Legislature:
Category:
Reset
Active:

Private Residential Leases Unit – ħaddiema rekwiżiti għal units ġodda

Question

Jista' Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' ħaddiema rekwiżiti sabiex joħolqu l-units ġodda tal-Private Residential Leases Unit u s-Sezzjoni tal-Pre 95?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Awtorità tad-Djar kellha approvazzjoni għal 49 ħaddiem sabiex joħolqu ż-żewġ units ġodda tal-Private Residential Leases Unit u tas-Sezzjoni tal-Pre-95. Dan kollu bil-għan li l-Awtorità tad-Djar tlaħħaq mad-domanda qawwija ta' xogħol illi dawn iż-żewġ Units għandhom.

Ħ’Attard – Għassa tal-pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm pulizija, u r-ranks tagħhom, assenjati fl-għassa ta' Ħ'Attard?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi ġewwa Ħ’Attard jingħata servizz mill-Pulizija tal-Komunità, bħal ħafna lokalitjiet oħra ġewwa dawn il-g¿ejjer. Dan barra mir-rondi regolari li jsiru permezz ta’ vetturi tad-distrett u dawk tal-RIU, li bejniethom jilħqu l-ħtiġijiet u s-servizzi operazzjonali f’din il-lokalità. F’Ħ’Attard l-għassa tal-Pulizija hija waħda sekondarja li tinfetaħ meta jkun meħtieġ u skont l-esiġenzi tas-servizz.Mal-istess għassa hemm installata wkoll sistema ta’ elettronika li l-pubbliku jista’ ju¿a biex jaqbad mal-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, għal kull assistenza, erbgħa u għoxrin siegħa kuljum.

Pulizija – Foot patrols

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra elenku tal-lokalitajiet fejn isiru l-iktar foot patrols mill-pulizija?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija tagħmel rondi kontinwi f’diversi lokalitajiet f’dawn il-gżejjer, primarjament sabiex tipprevjeni milli jitwettqu reati u anke kwalunkwè ksur ta’ liġi li jista’ jiġi osservat. Infurmat illi mhuwiex possibbli li jkun ikkwantifikat in-numru ta’ rondi li jsiru u ma tinżammx statistika jew elenku bit-tagħrif kif mitlub mill-Onorevoli Membru, għas-sezzjonijiet tal-Korp kollha. Rondi jsiru bil-mixi minn diversi sezzjonijiet tal-Pulizija li jinkludu; il-Pulizija tal-Komunità, li diġà jkopru tliet kwarti tal-lokalitajiet f’dawn il-gżejjer, il-Pulizija tad-distrett li f’kull ħin opportun iwettqu dawn ir-rondi, u skont l-esiġenzi mit-taqsimiet tal-klieb, tal-kavallerija u tal-EPU tal-Korp, dan barra illi l-RIU jikkontribwixxu bis-sehem tagħhom peress li kontinwament jagħmlu rondi bil-vetturi, u meta jkun meħtieġ, anke bil-mixi.

Sejħa għall-gwardjani tal-ħabs

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jkun hemm sejħa għall-gwardjani tal-ħabs u meta?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat illi filwaqt li bħalissa għaddej it-taħriġ ta’ grupp ġdid ta’ rekluti, iva, l-Aġenzija għandha l-ħsieb li toħroġ sejħa ġdida għall-uffiċjali korrettivi. Din is-sejħa toħroġ wara li jkun hemm l-approvazzjonijiet neċessarji skont il-proċeduri.

Pulizija u Suldati ma’ djar privati u ambaxxati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm pulizija u suldati għassa ma’ djar privati u ambaxxati?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat illi n-numru ta’ Pulizija li kuljum jkopru doveri għal skopijiet ta’ protezzjoni permezz ta’ għassa ma’ bini, djar privati u ambaxxati, huwa ta’ wieħed u disgħin. Dan l-ammont ikopri s-sigħat kollha tal-ġurnata, li jvarja minn erbgħa u għoxrin siegħa jew numru ta’ sigħat kuljum, fil-lok rispettiv. Dawn id-doveri huma segwiti minn uffiċjali barra mill-ħinijiet normali tax-xogħol tagħhom. Fil-Forzi Armati ta’ Malta hemm tlieta u tletin (33) Suldat Regolari kif ukoll ħdax (11)-il Riservista li jagħmlu xogħol ta’ sigurtà ma’ djar privati u ambaxxati.

Għawdex – Pjazza tax-Xewkija – cables tad-dawl

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19352 li ġiet imwieġba fl-1 ta' Marzu, 2021 u għall-mistoqsija parlamentari 22758 li t-tweġiba għaliha ngħatat fis-17 ta' Novembru, 2021 dwar xogħlijiet ta’ cables tad-dawl li baqgħu mwaħħlin mal-faċċati tad-djar u bini ieħor fil-Pjazza tax-Xewkija, Pjazza San Franġisk fir-Rabat u l-waterfront ta’ Marsalforn, fejn kien ġie mwieġeb li bħalissa t-tender qed tiġi abbozzata, jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar dan il-proġett u jgħid jekk it-tender ġietx abbozzata u ħarġitx u jekk iva, meta ħarġet u meta se jibdew ix-xogħlijiet?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sejħa għall-offerti ġiet abbozzata.

Korp tal-Pulizija – Malta Police Transformation Strategy 2020-2025 – proċess ta’ health and wellness

Question

Peress li fil-Malta Police Transformation Strategy 2020-2025 intqal li wieħed mill-objettivi strateġiċi (Objective 8) kien li jinbeda proċess ta’ “health and wellness” biex kull membru fil-Korp ikollu s-sapport rigward issues ta’ “mental health”, u b’hekk ikollna Korp b’saħħtu, kemm fiżikament kif ukoll mentalment, jista’ l-Ministru jgħid x’sar fuq dan? Jista’ jgħid kif qed jingħata dan is-suppost sapport?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li dwar l-għan tmienja tal-istrateġija, ġie mwaqqaf il-Malta Police Wellbeing Working Group (MPWWG), li jiffoka fuq miżuri konkreti ta’ kif wieħed jista’ jtejjeb il-benesseri tal-impjegati kollha tal-Korp. Għall-ewwel darba fit-18 ta’ Frar 2022, ġiet fis-seħħ Well-being Policy bil-ħsieb li l-Korp jippromwovi u jżomm is-saħħa mentali, fiżika u l-benesseri tal-impjegati fil-milja kollha tagħhom, permezz ta’ prattiċi ta’ xogħol xierqa, u tippermetti lill-ħaddiema li jieħdu r-responsabilità għas-saħħa u l-bennesseri tagħhom. Din il-policy hi waħda ħajja li tiġi msaħħa regolarment biex tibqa’ toffri servizzi ħolistiċi oħra bis-sehem ta’ kulħadd, inkluż il-unions li jirrappreżentaw lill-ħaddiema. Li jkollok aktar ambjent san fejn il-benesseri tal-ħaddiema jkunu prijorità, speċjalment fejn in-natura tax-xogħol hi waħda stressanti, huwa element vitali biex il-Korp ikompli jaqdi u jilħaq l-aspettattiva tan-nies. Servizz ieħor introdott ma’ din il-policy huwa dak tat-Traumatic incidents support outreach. Dan jippermetti li meta xi impjegat tal-Korp ikun espost għal xi sitwazzjonijiet trawmatika, bħal każijiet ta’ suwiċidji, telf ta’ ħajjiet jew involviment ta’ minuri waqt l-eżekuzzjoni tad-dmirijiet tiegħu, il-Victim Support Agency, immedjatament tirreferihom lill-Employee Support Programme (ESP). Sussegwentament, permezz ta’ telefon, professjonist mill-ESP Unit jikkomunika mal-persuna kkonċernata, u jiġi offrut kull appoġġ meħtieġ. Din il-miżura hija maħsuba biex tiżgura li l-persuna kkonċernata tiġi avviċinata u ttrattata bl-akbar professjonalità u kunfidenzjalità. Saret kampanja ta’ għarfien mal-ESP u Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard (HPDP) fejn ġew offruti programmi, servizzi u taħriġ f’oqsma varji lill-ħaddiema kollha tal-Korp. Fost dawn il-programmi ġew offruti servizzi ta’ maniġġar aħjar ta’ piż, b’attendenza ta’ madwar sittin ruħ. Sessjonijiet oħra koprew il-vizzju tat-tipjip b’kollaborazzjoni mal HPDP. Hawn taħt hija lista dettaljata ta’ taħriġ li ngħata f’dan il-qasam fl-aħħar sentejn: Titlu tal-korsServizz mgħoti minnSena Mental Health Richmond Foundation, Jobsplus 2020, 2021, 2022 Employee Support Programme ESP 2021, 2022 Breaking Bad News ESP, MPF Chaplaincy 2022 Supporting individuals with mental health issues Richmond Foundation - 2022 Mental Health Awareness Senior Management Training ESP 2021 Mental Health First Aid ESP 2021 Peer Support Training ESP 2021 Suicide Prevention ESP 2021, 2022 Bullying at the Workplace Sedqa 2022 MPWWG jikkollabora mal-Malta Police Sports Committee (MPSC) għall-organizzazzjoni ta’ attivitajiet sportivi, bl-għan li jiġi offrut inċentiv u inkoraġġiment biex membri tal-Korp jipparteċipaw. L-aspett fiżiku huwa importanti għal-benesseru ħolistiku ta’ kull persuna, u għalhekk qed jiġu allokati postijiet biex fejn ikun possibbli, persuna tkun tista’ tipprattika attività fiżika. Fil-binja ġdida tal-FCID, ġie allokat spazju mgħammar b’apparat modern għal użu ta’ gym. Qed jiġi ristrutturat gym ġdid ieħor fil-kumpless tal-Pulizija ġewwa Ta’ Kandja, li se jkun aċċessibbli għal-membri kollha tal-Korp. Qed jiġi mwaqqaf ukoll Wellbeing Professional Team ġdid u flimkien mat-tabib tal-Korp, dalwaqt ser jiġu ingaġġati żewġ infermiera, waqt li ser tinħareġ sejħa għal psikologu anzjan. Bħalissa diġà qed jingħataw servizzi ta’ testijiet ta’ demm, pressjoni, dijabete u kundizzjonijiet oħra, liema servizzi ntlaqgħu tajjeb ħafna mal-membri tal-Korp.

Korp tal-Pulizija – Malta Police Transformation Strategy 2020-2025 – entry criteria

Question

Peress li fil-Malta Police Transformation Strategy 2020-2025 intqal li wieħed mill-objettivi strateġiċi (Objective 9) kien li fil-Malta Police Force jibda proċess divers biex jitjiebu l-kwalifiki u l-“entry criteria” biex wieħed jidħol jaħdem fil-Korp bil-għan li l-Korp ikollu persuni li huma kompetenti u saħansitra accountable fid-diversi setturi fi ħdan l-istess Korp, jista’ l-Ministru jgħid jekk dan il-proċess divers ta’ entry requirements bediex u jekk iva, f’liema gradi tad-dħul? Jekk kellu jsir hekk, jista’ jgħid għaliex allura fl-aħħar sejħa għar-rekluti ġodda tnaqqsu l-kwalifiki meħtieġa biex japplikaw?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li rigward sejħiet għall-ingaġġ fi-grad ta’ Spettur tal-Pulizija, ġie introdott ukoll il-mekkaniżmu, li diġà jintuża f’oqsma oħra ta’ xogħol fiċ-ċivil u organizzazjonijiet oħra għal skop ta’ reklutaġġ u selezzjoni tal-applikanti, magħruf bħala General Ability Test (GAT). Ma tnaqqset l-ebda kwalifika dwar rekwiżiti għar-reklutaġġ ta’ persuni fil Korp, anzi żdiedet il-marka rikjesta għal-MQF Level 3 (O’Level). Intant il-marka neċessarja kienet 6 jew D u saret 5 jew C. Kif indikat diġà fit-tweġiba oħra mill-Onor. Membru, l-età tal-eliġibbilta fi grad ta’ kuntistabbli żdiedet għal disgħa u tletin sena, waqt li dik ta’ kuntistabblijiet ta’ riżerva ġiet estiża. Ir-rekwiżit tat-tul tneħħew. Inbidel ukoll il-physical fitness test li issa hu komuni għas-sessi kollha.

Korp tal-Pulizija – Malta Police Transformation Strategy 2020-2025 – career paths

Question

Peress li fil-Malta Police Transformation Strategy 2020-2025 intqal li wieħed mill-objettivi strateġiċi (Objective 9) kien li ser jinbeda proċess ta’ career path biex kull membru fil-Korp ikollu l-istess opportunità biex jiġi promoss u anke jmur ġo diversi units biex isaħħaħ l-abbiltà tiegħu, jista’ l-Ministru jgħid x’sar eżattament u b’mod konkret biex dan l-oġġettiv jintlaħaq?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li l-għan disgħa jirreferi partikolarment fuq l-inizjattivi li jenfasizzaw il-career path għall-ħaddiema u uffiċjali tal-Korp. Hawn l-organizzazzjoni hi kommessa li toħloq perkors ċar għall-membri tagħha, biex b’hekk wieħed ikun jista’ jippjana, bil-quddiem, il-karriera tiegħu fil-Korp. Kien għalhekk illi f’Novembru tas-sena 2020, xahrejn biss wara li ġie ppubblikat id-dokument tat-Trasformazzjoni, il-Korp nieda l-Horizontal Movement Policy, li tirregolarizza l-mod kif isiru trasferimenti ta’ uffiċjali għal units speċjalizzati fil-Korp. B’din il-Policy ġie stabbilit, illi sakemm ma jkollux xi forma ta’ speċjalizzazzjoni speċifika, kuntistabbli ġdid fil-Pulizija jrid jagħmel l-ewwel perjodu ta’ tliet snin jaħdem fid-distrett jew fil-Community Policing, qabel ma jkun jista’ jesprimi l-interess tiegħu għal ċaqliq f’xi skwadra speċjalizzata. Dan il-proċess reġa’ nbidel, tant li skont il-Policy eżistenti, tinħareġ espressjoni ta’ interess sabiex uffiċjali jesprimu l-interess tagħhom. Wara li jgħaddi l-proċess ta’ selezzjoni hemm ċertu istanzi li jinkludi wkoll eżami fiżiku apparti u metodi ta’ assessjar oħra, barra mill-intervisti. Kif diġà ngħad fi tweġibiet oħra, skont din il-Policy, fl-ewwel sentejn tal-karriera tiegħu, il-Kuntistabbli jkun sorveljat minn mentor, u ċjoè surġent jew kuntistabbli anzjan. Dan il-programm ġie introdott fi Frar tat-2021 u bis-saħħa tiegħu l-Korp qed jassigura li jiġi evalwat il-progress tal-membri ġodda fi ħdanu. Fis-sena 2021 ħarġu erbgħa u erbgħin (44) espressjoni ta’ interess għal ċaqliq intern lejn skwadri speċjalizzati, filwaqt li fis-sena 2022 ħarġu tlieta u erbgħin (43) sejħa. Bl-istess mod, il-Korp qed jara li regolarment joħrog sejħiet għall-promozzjonijiet fil-grad ta’ Surġent u f’dak ta’ Spettur, b’dan tal-aħħar ikun miftuħ ukoll għal kanditati esterni li jkollhom il-kwalifiċi fil-livell MQF 6. Diġà ntqal fi tweġibiet oħra, li bħalissa qed issir reviżjoni tal-korsijet għal promozzjoni offruti mill-Korp u fost oħrajn dan il-proċess ser ikun qed jevalwa metodi ġodda ta’ kif dan it-taħriġ jista’ jkun iffaċilitat, anke permezz tat-teknoloġija, inkluż blended learning methods.

Korp tal-Pulizija – Malta Police Transformation Strategy 2020-2025 – sodisfazzjon ta’ kull membru

Question

Peress li fil-Malta Police Transformation Strategy 2020-2025 intqal li wieħed mill-objettivi strateġiċi (Objective 9) kien li ser tinħoloq sistema fejn il-livell ta’ sodisfazzjon ta’ kull membru fil-Korp huwa mkejjel, jista’ l-Ministru jgħid jekk din is-sistema bdietx titħaddem u jekk iva, f’liema areas il-membri huma l-aktar kuntenti u oħrajn inqas kuntenti?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat illi dwar l-għan numru disgħa tal-istrateġija, partikolarment dwar l-inizjativa li tinħoloq sistema fejn jiġi mkejjel il-livell ta’ sodisfazzjon tal-Membri tal-organizzazzjoni, il-Korp jinsab kommess li jara li regolarment issir riċerka u studju dwar il-motivazzjoni u s-sodisfazzjon tal-membri kollha tal-Korp. F’dan ir-rigward, f’Novembru tas-sena 2021 b’għajnuna mill-entità internazzjonali PriceWaterHouse Cooper, il-Korp nieda stħarriġ intern fuq livell ta' engagement tal-Membri tiegħu dwar din l-istrateġija. Dan l-istħarriġ ġie kondott mill-entità msemmija sabiex tkun tista’ tiġi aċċertata l-integrità u l-kontabilitá tar-riżultat. Permezz ta’ din l-għajnuna esterna, seta’ jiġi stabbilit ukoll il-livell ta’ anonimità u kunfidenzjalità tar-risposti. F’dan l-istħarriġ, ipparteċipaw tlieta u erbgħin fil-mija (43%) tal-ħaddiema tal-Korp, li sebgħa u sebgħin fil-mija (77%) minnhom wieġbu li jħossuhom kburin illi jifformaw parti mill-Korp. Fost diversi tweġibiet, minn dan l-istudju ħareġ ukoll illi tmienja u ħamsin fil-mija (58%) iħossuhom motivati f’xogħolhom, tnejn u sebgħin fil-mija (72%) jgħidu li l-istrateġija tispira fihom sens ta’ motivazzjoni, filwaqt li sebgħa u ħamsin fil-mija (57%) iħossu li l-kultura tal-Korp ma tinkorraġġix wisq innovazzjonijiet. Erbgħa u sittin fil-mija (64%) jafdaw lit-tmexxija tal-korp u wieħed u tmenin fil-mija (81%) jħossuhom ispirati mis-superjuri tagħhom. Tlieta u ħamsin fil-mija (53%) iħossu li qed jingħataw taħriġ adekwat, tmienja u erbgħin fil-mija (48%) jemmnu li l-well-being qed jingħata prijorità, filwaqt li sitta u ħamsin fil-mija (56) jgħidu li jirnexxilhom isibu bilanċ bejn il-ħin liberu u x-xogħol. Ħaġa li spikkat fir-riżultati huwa il-bżonn speċifiku li tiġi implimentata strateġija tat-tip li għaddej minnha l-Korp. Fil-ġimgħat li ġejjien il-Korp, bl-għajnuna tal-istess entità, ser iwettaq it-tieni verżjoni tal-istess studju, għas-sena 2022, fejn bir-riżultat tal-analiżi susseggwenti, ikun jista' jsir paragun tal-andament minn sena għall-oħra. Dan jgħin ukoll biex isir kull titjib u mmaneġġjar neċessarju, kif ikun mistenni wara kull studju minn entità serja u professjonali.

Korp tal-Pulizija – Malta Police Transformation Strategy 2020-2025 – leaders

Question

Peress li fil-Malta Police Transformation Strategy 2020-2025 intqal li wieħed mill-objettivi strateġiċi (Objective 10) kien li jinbena programm biex ikunu stabbiliti leaders, jista’ l-Ministru jgħid jekk dan il-programm bediex u jekk iva, kif qed jiġu identifikati u stabbiliti dawn il-leaders?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat illi dwar l-għan numru għaxra tal-istrateġija, b’mod partikolari l-inizjattivi li jiffukaw fuq l-identifikazzjoni ta’ leaders fi ħdan l-organizzazzjoni, il-Korp huwa kommess li jwassal il-messaġġ li l-kunċett ta’ leadership fil-Korp, mhux wieħed marbut mal-grad tal-uffiċjal, iżda attitudni ġenerika mħaddna mill-organizzazzjoni kollha speċjalment waqt dan il-proċess ta’ trasformazzjoni li bħalissa għaddej minnu l-Korp. Abbażi ta’ dan, f’Ottubru tas-sena 2021 beda jingħata taħriġ f’kull livell tal-organizzazzjoni, immirat li joħloq iżjed konoxxenza tal-istess kunċett. Dan it-taħriġ ġie ddisseminat minn fuq għal isfel u f’dan l-istadju qed jiġi mogħti lill-uffiċjali fi grad ta’ surġent. Apparti minn dan it-taħriġ, ġie mniedi wkoll programm ta’ mentorship, fejn rekluta li jkun għadu kemm beda l-impjieg tiegħu fil-Korp, jiġi assenjat ma’ Surġent jew Kuntistabbli Anzjan (bi tnax-il sena servizz) għall-perjodu ta’ sentejn, fejn dan jiġi evalwat u mmexxi tul il-perjodu ta’ prova tiegħu. Hija responsabbiltà tal-mentor li jsegwi u jissorvelja l-aġir, l-imġiba, kif ukoll l-attitudni tal-kuntistabbli fdat lilu. Dan il-programm huwa mnissel fuq bażi b’saħħitha ta’ kunċett ta’ leadership, li minnha jibbenefika mhux biss il-kuntistabbli fi stadju ta’evalwazzjoni, iżda anke dik il-persuna li tkun qed tiddereġih. Taħriġ ieħor relatat ma’ leadership jiġi offrut f’kull kors li jingħata qabel promozzjoni, u jinkludi korsijiet fejn kuntistabblijiet ikunu sejrin joqogħdu għall-eżami ta’ surġent, kif ukoll kandidati li japplikaw għal promozzjoni fi grad ta’ Spettur. Barra minn dan, dawk l-uffiċjali li jiġu promossi fil-grad ta’ Spettur, jintbagħtu għall-kors ta’ Diploma in Policing, l-Università ta’ Malta, fejn wieħed mis-suġġetti li jsir enfasi fuqu huwa l-Leadership. Dan kollu juri kemm il-Korp huwa kommess mhux biss li jiddentifika leaders fi ħdanu, iżda li jwassal il-messaġġ illi kull uffiċjal huwa mexxej, kemm ma’ sħabu, kif ukoll fil-komunitajiet u t-taqsimiet fejn iservi.

Korp tal-Pulizija – Malta Police Transformation Strategy 2020-2025 – forum dwar direzzjoni u viżjoni ġdida

Question

Peress li fil-Malta Police Transformation Strategy 2020-2025 intqal li wieħed mill-objettivi strateġiċi (Objective 10) kien li jinħatar “forum” bejn it-top management u l-Police Governance Board rigward direzzjoni u viżjoni ġdida fil-Malta Police Force, jista’ l-Ministru jgħid jekk dan il-“forum” bediex jiltaqa’ u jekk sarx xi tibdil fid-direzzjoni strateġika tal-Korp?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat illi dwar l-għan numru għaxra tal-istrateġija, rigward l-inizjattiva li tenfasizza l-forum bejn is-Senior Management tal-Korp u l-Bord tal-Governanza, irid jingħad illi dan il-Forum ilu jiffunzjona mill-ewwel laqgħa wara li ġiet varata l-istrateġija. Fih isiru diskussjonijiet fuq kull element tal-proċess, li jinkludi t-tibdil li jkun sar, il-progress b’sistema tal-milestones u deliverables u anke d-diskussjonijiet u xogħol fil-kumitat tat-tmexxija ma' konsulenti li qed jgħinu l-Korp tal-Pulizija fir-riforma. Hawn jingħataw aġġornamenti kontinwi, kemm lis-Senior Management tal-Korp kif ukoll lill-membri tal-Bord tal-Governanza. Issir reviżjoni tal-awditur intern u jiġi kontinwament emendat l-elenku ta’ inizjattivi li jittieħdu bejn il-Korp, l-aġenti interni, l-kumitat tat-tmexxija u l-uffiċjali tal-Bord.

Proġett ta’ Villa Lauri

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar il-proġett ta’ Villa Lauri ġewwa Birkirkara, li suppost kellu jiġi inawgurat matul l-ewwel xhur tas-sena 2020 biex jipprovdi akkomodazzjoni temporanja għal studenti Universitarji Għawdxin u għal qraba ta’ pazjenti Għawdxin li jkunu għall-kura f’Malta, iżda għadu sal-lum ma ġiex inawgurat? Meta hu ppjanat li jitlesta x-xogħol kollu fuq din il-binja u tibda tintuża? Kemm kienu l-fondi allokati għal din il-binja fil-Baġit għal kull waħda mis-snin 2019, 2020, 2021 u 2022, kemm intefqu minnhom u kemm hemm fondi allokati għas-sena 2023? Jista’ l-Ministru jgħid kemm hi stmata li se tkun l-ispiża globali fuq din il-binja biex tibda tintuża mill-istudenti u qraba ta' pazjenti Għawdxin?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol strutturali fuq Villa Lauri tlesta u bħalissa għaddej ix-xogħol ta’ M&Es u Finishes, apparti li beda x-xogħol fuq l-installazzjoni tal-Lifts. L-offerta għal xiri ta’ għamara ngħatat ukoll u din se tiġi installata meta jitlestew ix-xogħlijiet tal-M&Es u Finishes. Ix-xogħol ma setax jitlesta fil-ħin peress li għas-sejħa tal-offerti maħruġa għal xogħol strutturali l-ebda offerent ma kien eliġibbli u għalhekk kellha tinħareġ sejħa mill-ġdid. Meta ħarġet is-sejħa għall-offerti għal xogħol ta’ M&Es u Finishes ukoll ma kien hemm l-ebda offerent eliġibbli u għalhekk kellu jibda l-proċess għal sejħa tal-offerti mill-ġdid. Ix-xogħol huwa ppjanat li jitlesta sas-sena 2023.

Ministeru għal Għawdex – lista ta’ direct orders ippubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta ġew ippubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern il-listi ta' Direct Orders dipartimentali mogħtija mid-direttorati u diviżjonijiet fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex bejn l-1 ta' Jannar 2021 u l-31 ta’ Ġunju 2021 u bejn l-1 ta' Lulju 2019 u t-30 ta' Diċembru 2021 skont l-Artikolu 111(2) tar-Regolamenti tal-2016 dwar il-Kuntratti Pubbliċi? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dawn il-listi?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’xi seduta oħra.

Ministeru għal Għawdex – ħaddiema fi grad mediku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm impjegati mediċi (Allied Health Practitioner, Senior ECG technician, Enrolled Nurse, Nursing Aide, Health Assistant eċċ.) impjegati fuq il-kotba tal-Ministeru, u fejn qed jaħdmu, maqsuma sena b'sena mis-sena 2013 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid kemm kien hemm minn dawn il-ħaddiema li bla ma ħarġet sejħa, inqalbu minn grad Mediku għal grad Industrijali jew Tekniku? Jista’ jispjega x'inhu l-proċess biex wieħed jaqleb minn grad mediku għal grad Tekniku jew Industrijali mingħajr ma toħroġ sejħa?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u se tingħata f’xi seduta oħra.

Kemmuna – bajjiet — infurzar

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3829, peress li jien tlabt informazzjoni fuq x’infurzar qed isir fuq “il-bajjiet f’Kemmuna” u mhux fil-Blue Lagoon biss, jista’ l-Ministru jgħid jekk ikunx hemm żjarat mill-infurzar fil-Bajja ta’ Santa Marija? Jekk iva, kemm-il darba?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din is-sena intramaw deckchairs u umbrelel fil-bajja ta’ Blue Lagoon biss u għaldaqstant ma kienx jinneċessita infurzar f’bajjiet oħra madwar Kemmuna.

Kemmuna Beach Concessions

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3827, peress li jien staqsejt dwar il-konċessjonijiet “mogħtija” fil-bajjiet u l-Ministru wieġeb li dawn qegħdin jiġu finalizzati, jista’ l-Ministru jwieġeb fuq l-encroachments preżenti, is-site plans preżenti u fejn dawn iwasslu b’mod preżenti?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4264.

Kemmuna Beach Concessions

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3826, peress li l-Ministru kien mitlub ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tas-sejħa pubblika għal konċessjonijiet ġewwa Kemmuna u huwa wieġeb li s-sejħa qiegħda tiġi finalizzata u se tkun ippubblikata fiż-żmien li ġej, jista’ l-Ministru jgħid jekk dan ifissirx li dawk li ngħataw il-konċessjonijiet preżenti ma kienx hemm sejħa pubblika għalihom? Jekk iva, jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tagħhom? Jista’ jagħti data/żmien meta din is-sejħa ser tinħareġ?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sejħa se tinħareġ matul l-ewwel xhur tas-sena d-dieħla. Infakkru li s-snin 2020/2021 u l-bidu tal-2022 kienu karatterizzati minn inċertezza u instabbilità li ġabet magħha l-pandemija. Għalhekk fiċ-ċirkustanzi saret estensjoni temporanja (2022) tal-kuntratt preċedenti.

REWS — Bord - Chairman u membri

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3653, tista’ l-Ministru tagħti tweġiba ċara għad-domanda li saret u preċiżament jekk hemmx il-ħsieb li ssir sejħa pubblika għal ħatriet ta’ Chairman u/jew membri tal-Bord tar-Regulator for Energy and Water Services (REWS), fejn allura l-ħatra ta’ almenu żewġ membri tal-Bord tiġi fi tmiem fil-21 ta’ Novembru 2022? Tista’ tgħid meta ser jiġu ppubblikati l-kriterji oġġettivi u trasparenti li jirregolaw il-ħatriet tal-membri tal-Bord tar-REWS ġaladarba ftit ġranet oħra jiġu fi tmiem il-ħatriet ta’ wħud mill-membri tal-istess Bord?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kriterji li abbażi tagħhom jinħatru l-membri tal-Bord tar-Regolatur ġew ippubblikati u huma disponibbli permezz tas-sit elettroniku tar-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS). Fir-rigward taż-żewġ membri li qed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant, nirreferih għar-risposta li kont tajtu għall-Mistoqsija Parlamentari 1168 u nfakkru li mal-iskadenza tal-ewwel terminu, il-membri fuq il-bord tar-Regolatur għandhom il-possibbiltà li jinħatru għal terminu ieħor skont id-dispożizzjonijiet tas-subartikolu 3(7) tal-Att dwar ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (Kap. 545); dan anke sabiex l-esperjenza li tkun inkisbet ma tintilifx u biex, fis-snin li ġejjin, skont id-dispożizzjonijiet tal-istess subartikolu, ikun hemm ukoll il-possibilità ta’ “rotazzjoni xierqa”.