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm inċidenti fuq siti ta’ kostruzzjoni rrapportati mill-2017 sal-lum? Jista’ jgħid x’kienu dawn l-inċidenti u jekk kienx hemm imwiet?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 2227. Ngħarraf lill-Interpellant li l-istatistika dwar korrimenti fuq il-post tax-xogħol tinżamm mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali.

Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni – persuni/kumpaniji tal-kostruzzjoni li kkawżaw ħsara jew mewt fuq ħaddiema u residenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ttieħdu mill-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni fil-konfront ta’ persuni/kumpaniji tal-kostruzzjoni li kienu nstabu li kkawżaw ħsara jew mewt fuq terzi, kemm ħaddiema kif ukoll residenti?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn mindu twaqqfet l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni fit-30 ta’ April 2021, kull fejn instab li ġew ikkawżati ħsarat, l-Awtorità żammet il-garanziji bankarji u fejn instab xi nuqqas, ħadet miżuri ta’ nfurzar skont il-liġi. Fejn l-Awtorità kienet mitluba, hija assistiet lill-Pulizija fi proċeduri. Kemm ilha mwaqqfa l-Awtorità ma kien hemm l-ebda każ ta’ mewt fuq terzi u residenti. Kwistjonijiet ta’ Saħħa u Sigurtà fuq kull post tax-xogħol inkluż siti ta’ kostruzzjoni jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Awtorità tas-Saħħa u Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol.

Infrastruttura Malta – investiment f’bini ta’ rotot ġodda għar-roti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm mill-€35 miljun li se jiġu investiti minn Infrastructure Malta fuq medda ta’ ħames snin sabiex jinbnew rotot ġodda għar-roti, biex b’hekk kull min irid jagħmel użu minn dan it-trasport alternattiv ikun jista’ jagħmel dan b’mod sigur, se jiġu investiti fil-gżira ta' Għawdex matul il-ħames snin li ġejjin?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-investiment indikat minnu huwa għal Malta. Għal kull investiment simili, fejn hu possibbli, fil-gżira Għawdxija għandha ssir il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Għawdex – infrastruttura tal-iskejjel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-infrastruttura tal-Iskejjel ta' Għawdex għadhiex taqa' taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru tiegħu u jekk le, taħt min ġiet, kemm ilha hekk u x' kienet ir-raġuni li sar dan it-tibdil?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għaċ-ċirkulari maħruġ mill-OPM numru 06/2022.

Għawdex – Xewkija – Playing field Tal-Barmil – proġett ta’ Eco Park

Question

Tista’ l-Ministru tinforma lill-Kamra dwar il-proġett ta' Eco Park li kien imwiegħed li kellu jsir mill-Ministeru tagħha fl-area tal-Playing Field tal-Barmil fix-Xewkija, Għawdex? Tista’ tgħid jekk dan il-proġett tpoġġiex fuq l-ixkaffa mill-Ministeru tagħha u jekk iva, għala tpoġġa fuq l-ixkaffa?

Response (DALLI, MIRIAM)

Inserraħ moħħ l-Onor. Interpellant illi bħalma dan il-Gvern wiegħed l-implimentazzjoni ta’ proġetti ħodor b’investiment ta’ €700 miljun, dan il-proġett se jkun qed isir, f’ħinu.

Korp tal-Pulizija – Malta Police Transformation Strategy 2020-2025 – training programmes

Question

Peress li fil-Malta Police Transformation Strategy 2020-2025 intqal li wieħed mill-objettivi strateġiċi (Objective 7) kien li jiġu implimentati training programmes ġodda lil dawk li bdew ir-reklutaġġ tagħhom fil-Korp, jista’ l-Ministru jgħid jekk dawn it-training programmes ġodda bdewx jinħadmu u jekk iva, xi nbidel mit-training programmes li kien hemm qabel?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li dwar l-għan numru sebgħa tal-istrateġija, b’mod partikolari fejn jidħol il-programm ta’ taħriġ li jingħata waqt ir-reklutaġġ inizjali, il-Korp kien kommess li joħloq programm standard li ma jinbidilx ma' kull sejħa għall-applikazzjonijiet li joħorġu. F’dan ir-rigward, flimkien mal-Akkademja għall-Forzi Dixxiplinati, il-Korp ħadem u fformula programm ta’ taħriġ fuq livell MQF4, akkreditat mill-Malta Further & Higher Education Authorty (MFHEA). Dan il-kors illum huwa mqassam fuq perjodu ta’ sitt xhur u bis-saħħa ta’ dan l-istandard fiss, il-Korp jista’ jippjana bil-quddiem ir-reklutaġġi tiegħu. Dan bid-differenza minn żminijiet oħra, fejn peress li l-programm ta’ taħriġ ma kienx wieħed fiss, il-perjodu ta’ taħriġ kien ivarja minn reklutaġġ għall-ieħor Irid jingħad li wara li jitlesta dan it-taħriġ u r-rekluti jiġu appuntati kuntistabbli ġodda fil-Korp, dawn jiġu assenjati mentor għall-ewwel sentejn ta’ servizz tagħhom fil-Korp. Il-mentor jassisti, jassessja u jirrapporta dwar il-prestazzjoni ta’ dawn il-kuntistabblijiet ġodda. Bħalissa dan it-taħriġ qiegħed jiġi evalwat bl-għajnuna ta’ istituzzjonijiet barranin, bil-għan li t-taħriġ offrut lir-rekluti jibqa’ jkun wieħed relevanti u li jikkontribwixxi għal Korp aktar professjonali.

Korp tal-Pulizija – Malta Police Transformation Strategy 2020-2025 – review tat-taħriġ

Question

Peress li fil-Malta Police Transformation Strategy 2020-2025 intqal li wieħed mill-objettivi strateġiċi (Objective 7) kien li ser jibda jkun hemm “review” tat-taħriġ fil-Malta Police Force, jista’ l-Ministru jgħid x’inhu dan ir-review? Jista’ jgħid ukoll kif qiegħed u minn meta beda jsir?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li dwar l-għan numru sebgħa tal-istrateġija, rigward l-inizjattivi ta’ reviżjoni tat-taħriġ, il-Korp jinsab kommess li jwassal l-għola livell ta’ taħriġ lill-membri tiegħu, mhux ibbażat biss fuq il-bżonnijiet tal-Korp, iżda b’bażi soda akkademika, biex b’hekk l-istess taħriġ ikollu valur akkademiku li jmur lil hinn mill-operat. Sabiex dan l-għan jintlaħaq, fi Frar tas-sena 2021, il-Korp iffirma Memorandum of Understanding mal-Università ta’ Malta biex jikkoperaw flimkien fit-Training Design, u b’hekk wara li l-Korp jidentifika l-bżonnijiet ta’ taħriġ, il-programm aħħari jkun wieħed ta’ natura akkademika għolja, fuq livelli ta’ MQF4 għall-kuntistabblijiet, MQF5 għas-surġenti, MQF6 għall-ispetturi u MQF7 għas-supretendenti. F’dan ir-rigward, fil-ġimgħat li ġejjin ser issir reviżjoni tal-Basic Training Course offrut lir-rekluti mill-UK College of Policing, bil-għan li t-taħriġ mogħti waqt ir-reklutaġġ ikun dejjem aktar relevanti u jipprepara aħjar lir-rekluti għall-missjoni tagħhom fi ħdan il-Korp. Din il-kooperazzjoni qed issir bis-saħħa ta’ Memorandum of Understanding ieħor, li l-Korp iffirma mal-British High Commission f’Settembru ta’ din is-sena. Huwa ppjanat li meta jiġi mfassal il-pedament u allura t-taħriġ fil-livell ta’ MQF4, tkun tista’ ssir reviżjoni tat-taħriġ fil-livelli sussegwenti, sa livell ta’ supretendent, kif indikat aktar ’il fuq.

Korp tal-Pulizija – Malta Police Transformation Strategy 2020-2025 – progression training

Question

B’referenza għall-Malta Police Transformation Strategy 2020-2025- Objective 7, jista’ l-Ministru jgħid jekk ġiex finalizzat il-“progression training” biex wieħed ikun promoss minn grad għall-ieħor u jekk iva, minn meta beda dan it-training u kemm ġew promossi?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li dwar l-għan numru sebgħa tal-istrateġija, fuq taħriġ għall-finijiet ta’ promozzjonijiet, il-Korp tal-Pulizija huwa kommess li wara kull sejħa għal applikazzjonijiet għal promozzjoni, joffri t-taħriġ professjonali neċessarju. F’dan ir-rigward, bi sħubija mal-Akkademja għall-Forzi Dixxiplinati (ADF), il-Korp joffri taħriġ, b’eżami finali li jwassal għall-promozzjoni, lil dawk il-kuntistabblijiet li jkunu applikaw għall-promozzjoni fi grad ta’ Surġent, jew dawk li mill-grad ta’ Surġent ikunu applikaw għal promozzjoni fi grad ta’ Spettur. Kif jaf l-Onor. Interpellant, il-kors għal promozzjoni fi grad ta' spettur ikun miftuħ ukoll għall-applikanti esterni, fejn persuni minn barra l-Korp jingħataw l-opportunità li japplikaw ġaladarba jkollhom il-kwalifiċi fil-livell MQF 6. Barra minn dan, wara li jitlesta b’suċċess il-kors għall-promozzjoni fil-grad ta’ Spettur, l-istess parteċipanti jkomplu t-taħriġ tagħhom għal Diploma in Policing, f’livell MQF5 il-grad mill-Universita ta’ Malta fuq sentejn abbażi part time. Wara li fi Frar tat-2021 ġie ffirmat Memorandum of Understanding bejn il-Korp, l-Akkademja u l-Universita, bl-assistenza ta’ istituzzjonijiet barranin, għaddejja reviżjoni ta’ dan il-progression training, bl-ewwel reviżjoni speċifikament iffukata fuq il-Basic Training Course, immirat għar-rekluti l-ġodda. L-għan aħħari huwa li barra li t-taħriġ offrut jipprepara l-uffiċjali għall-ħidma tagħhom, it-taħriġ ikun akkreditat ukoll.

Korp tal-Pulizija – Malta Police Transformation Strategy 2020-2025 – family-friendly measures

Question

Peress li fil-Malta Police Transformation Strategy 2020-2025 intqal li wieħed mill-objettivi strateġiċi (Objective 8) kien li jiġu introdotti “family-friendly measures” biex jinħoloq bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja u li jinħolqu opportunitajiet u ugwaljanza bejn is-sessi fil-Malta Police Force, jista’ l-Ministru jgħid jekk din il-policy hux qed titħaddem u liema huma l-“family-friendly measures” li bdew jitħaddmu? X’inhuma l-miżuri introdotti biex jinħolqu opportunitajiet u ugwaljanza bejn is-sessi?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li fuq l-għan 8 tal-istrateġija, il-ħaddiema tal-Korp tal-Pulizija jibbenefikaw mill-istess ‘family friendly measures’ bħal-kull ħaddiem tas-Servizz Pubbliku, kif stipulat fil-Public Service Management Code (PSMC). L-ugwaljanza bejn is-sessi issaħħet billi tneħħiet il-gender marker li kienet teżisti fil-gradi ta’ kuntistablijiet u surġenti, u speċifikament il-Woman Police Constable u Woman Police Sergeant. L-applikazzjonijiet u sejħiet m’għadhomx jiddistingwu bejn is-sessi, inkluż dawk ta’ sejħiet interni, li fil-passat xi wħud kienu predominati għas-sess maskil, bħal pereżempju sejħiet għal uffiċjali fit-taqsima tat-Traffiku bil-mutur u t-taqsima tal-Klieb. F’dawn it-taqsimiet illum hemm jaqdu d-doveri. kemm uffiċjali rġiel, kif ukoll nisa. Il-Korp huwa miftuħ għal min ma jidentifikax maż-żewġ sessi tradizzjonali, u jippreferi jidentifika ruħu bħala gender-neutral, non-binary u jinkludi membri transesswali.

Korp tal-Pulizija – Malta Police Transformation Strategy 2020-2025 – titjib fuq il-post tax-xogħol

Question

Peress li fil-Malta Police Transformation Strategy 2020-2025 intqal li wieħed mill-objettivi strateġiċi (Objective 8) kien li ser jittieħdu miżuri biex jitjieb il-post tax-xogħol bil-għan li l-pulizija jkollu ambjent aħjar u b’hekk jagħti servizz aħjar lill-pubbliku, jista’ l-Ministru jgħid fejn sar dan it-titjib fuq il-post tax-xogħol u liema għases tal-pulizija ġew irranġati u x’kienet l-ispiża biex jiġu rranġati dawn l-għases u meta saru dawn ix-xogħlijiet?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat illi miżuri biex jitjieb il-post tax-xogħol bil-għan li l-pulizija jkollu ambjent aħjar u b’hekk jagħti servizz aħjar lill-pubbliku hija prijorità, u ngħatat spinta minn meta tħabbret l-istrateġija, tant li fis-sena 2020 sar xogħol u/jew rinnovazzjoni konsiderevoli mhux fl-għases biss imma f’diversi taqsimiet oħra tal-Korp. Fost dawn hemm l-għassa ta’ Marsalforn, dik ta’ Raħal Ġdid, il-Furjana, tas-Sliema, żewg binjiet fejn ser jiġu stabiliti is-sezzjonijiet taċ-ċiberkriminalità u estenzjoni ta’ dik tal-forensika, xogħol f’binja ġdida għat-taqsima tar-relazzjonijiet internazzjonali tal-Pulizija, xogħol fit-taqsima tal-RIU u l-garaxx tal-pulizija, rinnovazzjoni tal-uffiċini tas-CIAU kif ukoll dawk tal-FCID. Dan barra milli f’dan il-perjodu tkompla jew qed ikompli xogħol ta’ rinovar ta’ għasses u sezzjonijiet oħra, inkluż it-tkomplija tal-għassa ta’ Marsascala u l-akkwist tal-għassa ta’ Marsaxlokk, waqt li kontinwament jibda xogħol ieħor skont il-bżonn, inkluż proġetti infrastrurali oħra li hemm previsti u manutenzjoni kontinwa.

Korp tal-Pulizija – Malta Police Transformation Strategy 2020-2025 – shift patterns

Question

Peress li fil-Malta Police Transformation Strategy 2020-2025 intqal li wieħed mill-objettivi strateġiċi (Objective 8) kien li ser jinbeda proċess biex jiġu żviluppati “shift patterns” li jikkumplimentaw il-bżonnijiet organizzattivi fil-Malta Police Force, jista’ l-Ministru jgħid jekk dan il-proċess bediex? Jekk iva, liema miżuri ttieħdu biex jagħtu gwida ta’ deployment u ppjanar fil-Korp?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li dwar l-għan 8 tal-istrateġija, fis-sena 2020, il-Korp ġie rristrutturat b’mod, li kull dipartiment jopera f’erba’ mudelli ta’ xift. Dan jaċċerta li f’kull xift, l-uffiċjali dejjem jaħdmu mal-istess tijm ta’ kollegi, kemm fix-xogħol proprju tagħhom, kif ukoll ma dawk f’taqsimiet oħra, li ħafna drabi jiġu f’kuntatt dirett magħhom waqt il-qadi ta’ dmirijiethom. Dan jippermetti aktar koordinament bejn it-taqsimiet rispettivi peress illi uffiċjali minn taqsima jew distrett partikolari, ikunu jafu minn qabel, min ikunu l-kollegi f’taqsimiet oħra fl-istess xift. L-iStaffing & Major Events Unit hija taqsima ċentralizzata riċentement u hi responsabbli għall-ħruġ tal-iskedi u r-rosters tal-uffiċjali tal-Korp. Bis-sistema ta’ dawn ix-xiftijiet din tiffaċilita l-proċess sabiex jiġu allokati r-riżorsi kif meħtieġ, irrispettivament mid-dipartiment fejn joperaw l-uffiċjali. Dan ippermetta wkoll li l-iskeda tax-xogħol ta’ kull uffiċjal tkun disponibbli jumejn bil-quddiem. Is-sistema anke għenet biex jiġi ko-ordinat it-tqassim ta’ uffiċjali f’avvenimenti kbar, u kuntrarju għal xi avvenimenti passati, l-uffiċċjali setgħu jaħdmu bl-inqas piż u b’perjodi ta’ mistrieħ diċenti, u dan bħal meta riċentement kien hemm żewġ avvenimenti kbar, u ċjoè l-miġja tal-Papa u l-elezzjoni ġenerali.

Kemmuna – encroachments — infurzar

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3829, fejn il-Ministru wieġeb li uffiċjali tal-Infurzar fi ħdan l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu jkunu fuq il-post f’Kemmuna “sabiex jiżguraw li jitħarsu l-kundizzjonijiet imposti”, jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma dawn il-kundizzjonijiet imposti?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kundizzjonijiet jimponu li l-operant jopera fiż-żona konċessa matul il-ħinijiet stabbiliti, li l-prezz tal-kiri tad-deckchairs u umbrelel ikun viżibbli, li jipprovdi waste bins u li ma jtellax strutturi temporanji/permanenti fiż-żona konċessa.

Legal Reform for the Tourism Industry

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3717, jista’ l-Ministru jispjega r-raġuni għad-dewmien sabiex titressaq quddiem din il-Kamra liġi bbażata fuq il-White Paper 'Legal Reform for the Tourism Industry' li ġiet ippubblikata fl-2016, li l-Ministru oriġinarjament kien qal li kellha titressaq għad-diskussjoni qabel il-vaganzi tas-sajf tas-sena preżenti, u sussegwentement qal li se tkun qed titressaq matul is-sena d-dieħla?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li s-settur tat-turiżmu huwa settur dinamiku li ra tibdil radikali fi żmien il-pandemija. Qed inkunu analitiċi u metikolużi ħalli nassiguraw illi ntellgħu għad-diskussjoni abbozz robust li jindirizza il-ħtiġijiet tal-industrija.

Awtoritá tal-Artijiet – spezzjonijiet fuq imwejjed u siġġijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru ispezzjonijiet mill-Awtorità tal-Artijiet fuq imwejjed u siġġijiet bejn l-1 ta’ Ġunju u l-aħħar ta’ Ottubru ta’ din is-sena, indikati xahar b’xahar u skont il-lokalità?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ spezzjonijiet li saru mill-Awtorità tal-Artijiet fuq imwejjed u siġġijiet li saru fil-perjodu indikat.