Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjan biex jiżdied l-aċċess għall-apparat mediku modern kontra d-dijabete?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li hemm pjanijiet biex jibdew jiġu offruti monitors għall-glukożju u ketoni fid-demm lill-pazjenti bid-dijabete tal-ewwel tip (Type 1).
Eventwalment hemm ukoll il-ħsieb li jibdew jingħataw pompi tal-insulina b’sistema ‘hybrid closed loop’ lil settur ta’ pazjenti bid-dijabete (Type 1) u li għandhom 18-il sena jew inqas.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31577 li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar u jgħid x’investimenti saru fil-pitkalija ġewwa Għawdex matul l-aħħar ħdax-il sena, maqsuma sena b’sena? Fiex kien jikkonsisti x-xogħol li sar u kemm sewa? Jista’ jgħid ukoll kemm kien hemm ħaddiema kull sena u x’tip ta’ xogħol kienu qed jagħmlu / qed jagħmlu?
Response (REFALO, ANTON)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba li tajt diġa’ għall-interpellanza parlamentari li ġġib in-numru 32074, ninfurmah illi matul din is-sena kurrenti saru xi xogħlijiet ta’ manutenzjoni fuq il-pitkalija f’Għawdex. Infurmat ukoll illi preżentament hemm żewġ (2) Support Officers mill-Malta Food Agency, li jaħdmu fil-Pitkalija ta’ Għawdex.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 30836, 31274 u 31579 u jgħid liema toroq ġewwa Għawdex sar resurfacing fuqhom mill-1 ta’ Jannar 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Kemm kien fiha tul kull triq u kemm ġiet tiswa? Jista’ jgħid ukoll liema toroq hemm ippjanati li jsir resurfacing tagħhom minn issa sal-aħħar ta’ din is-sena, kemm fihom tul u kemm hi stmata li ser tkun l-ispiża fuq kull triq?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Għawdex - Skejjel tal-Gvern - Livell primarju u kindergarten
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31691, jista’ l-Ministru jgħid kemm mill-1,855 student imsemmija fl-istess tweġiba huma barranin, maqsuma skola skola? Jista’ jgħid ukoll kemm kien in-numru ta’ tfal li bdew jattendu f’dawn l-iskejjel, fil-bidu ta’ din is-sena skolastika u kemm minnhom huma barranin?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31692, jista’ l-Ministru jgħid meta (xahar u sena) Villa Lauri f’Birkirkara tista’ tibda tintuża mill-istudenti u mill-pubbliku?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Villa Lauri hija mistennija li tilqa' l-ewwel studenti fix-xhur li ġejjin.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31576, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ bdiewa, raħħala u sajjieda Għawdxin fl-aħħar ta’ kull sena, mis-sena 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u jaqsam din l-informazzjoni skont l-età tagħhom?
Jista’ jgħid ukoll:
1. Kemm kien id-dħul tagħhom għal kull sena fl-istess perjodu u għat-tliet kategoriji separatament?
2. Kemm kien hemm raba’ tinħadem fl-aħħar ta’ kull sena bid-daqs u t-tip tagħha?
3. X’kien il-volum ta’ laħam frisk ta’ ċanga, majjal u broilers prodott f’Għawdex u li nqatlu fil-biċċeriji tal-gvern u tal-privat f’Għawdex u f’Malta mis-sena 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?
4. X’kien il-volum ta’ frott u ħaxix frisk prodott f’Għawdex u mibjugħ fi swieq organizzati f’Malta u f’Għawdex mis-sena 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?
5. Kemm kien il-volum ta’ ħalib frisk prodott f’Għawdex mis-sena 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?
Response (REFALO, ANTON)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali – Skemi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema kienu l-postijiet ta’ importanza storika f’kull lokalità madwar Malta u Għawdex li bbenefikaw minn xi skema tal-Ministeru, jew ta’ xi entità oħra li taqa’ taħt l-istess Ministeru, matul dawn l-aħħar sentejn? Kemm kien il-ħlas li bbenefikaw minnu u fejn jinstabu dawn l-istess binjiet? Jista’ jgħid ukoll meta hu mistenni li jinħarġu skemi oħra simili għal restawr?
Response (BONNICI, OWEN)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra l-lista tal-postijiet ta’ importanza storika li bbenefikaw mill-Iskema tal-Kunsilli Lokali maħruġa mir-Restoration and Preservation Department għas-snin 2024 u 2025 u mill-Cottonera Projects and Initiatives Fund – Rehabilitation Opportunities għas-snin 2024 u 2025 kif mgħoddija lili.
Infakkar li l-iskema tar-Restoration and Preservation Department tipprospetta xogħol dirett mill-ħaddiema tad-Dipartiment u mhux ogħti ta’ fondi.
Kemm l-iskema u kemm il-Fond se jerġgħu jinfetħu fi żminijiet differenti matul is-sena 2026.
Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu – Direct orders ta’ inqas minn €5,000
Question
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jagħti lista tad-direct orders ta' inqas minn €5,000 matul Novembru 2025, mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif weġibt f’diversi istanzi, l-entitajiet u d-dipartimenti li huma fid-dekasteru tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt li joħorġu mill-Public Procurement Regulations.
Uffiċċju tal-Prim Ministru – Direct order ta’ inqas minn €5,000
Question
Jista' l-Prim Ministru jagħti lista tad-direct orders ta' inqas minn €5,000 matul Novembru 2025, mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?
Response (ABELA, ROBERT)
Għal darb'oħra ninforma lill-Onor. Interpellant li l-entitajiet u d-dipartimenti tal-Gvern japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt joħorġu mill-Public Procurement Regulations.
Intant nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari
15419
.
Ħal Qormi – Skola Primarja San Ġorġ – diskussjonijiet fuq is-sala ż-żgħira
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm diskussjonijiet mal-ġenituri dwar il-fatt li s-sala ż-żgħira tal-Iskola Primarja ta’ San Ġorġ f’Ħal Qormi ma tistax tintuża? Jista’ jassigura lill-ġenituri, lill-edukaturi u lill-għalliema li m’hemmx periklu?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħġata f'xi seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk jistgħux isiru arranġamenti biex minflok il-kunċert jiġi rrekordjat u jkun online ikun hemm arranġamenti vis-a-vis l-Iskola Primarja ta’ San Ġorġ f’Ħal Qormi biex dan isir f’post ieħor fejn il-qraba jkunu jistgħu jattendu?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħġata f'xi seduta oħra.
Ħal Qormi – Skola Primarja San Ġorġ – kunċert fis-sala ż-żgħira
Question
Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn il-ġenituri ġew infurmati permezz ta’ e-mail li din is-sena mhux se jkun possibbli li jsir il-kunċert fis-sala ż-żgħira tal-Iskola Primarja ta’ San Ġorġ f’Ħal Qormi, minħabba li ntqal li s-sala ma tistax tintuża?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħġata f'xi seduta oħra.
Ħal Qormi – Skola Primarja San Ġorġ – aġġornament tax-xogħlijiet
Question
Jista’ l-Ministru jagħti aġġornament dwar il-pjanijiet u l-istatus attwali tax-xogħol u r-rinnovazzjoni fi ħdan l-Iskola Primarja ta’ San Ġorġ f’Ħal Qormi?
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 31883 u telenka lista sħiħa u dettaljata tal-każijiet kollha fejn kien hemm ksur tal-liġijiet u/jew tar-regolamenti ambjentali mill-operat tal-fish farms, li tindika n-natura ta’ kull ksur u l-multi amministrattivi imposti rispettivament, kif ukoll kwalunkwe azzjoni ta’ rimedju li ttieħdet f’kull każ matul l-aħħar ħames snin?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lil Onor. Interpellanta li fl-aħħar ħames snin, bejn l-2020 u l-2025, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) ħarġet 22 multa amministrattiva fil-konfront ta’ operaturi tal-fish farms. Qiegħda npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi d-dettalji ta’ dawn il-multi. Dawn l-azzjonijiet ta’ infurzar ittieħdu wara li, minn spezzjonijiet kontinwi li jitwettqu mill-Awtorità, instabu nuqqasijiet ta' konformità u/jew ksur tal-permessi ambjentali mill-istess operaturi. L-azzjonijiet ta’ rimedju elenkati kienu ingħataw mill-uffiċjali tal-ERA fuq il-post immedjatament waqt l-ispezzjonijiet li sussegwentement wasslu għall-ħruġ tal-multi.
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 32002 u telenka lista bil-proġetti kollha ta' Project Green li bdew u tlestew, dawk li bħalissa għaddejjin ix-xogħlijiet fuqhom u għadhom pendenti, kif ukoll dawk li għadhom fi stadju ta' ppjanar u/jew konsultazzjoni? Tista’ tgħid kull wieħed meta beda, meta tlestew (jekk tlestew), u f'każ li għadhom pendenti meta huwa mistenni li jitlestew? Tista’ wkoll tgħid kemm swew jew se jiswew, il-lokalità u l-post fejn jinsabu, u tagħti deskrizzjoni qasira ta’ kull proġett?
Response (DALLI, MIRIAM)
Fl-aħħar tliet snin tellaqna diversi proġetti u mill-bidu tal-leġiżlatura s’issa, l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Ambjent, waħedhom wettqu 64 proġett differenti mifruxin madwar il-pajjiż, li qed nagħti lista tagħhom fid-dokument li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Il-ħidma fuq dawn il-proġetti hija maqsuma fuq tliet binarji: il-ħolqien ta’ spazji miftuħa ġodda, ir-riġenerazzjoni ta’ spazji li kienu mitluqin għal ħafna snin kif ukoll widien, u ż-żamma aħjar ta’ spazji eżistenti.
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li filwaqt li Project Green hija responsabbli mill-maġġoranza tal-proġetti u nħolqot proprju għalhekk, proġetti oħra saru wkoll, qegħdin isiru jew se jitwettqu minn entitajiet oħrajn li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħi. Barra minn hekk, dan l-isforz huwa mifrux mal-gvern kollu b’entitajiet u ministeri differenti jagħtu l-kontribut huma wkoll b’diversi proġetti li saru jew qegħdin isiru min-naħa tagħhom.
Il-proġetti jvarjaw minn dawk ta’ skala nazzjonali bħal parks u proġetti ta’ afforestazzjoni għal oħrajn fil-komunità, bħalma huma ġonna ġodda u proġetti oħrajn ta’ tħaddir fil-lokalitajiet. Fil-każ tal-ħolqien ta’ spazji miftuħa f’żoni urbani l-għan huwa li dawn ikunu jintlaħqu mill-familji fi ftit minuti mixi mid-djar tagħhom.
Apparti t-tisħiħ tal-biodiversità bit-tħawwil ta' siġar u arbuxelli kif ukoll sistemi ta' irrigazzjoni għat-tisqija tagħhom, il-proġetti fejn ikun possibbli jkunu jinkludu faċilitajiet varji bħal spazji għal picnics u rilassament, logħob għat-tfal b’materjal sostenibbli, apparat ta’ taħriġ fiżiku, u art magħmula minn materjal permeabbli. Ix-xogħlijiet isiru bi prattiċi u materjali sostenibbli, filwaqt li tkun assigurta l-aċċessibiltà għal kulħadd.
Qed inpoġġi wkoll fuq il-Mejda tal-Kamra dokument ieħor bl-informazzjoni mitluba dwar il-proġetti li diġà saru min-naħa ta’ Project Green, kif ukoll dawk li qed timplimenta bħalissa u oħrajn li hemm ippjanati wkoll minnha.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 32006 u jipprovdi data uffiċjali dwar in-numru annwali ta’ mwiet attribwiti għat-tniġġis tal-arja għal kull sena matul l-aħħar għaxar snin?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li tipikament l-imwiet mit-tniġġis jiġu rrappurtati bħala ‘estimated attributable mortality’, aktar milli għadd dirett. Dan għaliex l-imwiet relatati mat-tniġġis ħafna drabi jirriżultaw minn espożizzjoni kronika li taggrava l-kundizzjonijiet sottostanti. L-aġenziji internazzjonali tas-saħħa pubblika jużaw mudelli epidemjoloġiċi biex jorbtu l-konċentrazzjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu (bħal PM2.5, NO₂, u ożonu) ma’ riskji akbar ta’ mard bħal mhuma mard tal-qalb, puplesija, kanċer tal-pulmun, u infezzjonijiet respiratorji. Dawn il-mudelli japplikaw fatturi ta’ riskju relattivi derivati minn studji ta’ gruppi kbar għal dejta dwar l-espożizzjoni tal-popolazzjoni, u jipproduċu stimi ta’ mwiet li jkunu prematuri.
Minħabba li dawn huma stimi statistiċi, ġeneralment jiġu espressi bħala mwiet annwali attribwibbli għat-tniġġis, mhux bħala ċertifikati tal-mewt individwali li jiċċitaw it-tniġġis bħala l-kawża.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 27000 li saret fl-1 ta’ April 2025, peress illi l-Ministru kkonfermat li l-iscrapyard fil-Marsa li riċentement inħakmet min-nirien kienet ukoll suġġetta għal multi amministrattivi, u peress illi dawn il-multi mhumiex informazzjoni pubblika minkejja talbiet ripetuti mill-Oppożizzjoni, tista’ l-Ministru tipprovdi tagħrif dettaljat dwarhom, inkluż id-data meta ġew infurzati, għal liema ksur jew nuqqas ingħataw, l-ammont tagħhom, u jekk tħallsux jew le?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 27000 li saret fl-1 ta’ April 2025, tista’ l-Ministru tindika meta tpoġġew fuq is-sit elettroniku tal-permessi tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) is-supporting documents marbuta ma’ dan il-permess?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li hekk kif indikat fuq is-sit tal-ERA https://era.org.mt/topic/scrapyards/ il-permess ġie ppubblikat fid-9 ta’ Mejju 2023. Infurmata wkoll li dan il-permess kien jelenka pubblikament is-supporting documents kollha għal min kellu interess li jitlob aċċess għalihom. Riċentement dawn id-dokumenti ttellgħu kollha fuq is-sit elettroniku tal-Awtorità għal iżjed aċċessibbiltá.
Tista’ l-Ministru tgħid meta l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) issospendiet il-permess ambjentali li kienet approvat fl-2023 għall-iscrapyard fil-Marsa li reċentement inħakmet min-nirien?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) issospendiet b’mod immedjat il-permess ambjentali EP0025/22 fil-21 ta’ Novembru 2025.