Legislature:
Category:
Reset
Active:

Nuqqas ta’ ħlas ta’ manteniment – twissija, multi, ħabs sospiż

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm missirijiet u ommijiet effettivament instabu ħatja ta’ ksur tal-Kodiċi Kriminali (Kap. 9 tal-Liġijiet ta’ Malta) artikolu 338(z), dwar in-nuqqas ta’ ħlas tal-manteniment, u artikolu 338(ll), dwar in-nuqqas ta’ aċċess ta’ wlied minuri, u kemm weħlu twissijiet, multi jew ħabs sospiż matul is-sena 2021?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Nuqqas ta’ ħlas ta’ Manteniment — Priġunerija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm missirijiet u ommijiet effettivament intbagħtu l-ħabs wara li nstabu ħatja ta’ ksur tal-Kodiċi Kriminali (Kap. 9 tal-Liġijiet ta’ Malta) artikolu 338(z), dwar in-nuqqas ta’ ħlas tal-manteniment, u artikolu 338(ll), dwar in-nuqqas ta’ aċċess ta’ wlied minuri matul is-sena 2021?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Rapporti ta’ fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tressqu rapporti ta' fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol lill-Pulizija minn Jannar 2022 sa Ottubru 2022? Kemm minn dawn ir-rapporti saru minn nisa u kemm minn irġiel? Kemm minn dawn ir-rapporti/każijiet ittellgħu l-Qorti? F'kemm minn dawn ir-rapporti/każijiet li ttellgħu l-qorti l-perpetrator instab ħati?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi n-numru ta’ rapport rreġistrati mal-Pulizija, minn persuni li sfaw vittmi ta’ fastidju sesswali fuq il-post tax xogħol fil-perjodu ta’ bejn l-ewwel ta’ Jannar u l-aħħar ta’ Ottubru 2022, kien ta’ sebgħa. Fil-każijiet kollha l-vittmi kienu femminili. F’sitta minn dawn il-każi, il-persuni suspettati tressqu jew qegħdin fil-proċess li jitressqu l-Qorti. Każ wieħed għadu qed jiġi investigat. Fuq l-ebda każ għadha ma ngħatat sentenza.

Rapporti ta’ fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tressqu rapporti ta' fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol lill-Pulizija fis-sena 2021? Kemm minn dawn ir-rapporti saru minn nisa u kemm minn irġiel? Kemm minn dawn ir-rapporti/każijiet ittellgħu l-Qorti? F'kemm minn dawn ir-rapporti/każijiet li ttellgħu l-qorti l-perpetrator instab ħati?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi n-numru ta’ rapporti rreġistrati mal-Pulizija, minn persuni li sfaw vittmi ta’ fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol matul is-sena 2021, kien ta’ tmienja (8). F’sebgħa (7) każi l-vittmi kienu femminili u f’każ ieħor il-vittma kien raġel. F’erbgħa minn dawn il-każi, il-persuni suspettati tressqu l-Qorti. Minnhom kien hemm każ fejn is-suspettat ġie lliberat. F’każ ieħor is-suspettat instab ħati u f’żewġ każi l-proċedimenti għadhom għaddejjin.

Dipartiment tal-Gvern – Assistenti Diretturi

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kif il-Gvern wasal għad-deċiżjoni fejn f'Dipartiment partikolari tal-Gvern ikun hemm biss Assistent Direttur wieħed minflok tlieta kif kien hemm qabel ma' kull Direttur? Jekk qabel f'Dipartiment kien hemm tliet Assistenti Diretturi li jaħdmu flimkien ma' Direttur wieħed u issa jirriżulta li hemm Assistent Direttur wieħed, min sejjer jagħmel ix-xogħol li kienu jagħmlu ż-żewġ Diretturi l-oħra fid-Dipartiment?

Response (ABELA, ROBERT)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jiċċara aktar fid-dettall il-mistoqsija tiegħu.

Ħaddiema fil-General Service Grades

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm daħlu jaħdmu ħaddiema fil-General Service Grades bħala Assistant Manager, Manager 1, Manager 2 u Senior Manager?

Response (ABELA, ROBERT)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jiċċara aktar fid-dettall il-mistoqsija tiegħu.

Ta’ Xbiex – Marina — tiswijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jsiru t-tiswijiet neċessarji fuq il-funtana ġewwa l-marina ta' Ta' Xbiex, li ilha snin bil-ħsara?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġejt infurmat li l-ħsara qed tiġi spezzjonata minn aspett tekniku sabiex isiru x-xogħlijiet kollha meħtieġa.

Servizz Pubbliku — Ħaddiema General Service Grade u Departmental Grade

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk ħaddiem li qiegħed f’General Service Grade fuq l-istess skala tas-salarju ta' ħaddiem li għandu Departmental Grade, jistax imexxi u jawtorizza lil dan tal-aħħar jekk it-tnejn li huma jaħdmu fl-istess uffiċċju? Jista' jgħid kemm hemm sitwazzjonijiet ta' ħaddiema b’Departmental Grade li qegħdin jaħdmu f'din is-sitwazzjoni fid-Dipartimenti tal-Gvern, fis-Servizz Pubbliku? Ladarba din hija inġustizzja, il-Gvern se jkun qiegħed jindirizzaha? X'miżuri se jittieħdu biex dawn is-sitwazzjonijiet jieqfu?

Response (ABELA, ROBERT)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jiċċara aktar fid-dettall il-mistoqsija tiegħu.

Żoni Turistiċi — Tindif

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu l-inizjattivi li ttieħdu bejn Jannar u Ottubru ta' din is-sena b'konnessjoni ma’ servizzi ta’ tindif f’żoni turistiċi?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni taħdem bla waqfien matul is-sena kollha. Fil-fatt, id-Diviżjoni introduċiet ukoll xiftijiet differenti tal-operat tagħha, bl-għan li tlaħħaq mad-domanda ta’ tindif li maż-żmien qiegħda aktar tikber. Matul is-sena, f’żoni turistiċi sar xogħol ta’ rutina fosthom knis u ħasil tat-toroq, tbattil tal-bins, ħasil ta’ tabelli u sinjali tat-traffiku, tindif ta’ żoni pedonali u spazji miftuħa, tindif u upkeep ta’ latrini pubbliċi, tindif tal-culverts, tneħħija ta’ skart mormi illegalment, manutenzjoni u tiswijiet ta’ ħitan li jaqgħu taħt il-Gvern Ċentrali, qtugħ ta’ ħaxix ħażin, ġbir ta’ annimali mejta, servizz ta’ emerġenza, fosthom tindif wara inċidenti tat-traffiku u żjut fl-art u tindif wara maltempati, fosthom tneħħija ta’ ġebel, siġar, ramel u materjal ieħor li jkun ta’ periklu għan-nies. Barra minn hekk, matul is-sajf jintensifika t-tindif fil-bajjiet prinċipali, fejn apparti li jitnaddfu kuljum, il-bins jitbattlu tlett darbiet kuljum, kif ukoll isir manutenzjoni fuq għamara tal-baħar. F’żoni turistiċi qed jintużaw ukoll id-Dry Ice Machine biex jitneħħa chewing gum, stickers u graffiti minn mal-ħitan. Introduċejna 7 Electric Pedestrian Sweepers li jitħaddmu b’sistema ta’ vacuum li tiġbor ukoll skart irqiq. Investejna madwar €250,000 f’9 Sand Sifters li jintużaw fuq il-bajjiet prinċipali. Dawn il-magni jgħarblu r-ramel sa 6 pulzieri l-isfel mill-wiċċ u jneħħu l-iskart fin li jispiċċa fir-ramel. Ta’ min jgħid, li l-għarbiel tar-ramel iżid il-kwalità u s-servizz li jiġi offrut lill-pubbliku f’dak li jirrigwardja t-tindif tal-bajjiet, speċjalment dawk li għandhom status ta’ Blue Flag.

Investiment fis-servizzi ta’ tindif

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’investimenti saru bejn Jannar u Ottubru ta' din is-sena f'servizzi ta' tindif sabiex il-prodott ikompli jittejjeb?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din is-sena saru bosta investimenti fi ħdan id-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni sabiex inkunu nistgħu nlaħħqu mad-domanda tax-xogħol tat-tindif, fosthom; - Tejjibna s-servizz tal-Customer Care, fejn wieħed jista’ jikkuntatja lid-Diviżjoni biex jgħaddi l-ilment tiegħu f’kull ħin tal-ġurnata, mit-Tnejn sal-Ħadd. - Komplejna ntejbu l-mobile app Clean&Upkeep, fejn wieħed jista’ jgħaddi l-ilment tiegħu permezz tal-mobile. Meta wieħed jgħaddi l-ilment permezz tal-mobileapp, jiġi rrikordjat il-coordinates ta’ fejn hemm bżonn intervent ta’ tindif, kif ukoll jistgħu jintbagħtu ritratti bid-dettalji. - Sar investiment f’9 Sand Sifters (4 ride-on u 5 walk-behind), li jgħarblu r-ramel u jneħħu skart fin mir-ramel u huma bżonnjużi speċjalment għal bajjiet bi status ta’ Blue Flag. - Investejna f’7 Electric Pedestrian Sweepers, li jintużaw l-aktar f’pedestrian zones, ċentri kummerċjali u cycle lanes. - Investejna fi proġett pilota ta’ Solar Litter Compaction Bins, li jaħdmu b’sistema ta’ pannelli solari u jikkompattaw l-iskart u għaldaqstant iżidu b’mod effettiv il-volum tal-bin sa 5-8 darbiet aktar. Id-Diviżjoni tirċievi notifikazzjoni meta bin ikun wasal biex jimtela u għandu bżonn jitbattal. - Investejna wkoll f’Self Cleaning Automated Toilet, li huwa toilet awtomatizzat li huwa kapaċi jitnaddaf waħdu. Dan it-toilet ġie introdott bħala proġett pilota fil-Belt Valletta u qed isir studju sabiex jinstab l-iktar mudell effettiv biex in-numru ta’ dawn il-latrini pubbliċi ġodda jiżdiedu fiż-żoni turistiċi. - Investejna f’infurzar flimkien mal-LESA fejn jidħol rimi ta’ skart illegali. Qed niddiskutu wkoll il-possibilità li jsir arranġament ieħor mal-ERA. - Nedejna wkoll proġett pilota ma’ 5 Kunsilli Lokali (Birżebbuga, Marsaxlokk, Żurrieq, Birkirkara u l-Belt Valletta), fejn qed nindirizzaw nuqqasijiet tal-kuntratturi imqabbda mill-Kunsilli Lokali, fosthom fi knis u tindif tat-toroq. Proġett li qed iwassal għal diversi talbiet minn Kunsilli Lokali oħrajn.

Assistenza fis-servizz ta’ knis ta’ toroq

Question

Jista’ l-Ministru jaġġorna lil din il-Kamra dwar kif sejjer l-andament tal-proġett pilota ta' assistenza fis-servizzi ta’ knis ta' toroq lil diversi Kunsilli Lokali? Hemm xi talbiet oħrajn minn kunsilli lokali oħra sabiex jissieħbu f’dan il-proġett?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett pilota ta’ assistenza fis-servizz ta’ knis ta’ toroq lil 5 Kunsilli Lokali ntlaqa' tajjeb ħafna, kemm mill-Kunsilli Lokali kkonċernati, kif ukoll mir-residenti. Dan il-proġett pilota ser iservi sabiex bħala Diviżjoni nassistu biex jiġu stabbiliti standards fl-indafa li jirriflettu l-bżonnijiet tal-lokalitajiet skont l-esiġenzi ta’ kull lokalità. Kienu bosta Kunsilli Lokali oħrajn li avviċinaw lid-Diviżjoni sabiex huma wkoll jissieħbu f’dan il-proġett li jirrigwardja assistenza ta’ knis fit-toroq. Dawn it-talbiet qed jiġu evalwati sabiex naraw l-aħjar mod possibbli kif għandu jitqassam l-operat.

Customer Care tad-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni

Question

Peress li d-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni għandha sezzjoni ta’ Customer Care li l-pubbliku jfaħħar ħafna s-servizzi tagħha, jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-ilmenti li rċeviet din id-diviżjoni matul din is-sena? Kemm minn dawn ġew solvuti?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn Jannar u Ottubru 2022, il-Customer Care fi ħdan id-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni rċieva 10,200 ilment, fejn 97.11% ġew solvuti u 2.89% kienu jaqgħu taħt entità oħra u għaldaqstant għaddew għand l-entità kkonċernata.

Birżebbuġa – inħawi tal-Ġebel, tal-Papa u tal-Qajjenza – qtugħ ta’ dawl

Question

Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjan ta' azzjoni ta' x'qed isir sabiex ma jibqax jinqata' d-dawl tat-toroq daqshekk spiss fl-inħawi tal-Ġebel, tal-Papa u tal-Qajjenza f'Birżebbuġa?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-Enemalta għamlet it-tiswijiet meħtieġa u l-elettriku f’ħafna minn dawn it-toroq reġa’ nxtegħel. L-Enemalta investigat il-problema li kien hemm f’din iż-żona. Jirriżulta li din kienet ġejja minn demarcation boxes li hemm mal-lampi li ma sarux mill-Enemalta imma saru minn kuntrattur imqabbad mill-Kunsill Lokali. Meta tagħmel ix-xita qed jidħol l-ilma f’dawn id-demarcation boxes u jikkawża qtugħ fid-dawl tat-toroq.

Importazzjoni ta’ oxidizers u metalli għal użu ta’ piroteknika

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista li turi kemm ġew importati oxidizers u metalli għal użu fil-piroteknika, materjal materjal, meta, minn liema pajjiż u taħt liema HS Code mill-1 ta' Settembru 2021 sal-31 ta' Ottubru 2022?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jispeċifika l-materjali li qed jirreferi għalihom fil-Mistoqsija.

Importazzjoni ta’ Oxidizers u metalli għal użu ta’ piroteknika – ċertifikazzjoni ta’ kwalità

Question

Jista’ l-Ministru jippreżenta kopja taċ-ċertifikazzjoni tal-kwalità u/jew is-safety data sheets li ġew ippreżentati fl-importazzjoni ta' oxidizers u metalli għal użu fil-piroteknika, materjal b’materjal, mill-1 ta' Settembru 2021 sal-31 ta' Ottubru 2022, u/jew verifika u/jew konferma li dawn ġew ippreżentati f'kull istanza ta' importazzjoni tal-imsemmija materjali fil-perjodu msemmi? Jista', għal kull instanza ta' importazzjoni tal-imsemmija materjali fil-perjodu msemmi, jindika kif ġew ivverifikati s-Safety Data Sheets?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba mogħtija fil-PQ 4512.

Importazzjoni ta’ Oxidizers u metalli għal użu ta’ piroteknika – proċess ta’ verifikazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-proċess u l-frekwenza sabiex jiġi vverifikat li l-oxidizers u metalli għal użu fil-piroteknika importati jikkorispondu fil-kompożizzjoni u l-kwalità mad-dokumentazzjoni ppreżentata waqt l-importazzjoni?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba mogħtija fil-PQ 4512.

Persons of Trust — dekasteru li jaqa’ taħt l-Uffiċċju tal-Prim Ministru

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm persons of trust affiljati ma’ istituzzjonijiet, awtoritajiet u entitajiet li jaqgħu taħt l-Uffiċċju tiegħu u kemm qed jitħallsu kull sena?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab infurmat li ma hemmx persons of trust affiljati ma’ istituzzjonijiet, awtoritajiet u entitajiet li huma parti mid-dekasteru tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Qawra – Skola Primarja — parkeġġ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni għalfejn il-parkeġġ tal-Iskola Primarja tal-Qawra għadu mhux miftuħ għall-użu tal-pubbliku?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li filwaqt li nirreferih għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 2538, ninfurmah ukoll li ser jiġi ffirmat ftehim fit-12 ta’ Diċembru. (Informazzjoni Addizzjonali: Ara Dokument PL 1027 li tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra f'Seduta 68, nhar l-Erbgħa, 7 ta' Diċembru 2022)

Qawra – Skola Primarja — parkeġġ

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hemmx jew kienx hemm diffikultajiet dwar aċċessibbilta u ingress ta’ ilma fil-parkeġġ tal-Iskola Primarja tal-Qawra li għadu mhux miftuħ għall-użu tal-pubbliku? Jekk iva, jista’ l-Ministru jagħti iktar tagħrif dwar dawn iż-żewġ materji?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 4526.